Il-problema
tat-traffiku f’ pajjiżna tant kibret li madwar nofs il-poplu Malti jaraha bħala
l-akbar problema f’ pajjiżna. Tikteb kemm tikteb, tgħid kemm tgħid dwar din
il-problema qatt ma tkun ktibt jew għidt kollox, dejjem hemm xi ħaġa ġdida xi
żżid ma’ dak li tkun ktibt jew għidt. Din il-problema saret emergenza li ma
nistgħux nibqgħu ninjorawha.
Ippjana l-vjaġġ
Qed isiru bosta
reklami biex dak li jkun jippjana l-vjaġġ tiegħu qabel ma jibdih. Jara
minn liema toroq ser jgħaddi, fejn irid
jasal u fejn irid jgħaddi qabel jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu.
Il-vjaġġi tagħna, ħafna minnhom u ħafna drabi, huma ta’ rutina; filgħodu
mid-dar għall-iskola tat-tfal u minn hemm għax-xogħol filwaqt li filgħaxija jew
waranofsinhar it-triq issir bil-kontra. Ma hemmx tant x’ wieħed jippjana
għaliex hawn min dan il-vjaġġ ilu jagħmlu għexieren ta’ snin. Għal dawk li
jkunu sejrin jagħmlu vjaġġ, biex ngħidu hekk mhux ta’ rutina, li tippjana
t-toroq li għandek tieħu biex tasal fejn trid jagħmel aktar sens. Kultant
it-triq it-twila twasslek qabel dik il-qasira, iżda mhux bilfors. Kieku kulħadd
ikollu jagħżel it-triq li tgħażel inti il-problema tat-traffiku tispiċċa fuq
dik it-triq u għandu mnejn it-triq il-qasira tkun ħielsa mill-karozzi. Insomma
din hija biss ipotesi jew ħolma tiegħi li xi triq Maltija għad tkun ħielsa
mill-karozzi. Jista’ jiġri l-każ ukoll li inti tippjana li tgħaddi minn triq u
meta tasal hemm tinduna li jkun jaqbillek li tibdel il-pjan u tgħaddi minn tirq
oħra. Għandek mnejn tibda l-vjaġġ tiegħek u tasal f’ punt traffikuż li ma tkunx
tista’ ddawwar lura u jkollok tibqa’ mwaħħal hemm. Hu x’ inhu, tajjeb li
l-vjaġġ ikun ippjanat imma mhux dejjem tkun tista’ tippjanah sewwa.
It-third, it-top u l-extra top
Ħabib tiegħi
kiteb fuq wieħed mis-siti soċjali li kellu tliet gerijiet tal-karozza
għall-bejgħ, it-third, it-top u l-extra top. Qal li ftit li xejn huma użati u
għalhekk kienu f’kundizzjoni tajba ħafna. Ġbid tas-saqajn pulit, satira fina u
maħsuba sewwa. Dan il-ħabib bla ma semma l-problema tat-traffiku ġibed
l-attenzjoni tal-problema gravi li għandna f’ Malta. Ħa ngħiduha kif inhi, mhux
faċli li tinqabad f’ xi konġestjoni tat-traffiku u jirnexxielek taħseb f’
kumment ċajtier bħal dan, aktarx li fi kju ta’ karozzi jiġi f’ moħħna u f’ fommna
kollox ħlief ċajt.
Biex imexxu t-traffiku
Konxji
mill-problema kbira li għandna, l-awtoritajiet assenjaw numru ta’ pulizija u
gwardjani lokali biex ikunu stazzjonati f’ postijiet fejn ħafna drabi jeħel
it-traffiku. Iżda kultant, minkejja li jippruvaw imexxu l-karozzi kemm jista’
jkun, dawn ikunu ta’ tfixkil aktar milli ta’ għajnuna. Kont qed indur ma’ roundabout u l-gwardjan lokali għamilli
s-sinjal biex nibqa’ għaddej. Dahru lejna kien hemm pulizija jmexxi t-traffiku
minn arteja oħra li tagħti għall-istess roundabout.
Dan il-pulizija beda jmexxi l-karozzi bla ma jagħti każ tal-karozzi li kien qed
iħalli għaddejjin il-gwardjan lokali, bil-konsegwenza li min ikun qed idur mar-roundabout jaħseb li għandu d-dritta
iżda jsib ma’ wiċċu karozzi li jkunu qed jaqbdu r-roundabout bla ma jistennew għaliex ikun hemm il-pulizija jinsisti
li jsuqu.
Smajt ukoll li
pulizija kien fuq il-lights u meta
dawn kienu ħomor beda jinsisti li l-karozzi jibqgħu għaddejjin xorta waħda.
Ħafna mis-sewwieqa bdew jiefqu mad-dawl aħmar, bil-konsegwenza li aktar inħoloq
diżgwid milli għajnuna.
Kultant aħjar
jitħallew is-sewwieqa waħedhom jiġġestixxu t-triq għaliex bil-preżenza ta’
uffiċċjali jista’ jiżdied it-taħwid minflok li jonqos. Ironija hux? Stramba
hux? Imma verità.
Fuq il-waqfa tal-linja
Jekk ifettillek
tipprova tgħin biex din il-problema tittaffa xi ftit tista’ tuża is-servizz
tal-linja. Iżda dan ukoll għadu ’l bogħod milli effiċjenti. Tmur tistenna fuq bus stop u jkollok it-tabbella
bil-ħinijiet xħin suppost tgħaddi l-karozza. Issib li hemm ċerti ħinijiet li
ma humiex imniżżlin fit-tabella. Inti taħseb li ma jkunx hemm servizz dak
il-ħin u għalhekk tara x’ tagħmel, jew tmur għall-karozza tiegħek jew tistenna
bit-tama li tiġi xi karozza. Fil-verità jkun hemm servizz iżda ma jkunx hemm
miktub. Taħwid mill-A saż-Żeta. Imbagħad tħares lejn dak l-apparat li hemm
imwaħħal fuq bosta waqfiet biex tara l-lista
tal-karozzi li jkun imisshom jiġu. Tara li l-karozza li tkun trid inti fadlilha
ħames minuti biex tasal. Tieħu n-nifs imma jgħaddu ħames minuti, għaxra u
l-karozza tibqa’ ma tidhirx. Jew bil-kontra, tara li l-karozza li tkun trid
fadliha aktar min-nofs siegħa biex tasal u bil-qalb it-tajba tintefa’
bilqegħda, jekk ikun hemm fejn, u tara kif se tgħaddi dak il-ħin. Ħames minuti
wara tara l-karozza li trid inti ġejja. Dawn l-affarijiet qed niktibhom għax
għaddjet minnhom jien stess.
Mela kif
tgħidulna nippjanaw il-vjaġġ tagħna minn qabel? Tippjanah iva, imma qatt ma tkun
taf jekk tistax iżżomm mal-pjan li tkun għamilt.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 22 ta' Ottubru 2016
Nessun commento:
Posta un commento