venerdì 14 ottobre 2016

Imwaħħlin fit-traffiku

Hekk kif l-iskejjel kollha tal-pajjiż jerġgħu jiftħu bwiebhom għal sena skolastika ġdida, pajjiżna jagħddi minn trawna li tibqa’ sejra għal bosta xhur. It-toroq tagħna jimtlew bil-karozzi minn lejl għal nhar, jiżdied it-traffiku, jiżdied id-dewmien fit-toroq u jiżdiedu n-nervi u r-rabja li ġġib magħha konġestjoni ta’ karozzi. Titkellem ma’ min titkellem f’ dawn il-jiem, il-kliem dejjem jaqa’ dwar l-ammont kbir ta’ karozzi li għandna f’ pajjiżna u dwar il-problemi li qed insibu ma’ wiċċna ta’ kuljum.

Sigħat moħlija
Kemm sigħat qegħdin jinħlew fix-xejn. Vjaġġ li kien jieħu kwarta jew għoxrin minuta ġieli qed idum aktar minn siegħa jew siegħa u nofs. Dan it-telfien ta’ ħin huwa kollu dovut għall-kjuwijiet twal li s-sewwieqa qegħdin isibu fit-toroq. It-telf ta’ ħin huwa telf ta’ flus. Kemm jista’ jsir xogħol f’ dawk is-sigħat moħlija meta tkun imwaħħal f’ xi triq, b' mijiet ta’ karozzi quddiemek u b’mijiet oħra warajk u titlob biex forsi kull żewġ minuti timxi metru ’l quddiem! Sitwazzjoni bħal din, li ma għadiex aktar rarità imma llum saret in-norma, twassal għal rabja u stress kbir fis-sewwieqa, u fil-passiġġieri, jekk ikun hemm. Qed ngħid jekk ikun hemm passiġġieri, għax illum saret rarità oħra dik li tara karozza b’aktar minn bniedem wieħed ġo fiha. Din il-ħaġa wkoll qegħda żżid it-traffiku, ħadd ma għadu jrikkeb lil ħadd, kulħadd jistartja u jsuq sar illum.

Bil-mixi
Illum l-ommijiet jaħdmu barra d-dar u għalhekk ma għadhomx bħall-ommijiet ta’ tfulitna. Illum jaqbdu l-karozza u jwasslu lil uliedhom l-iskola u jibqgħu sejrin għax-xogħol. Aħna konna mmorru skola, imma ommijietna kienu joħduna bil-mixi. Mid-dar ta’ ommi sal-iskola primarja li kont immur jien hemm madwar nofs mil. Kien ikollna waqfa ta’ xi sagħtejn f’ nofsinhar u f’ f’ din il-waqfa konna mmorru nieklu d-dar u wara l-ikel inkomplu l-lezzjonijiet. Mela dan in-nofs mil mixi konna nagħmluh erba’ darbiet kuljum, jiġifieri żewġ mili. Ommi li kienet twassalni l-iskola hi, sakemm kbirt biżżejjed biex nibda mmur waħdi, kienet tagħmel dik it-triq doppja għaliex wara li twassalni kienet terġa’ lura lejn id-dar, jiġifieri kienet timxi madwar erba’ mili kuljum sempliċiment biex twassalni u terġa toħodni lura mill-iskola. Biex nifhmu sew, erba’ kilometri jiġi bejn wieħed u ieħor sitt kilometri u nofs. Issa wieħed irid jiftakar li kien hemm min daru hija imbegħda mill-iskola iktar minn nofs mil. Daqshekk kienu jimxu l-ommijiet tagħna biex joħduna l-iskola u jerġgħu jwassluna d-dar. Mur għid lill-ommijiet tal-lum. Illum anke għal kanturniera bogħod, l-ulied jitwasslu bil-karozza.

Soluzzjoni
Mhux faċli ssib soluzzjoni meta nafu li kull sena qegħdin jiżdiedu eluf ta’ karozzi fit-toroq tagħna filwaqt li dawk li jispiċċaw huma forsi ftit għexieren jew mijiet. Kemm-il darba ktibt li hemm bżonn li f’ Malta jkollna sistema ta’ trasport effiċjenti u li jħajjar lin-nies tużah, hemm bżonn nibdew naħsbu bis-serjetà dwar il-metrò, fejn jista’ jkun taħt l-art. Iżda kieku dan il-ħsieb kellu jsir, mhux ser isir mil-lum għal għada, min jaf kemm snin iridu jgħaddu biex jitħaffru mini jitpoġġew linji fl-art, jinbnew stazzjonijiet u l-kumplament. Hemm bżonn xi darba nibdew naħdmu.

Soluzzjoni loġika
Forsi hemm soluzzjoni oħra għal pajjiżna. Kieku t-trasport pubbliku kollu jkun b’xejn għall-Maltin kollha, għandu mnejn iħajjar aktar lil dak li jkun biex iħalli l-karozza fil-garage u jmur ix-xogħol jew jagħmel il-qadi tiegħu b’tal-linja. Biex tal-linja jkunu b’xejn l-ispiża mhix waħda żgħira, iżda b’deċiżżjoni kuraġġuża tista’ issir wkoll. Trid tinħoloq sistema li ilha teżisti bosta snin tista’ tgħid fil-bliet Ewropej kollha. Tispiċċa l-idea li tmur tipparkja fit-triq u ma tħallasx tal-parkeġġ. Ċerti toroq isiru bi ħlas, bħalma nsibu fil-każi tal-autostrada jew it-tangenziale Taljani. Il-flus li jinġabru mill-ħlas tal-użu ta’ ċerti toroq prinċipali kif ukoll dawk li jinġabru mill-parkeġġjar fit-toroq imorru biex jitħaddem is-servizz ta’ trasport pubbliku b’xejn. Ir-residenti għandhom ikollhom aċċess għall-parkeġġ  bla ħlas fit-triq tagħhom. Mill-banda l-oħra is-sistema tal-karozzi tal-linja trid tibqa’ titjieb u ma tidħolx l-idea li għax b’xejn kollox jgħaddi, u kollox sew. Irid ikun każ fil-veru sens tal-kelma, tajjeb għax tajjeb u tajjeb għax b’xejn.
Min jaf kemm hawn min qed jarani dimonju, ġejt nivvinta ħlas ġdid! Imma aħseb ftit dwar sistema ta’ trasport tajba, bla ħlas, li twasslek fejn trid f’ ħin iqsar milli kieku kellek issuq inti u toqgħod tfittex post għall-karozza.

Nara li hija ħaġa remota, kważi kważi impossibli, biex sistema bħal din xi darba tidħol f’ pajjiżna għaliex ma nemminx li hawn biżżejjed kuraġġ biex xi politiku jagħmel dan il-pass. U allura nibqgħu hekk, imwaħħlin fit-traffiku!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 15 ta' Ottubru 2016




Nessun commento:

Posta un commento