Hemm proverbju Ċiniż li jgħid li vjaġġ ta' elf mil jibda bl-ewwel pass. Ħadd ma jista' jgħid li dan il-qawl
mhuwiex minnu għax vjaġġ ikun twil
kemm ikun xorta waħda l-bidu tiegħu jkun daqxejn ta' pass ċkejken.
Mixja
Kull ħaġa li nagħmlu nistgħu nqabbluha ma'
mixja u kollox għandu medda
ta ' ħin biex jitwettaq. Minn xi ħaġa sempliċi bħal ngħidu aħna
tlesti u tixrob kikkra te sa xi ħaġa mill-aktar diffiċi bħal per eżempju ttajjar ajruplan għall-ewwel darba. Kull azzjoni titlob li b' xi mod ikollha l-punt
tat-tluq, dak li insejħulu wkoll l-ewwel pass. Biex tagħmel
te u tixorbu trid mhux biss ftit ilma jagħli u ftit weraq tat-te imma trid
il-kikkra, l-istanjata, in-nar biex tagħmel il-misħun, kuċċarina, zokkor u ħalib jekk tiggosta. U dan
kollu għal sempliċiment kikkra te. F'din l-azzjoni, li min jaf kemm-il darba nagħmluha kuljum, hemm mixja li tibda billi timla
l-istanjata bl-ilma u pass wara pass
ikollok il-kikkra tat-te lesta biex tixrobha. Mixja dak li hi!
Biex ittajjar ajruplan trid aktar passi minn sempliċement tlesti
tazza te, u bejnietna ma nafx kif u għalhekk mhux sejjer ngħid kif. Imma
zgur li anke f' din il ħaġa hemm mixja li l-pilota jrid jagħmel.
Bidu gdid
Kull bidu jfisser mixja gdida. L-ebda azzjoni li nibdew nagħmlu ma tkun l-istess waħda li nkunu għamilna qabel. Biex nerġa' għall-kikkra
tat-te ngħidu li l-kikkra li nieħu
fl-10 ta' filgħodu għad li hija bhal dik li nieħu fl-4 ta' waranofsinhar xorta
ma nistax ngħid li huma l-istess minkejja li nuża l-istess ingredjenti u għodda.
Dan
ifakkarni fil-kliem tal-filosfu Eraklitu.
Dan kien jgħid li ma tistax tinżel fl-istess ilma tax-xmara darbtejn għax
dan jinbidel il-ħin kollu. Panta Rei
jgħidilna dan il-filosfu, kollox jgħaddi, hekk tfisser Panta rei, kelma bil-Grieg. U tassew li kollox jgħaddi u jintemm u
minkejja li ġieli naraw ċerti azzjonijiet dejjem l-istess, speċi ta’ ritwal,
bħal ħaddiem ġewwa fabbrika li jaħdem bis-sistema tal-produzzjoni, tmien sigħat
kuljum, ħamest ijiem fil-ġimgħa, għal tnax-il xahar dejjem jagħmel l-istess
ħaġa, fil-verita kull ħaġa li jagħmel hija ħaġa ġdida, indipendenti minn dik
ta’ qabilha u f’ xi mod differenti minn ta’ warajha.
Sena ġdida
Qegħdin
fl-ewwel jiem tas-sena l-ġdida, il-ħmistax-il waħda ta’ dan il-millenju,
l-elfejn u ħmistax-il waħda mill-era Kristjana. Hija sena differenti għal
kollox mill-oħrajn kollha ta’ qabilha u dawk li għad iridu jiġu warajha ma
jistgħux ikunu bħala. Sejjer ikun hemm bosta bidliet f’ kull wieħed u waħda
minna f’ dawn it-356 jum. Sena oħra, bħal dawn il-jiem inkunu kbirna sena u
għad li nibqgħu dawk li aħna, xi differenza fina sejjer ikun hemm żgur.
B’ sens
ċajtier ngħidilkom li anke jekk ma tkunx trid taf li bdejna sena ġdida,
fl-ewwel paga tas-sena se tinduna li din żdieded b’ 58 ċenteżmu fil-ġimgħa.
Tgħid xejn is-sena 2015 mhux sejra tkabbarna biss imma sejra tħallina kważi €31
aktar fil-but, sakemm ma titiekilx xi ħaġa minnhom mit-taxxa!
Proponimenti
Il-bidu ta’ sena ġdida huwa wkoll sinonimu ma’ bosta
proponimenti li jsiru. Irrid nibda nistudja aktar jgħid l-istudent, irrid
nagħmel id-dieta tgħid it-tfajla xi ftit smina, irrid naqta’ s-sigaretti jgħid
ir-raġel li għandu l-vizzju tat-tipjip, irrid nagħmel hekk u rrid nagħmel hekk,
u min ħaġa u min oħra. Bosta drabi proponimnet jinżamm biss għal ftit jiem.
Mhux qiegħed ngħid li kulħadd jinsa dak li jkun qal. Imma għandi l-impressjoni li ħafna drabi hekk
jiġri. Għax dan min irid jagħmel xi ħaġa li tassew għandu bżonn jagħmel għandu jistenna sena ġdida biex
jagħmilha? Student jaqbillu jistudja s-sena kollha u mhux jistenna li tibda
sena ġdida biex jiftaħ il-kotba. Ftit dieta tagħmel tajjeb meta nindunaw li
qbiżna l-piż li nixtiequ u nistgħu nibqgħu sejrin hekk f’ din il-mixja
tal-ħajja tagħna. Min irid jagħmel xi bidla f’ ħajtu ma għandux joqgħod jistenna l-ewwel tas-sena.
Għandu jiftakar fil-qawl Ċ
iniż li vjaġġ ta’ elf mil jibda bl-ewwel pass. Issa l-importanti li nagħmlu kuraġġ u mmiddu saqajna biex nagħmlu dak l-ewwel pass u nibqgħu sejrin pass wara pass.
Bdejna sena ġdida. Din ma għandniex għalfejn immiddu saqajna
aħna biex tagħmel l-ewwel pass. Sena li fiha min jaf x’ għad naraw iseħħ
madwarna, f’ Malta, fl-Ewropa u fid-dinja kollha kemm hi. Sena li sejra tkun
differenti minn kemm-il sena għaddiet minn mindu nħalaq iż-żmien. Jalla ma
tkunx sena ħażina, jalla dan il-bidu jasal fi tmiem b’ wiċċ il-ġid.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 3 ta' Jannar 2015
Nessun commento:
Posta un commento