Għaliex mhux l-iskejjel kollha
huma Happy School?
Ma għandix dubju
kemm uliedna u l-edukazzjoni tagħhom huwa suġġett għal qalb il-maġġoranza
tal-Maltin. Il-ġenituri tista’ tgħid jagħmlu minn kollox biex uliedhom jirċievu
l-aħjar edukazzjoni possibli biex ’il quddiem ikunu f’qagħda tajba, jekk jista’
jkun aħjar minnhom stess.
Ftit ilu ktibt
artiklu dwar is-sistema edukattiva li nsibu fil-Finlandja, sistema li hija għal
kollox differenti minn dik li nafu biha f’Malta. (In-Nazzjon 10 ta’ Settembru
2016) Issa dawn l-artikli tiegħi, wara li jkunu dehru fil-ġurnal, inpoġġiehom
fuq Blog biex l-ewwel ħaġa jkolli l-kitbiet kollha miġburin f’post wieħed u
min ma jkollux aċċess għal din il-gazzetta, bħal bosta Maltin barra minn
xtutna, jkun jista’ jaqra xi ħaġa wkoll.
L-artiklu dwar is-sistema edukattiva fil-Finlandja laqat lil bosta u dan jixhdu
l-eluf ta’ nies li daħlu fil-blog biex jaqrawh. Dan urieni biċ-ċar kemm
l-edukazzjoni ta’ uliedna hija xi ħaġa għażiża għalina. U hekk għadnu jkun wara
kollox. Meta rajt ir-rispons ta’ dawk il-qarrejja ma stajtx ma niktibx dan
l-artiklu tal-lum.
Ma ma mmurx skola!
Waħda mill-poeżiji li kienu jgħallmuna meta konna għadna ċkejknin kienet iġġib l-isem ta’ “Il-Gideb ta’ Toninu”. F’din il-poeżija nsibu tifel li jagħmel minn kollox biex jibqa’ fis-sodda u ma jmurx l-iskola. Jivvinta bosta skużi sakemm jiġi missieru u minnfih itir mis-sodda biex jilbes u jitlaq lejn l-iskola. Minkejja li hija poeżija ħelwa li tnissel tbissima, fiha naraw li hija ħaġa naturali li t-tfal jippreferu jibqgħu d-dar jilgħabu milli jmorru l-iskola. Iżda mhux possibli li dawn jitħallew id-dar bla ma jmorru jitgħallmu. Lanqas nista’ nimmaġina soċjetà fejn ikun hawn l-analfabetiżmu assolut. Jekk it-tfal ma jintbagħtux skola, nispiċċzw f’dak l-istat. Hu propju għalhekk li l-liġi tal-istat timponi li t-tfal għandhom jattendu l-iskola tal-inqas sas-16-il sena.
It-tfal għandhom
mnejn jimmaġinaw ġurnata kerha ġejja fuqhom meta jqumu għall-iskola, ġurnata
ta’ kitba, smiegħ, qari u dak kollu li jżommhom milli jiddevertu. Hu għalhekk
li t-tfal, bħal Toninu tal-poeżija, jippruvaw isibu xi skuża biex jibqgħu
d-dar.
Esperiment
Xi snin ilu
s-surmast u l-għalliema tal-iskola primarja tar-Rabat Għawdex bdew esperiment.
Riedu jibdlu l-iskola tagħhom f’post fejn it-tfal imorru minn qalbhom, anzi
jkunu mimlija entużjażmu li jisbaħ filgħodu ħalli jmorru l-iskola. Mhux faċli,
ngħiduha kif inhi għax it-tfal dejjem tfal u l-iskola dejjem skola. Din
l-iskola issemmiet The Happy School.
Tfassal Mission Statement biex
jinħoloq ambjent edukattiv pożittiv fi klima li tilqa’ lit-tfal biex dawn
jieħdu gost jitgħallmu u jkollhom stima għolja tagħhom innifishom.
Inbidel anke
l-ambjent viżiv tal-iskola u l-ġenituri ingħataw aktar aċċess biex jaraw
il-progress ta’ uliedhom. Fil-ftit snin li ilha teżisti l-Happy School
tar-Rabat ta’ Għawdex, nistgħu ngħidu li kienet suċċess, kien esperiment li
rnexxa. Nemmen li s-sigriet ta’ dan
is-suċċess kien frott il-ħidma tal-istaff u l-għalliema kollha tal-iskola kif
ukoll il-koperazzjoni bejn l-iskola u d-dar, bejn l-għalliema u l-ġenituri.
L-iskola bdiet tidher għall-istudenti bħala estensjoni tad-dar filwaqt li d-dar
saret estensjoni tal-iskola. B’hekk it-tfal bdew iħossuhom f’darhom anke meta
jkunu l-iskola.
Tagħlim u tagħlim
Ġewwa din
l-iskola isir it-tagħlim bħalma jsir f’kull skola lokali oħra, iżda
l-attivitajiet hekk imsejħa extra kurrikulari jiġu integrati mat-tagħlim mitlub
mis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. Il-mexxejja tal-iskola spiss jorganizzaw
attivitajiet kulturali kemm fl-iskola stess kif ukoll barra. Dan kollu mhux
talli ma jtellifx mit-tagħlim iżda jżidu għaliex l-istudenti jkunu qed
jakwistaw tagħlim kulturali li jgħani lil dak akkademiku.
Darba kont
qiegħed il-Furjana u nara grupp ta’ tfal resqin lejn il-fosos. Meta waslu
ħdejja intbaħt li kienu studenti tal-Happy School. Dawn ġew minn Għawdex biex
jitgħallmu xi ħaġa għal ħajjithom. Minn grupp ta’ xi mitt student ma kienx
jidher wieħed jew waħda bil-geddum, tfal ferħanin, edukati u ddixxiplinati waqt
żjara kulturali f’Malta. Bosta attivitajiet oħra ġieli qrajna dwarhom kemm fuq
il-gurnali lokali kif ukoll fuq il-media soċjali. Dan l-esperiment tal-Happy
School qed jgħaqqad bosta truf ta’ tagħlim flimkien biex il-prodott ikun
is-suċċess li hu. Prosit!
Għalfejn mhux kullimkien?
Meta naraw xi ħaġa
bħal din ma nistgħux ma ngħidux għalfejn sistema li qed tagħmel suċċess sejra
tibqa’ marbuta ma’ skola partikolari. Għalfejn ma għandiex tkun is-sistema
normali fl-iskejjel statali u privati kollha ta’ Malta? Mhux ħaġa li ssir
mil-lum għal għada. Mhux ħaġa li tista’ ssir jekk ma jkunx hemm koperazzjoni
bejn l-għalliema u koperazzjoni mill-ġenituri. Imma mhux ħaġa impossibli.
Għalfejn ma għandniex nikkuppjaw esperiment li rnexxa? Għaliex mhux l-iskejjel kollha ta’ pajjiżna huma
Happy School?
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 8 ta' Ottubru 2016
Nessun commento:
Posta un commento