Bniedem li ma jemminx dak
li jgħidulu kif gieb u laħaq malajr nittimbrawh bħala San Tumas. Ngħid id-dritt
jien m’iniex xi wieħed li nibla’ kollox malajr, anzi ilni li tgħallimt li ma
nafdax wisq la fuq is-sensi u lanqas fuqi nnifsi jew fuq ħaddieħor. Nista’
ngħid li jien minn l-istess razza ta’ San Tumas, irrid nara b’għajnejja u
mmiss b’idejja biex nemmen u kultant
minkejja li nara u mmiss xorta nibqa’ xettiku.
Dehra
L-adorazzjoni tal-Maġi, mużajk fil-bażilika Santa Maria in Trastevere Ruma xogħol ta' Pietro Cavallino 1296 - 1300 |
Il-festa li qed
niċċelebraw illum hija dik tal-Epifanija, iż-żjara tal-Maġi lill-Ġesù. Il-Maġi
ma kienux kuntenti biss billi jaraw kewkba ġdida fis-sema, kometa li resqet
qrib tad-dinja u bniedem seta’ jaraha bla għajnuna ta’ trombi jew strumenti
oħra. Il-Maġi riedu jmorru u jaraw b’għajnejhom. Ma baqgħux indifferenti
għad-dehra tal-kewkba imma mxew warajha biex waslu fejn waslu, waslu f’ Betlem
fejn sabu lil Ġesù. Din hija l-festa li qed nagħmlu llum, festa kontra
l-indifferenza.
Mejda tal-qubbajd
Sewwa ngħidu bil-Malti li
tagħmel kif tagħmel taqlagħha! Jekk ma tkunx indifferenti u tinteressa ruħek u
tmur u tara dak kollu li jkun qed iseħħ, issib min jgħidlek mejda tal-qubbajd,
issibek kullimkien, jew melħa, tidħol f’kollox. Nemmen li jrid ikun hemm
bilanċ. L-apatija għall-ħajja hija qerrieda u l-impenn żejjed iwassal għal
stress. San Tumas, mhux dak li jrid jara biex jemmen, imma ta’ Akwinu din
id-darba, jgħid li l-moderazzoni tajba f’kollox, anzi għandna dejjem nagħżlu
t-triq tan-nofs. Insomma ma tridx tkun Tumas ta’ Akwinu biex tasal għal
konklużżjoni bħal din! Iżda jiġu xi sitwazzjonijiet fil-ħajja fejn kull ma
jkollok huma żewġ toroq, ma jkunx hemm triq tan-nofs. Il-Maġi ma kellhomx
it-tielet triq, kellhom biss żewġ għażliet, jew imorru jew ma jmorrux. Huma
għażlu li jmorru, imma fejn nafu jekk kienx hemm xi oħrajn li wkoll raw
il-kometa iżda għażlu t-triq il-ħafifa u baqgħu d-dar. Il-Maġi jgħallmuna waħda
tajba: irridu nuru interess fil-ħajja, f’dak kollu li jkun qed jiġri madwarna
għax din hija ħajjitna. Aħna parti mid-dinja, aħna parti mis-soċjetà umana,
aħna parti mill-pajjiż, aħna parti mir-raħal, aħna parti mit-triq, aħna parti
mid-dar. L-apatija teskludina mid-dinja.
Jekk ma
mmurx
Fid-dinja ssib min dejjem
jikritika, biex ma ngħidx imaqdar. Imma jekk ma tqumx minn bilqegħda u tmur u
tara, kif tista’ tmaqdar? Il-kritika hija ħaġa tajba sakemm ma tkunx
distruttiva jew intenzjonata li tagħmel il-ħsara. Iżda biex tikritika trid tkun
taf sewwa dak li tkun qed tgħid. Kif setgħu l-Maġi jgħidu li l-kewkba li mxew
warajha wasslithom biex jaraw tarbija? Minn darhom żgur li ma kienux jaslu biex
isibu l-għan tad-dehra tal-kewkba. Għalhekk irrid immur fejn naħseb li jkun ta’
interess għalija, fejn hemm dak li nieħu gost nara.
Il-festa tal-lum hija
d-dehra ta’ Kristu lid-dinja. Kienu l-Maġi li marru jifttxuh u sabuh. Din
il-festa tal-lum għandha wkoll tagħtina tagħlima u nistgħu wkoll noħduha bħala
proponiment għal din is-sena l-ġdida. La tagħmel kif tagħmel taqlagħha, allura
jaqbilli nagħmel dak li jinteressani, immur fejn nixtieq immur biex wara nkun
nista’ nitkellem. Meta nista’ għandi nuża it-triq tan-nofs bħalma jgħidli San
Tumas ta’ Akwinu imma meta ma jkollix triq tan-nofs, nagħżel waħda li twassalni
fejn nixtieq, biex nara b’għanejja u mmiss b’idejja bħal San Tumas l-Appostlu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 6 ta' Jannar 2019
Nessun commento:
Posta un commento