venerdì 17 luglio 2020

Ktieb


Sa mill-bidu  tal-eżistenza tiegħu, il-bniedem beda jipprova jniżżel ħsibijietu, xewqat jew ħtiġijietu f’forma viżiva. Dan beda jagħmlu billi jħażżeż xi sinjali mal-ħitan tal-għerien li kien jgħix fihom. Maż-żmien żviluppat il-kitba u dawn is-sinjali bdew ikunu differenti, bdew jinkitbu l-ħsibijiet. Issa mhux fuq il-ħitan biss beda jkun hemmm xi kitba imma nħolqu superfiċji bil-għan li ssir kitba fuqhom. Tinqix fil-ġebel, kitba fuq twavel tat-tafal, kitbiet fuq ġilda tal-annimali mnixxfa, fuq weraq u fuq tessuti minsuġa minn ħjut ta’ pjanti bħlama hu l-papiru, sakemm bdiet tintuża l-karta. Inbidelu koll il-post fejn bdew jinkitbu dawn il-ħsibijiet. Minn mal-ħitan bdew jitniżżlu fi skrollijiet sakemm dawn twarrbu wkoll u bdejna nsibu l-kotba.

Kelma kelma


Illum faċli ssib ktieb li tkun trid taqra jew tagħmel xi riċerka fuqu. Kemm tmur sal-librerija u tissellfu jew jekk tkun trid li jkollok kopja tiegħu taqbad u tixtrih. Jekk dan il-ktieb ma ssibux, illum saret ħaġa komuni li tixtrih minn fuq l-internet u fi ftit jiem ikun għandek. Illum fuq l-internet issib tixtri mhux biss kotba ġodda imma anke dawk użati, għalhekk anke kotba li ma għadekx issib tixtrihom mill-ħwienet, tista’ ssib tixtrihom biex ngħid hekk, “mill-idejn”.


Biss li wieħed jaqbad u jixtri ktieb li jkun jixtieq, hekk, qisu qed jieħu tazza ilma mhux minn dejjem kienet possibbli. Sakemm ġiet ivvintata l-istamperija, il-kotba kienu jiġu kkuppjati bl-idejn. Dan ix-xogħol kien l-aktar isir f’xi monastru fejn għadd ta’ rħieb kienu jniżżlu kelma b’kelma dak li wieħed minnhom kien ikun qed jiddetta. Nistħajjilhom aħna meta konna għadna studenti u l-għalliem kien jagħmlilna d-dictation. Din is-sistema xerrdet ħafna kotba madwar id-dinja iżda kellha wkoll l-iżvantaġġi tagħha. Billi aħna bnedmin u mhux magni, ġieli kien ikun hemm xi raħeb milli kien ikun jikteb dawn il-kotba u kien jifhem xi kelma ħażin u jniżżilha kif ikun semagħha. Din tibqa’ hekk għal dejjem u l-gwaj kien jikber meta dik il-kopja tal-ktieb kienet tintuża biex jiġu kkupjati oħrajn u jerġa’ jkun hemm xi raħeb li jew ma jismax sewwa xi kelma jew jifhem  ħażin kien ikompli jbiegħed dik il-kopja mill-oriġinali. Din il-ħaġa ntemmet mal-ħolqien tal-magna tal-istampar li beda juża Johannes Gutenberg għall-ħabta tas-sena 1440. Issa saret ħaġa eħfef biex jibda jkun ippubblikat ktieb. Ma għandniex naħsbu li dan kien xi xogħol ħafif, għax issa minflok beda jsir kelma kelma, it-tħejjija għal kull tip ta’ stampar beda jsir ittra ittra, imma ladarba kien ikun lest dan ix-xogħol kollu, kienu jistgħu jsiru mijiet jew eluf ta’ kopji. B’din is-sistema ġiet eliminata l-problema li kien hemm fl-ikkupjar bl-idejn, biss issa xorta kien hemm lok li jkun hemm xi żball. Dan kien isir jew għax kien jinqabeż xi vers waqt li kienu jkunu qed jiġu mħejji jew kienet tinkiteb xi kelma bi żball. Meta kien jiġri hekk kien ikun hemm dik li tissejjaħ “errata corrige”, paġna li turi l-iżbalji li jkun hemm fil-ktieb u kif suppost kellhom ikunu bla żball
.

Era Moderna
Il-ktieb baqa’ għaddej minn evoluzzjoni sħiħa. Illum tista’ taqra ktieb bla ma biss tmiss karta b’idejk. L-e-book saru popolari ħafna. Dawn huma komdi għal diversi raġunijiet. L-ambjent ma jbatix bihom għax ma humiex stampati fuq karta li tiġi mis-siġar. Huma orħos għax ma jitolbux ix-xogħol li jivolvi ktieb stampat. Illum aktar qed naraw il-vantaġġi tal-e-book. L-imxija tal-Covid 19 urietna li l-virus jista’ anke jkun trasmess billi tmiss xi ħaġa wara li jkun messha xi ħadd ieħor li jkollu l-virus. L-e-book jevitana dan ir-riskju.

Imma bħala preġju l-e-book ma għandu xejn, mhux bħall-ktieb stampat li min hu diltettat jieħu gost jara fuq l-ixkafef tal-librerija tiegħu. Kollox fih is-sabiħ u l-ikrah tieħgu.

Kotba li għebu
Hemm xi kotba li meta kont għadni żgħir kont nisma’ bihom iżda issa donnhom ma’ għadhomx jeżistu.

Niftakar lin-nanna u anke lil ommi jsemmu l-ktieb tar-ration. Minkejja li jiena twelidt aktar minn għoxrin sena wara li nemmet it-tieni gwerra dinjija, xorta f’Malta kien għadu jitqassam ir-razzjon. Il-familji kellhom ktieb li fuq jiġi mmarkat meta jkunu xtraw is-sehem tal-ikel tagħhom. Kiteb ieħor li kont nisma’ bih imma naħseb li ma għadux jeżisti huwa l-ktieb tax-xogħol. Naħseb li llum kollox elettroniku sar isir. Il-ktieb tal-bank forsi għadu jeżisti imma llum min jużah? Niftakar ukoll lil min isemmi l-ktieb tal-kerha. Ma nafx, imma nemmen li dan illum ma għadux jintuża u xogħlu jagħmlu l-komputer.

Mazz karti illegati flimkien li jissejjjaħ ktieb. Kemm hemm stejjer warajh!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Lulju 2020


Nessun commento:

Posta un commento