Fuq sitt werqiet tal-fidda, bħal kus tad-deheb
sabiħ, u f’nofsu ż-żrieragħ ċkejkna u d-dakra li trabbih.
Għadni niftakar qisu l-bieraħ meta fil-klassi
tal-Malti tal-ewwel sena tas-sekondarja konna studjajna l-poeżija tal-poeta tan-natura,
Anton Buttigieg li ġġib l-isem “Ranċis”. Ngħid id-dritt kien isem ġdid għal din
il-fjura li tikber fix-xagħri u li għandha fwieħa mill-ifjen. Jien u n-nies
tar-raħal tiegħi konna nsejħu din il-fjura selvaġġa “narċis”. Il-poeta jagħti
dettall mill-isbaħ ta’ din il-fjura kif ukoll tal-wied li minnu jgħid li sejjer
jaqta’ minn din il-fjura. Wied Qirda, li mhux wisq bogħod minn raħal twelidi,
Ħal Qormi u min jaf kemm-il darba għaddejna minnu f’xi mixja mas-superjur
tal-Museum, huwa l-post li Buttigieg jgħid li għandu jmur jiġbor bukkett, jew
ħodon kif isejjaħħlu hu minn dawn il-fjuri ċkejnin.
Fix-xagħri
Ma niftakarx biss silta minn din ik-poeżija, imma
niftakar ukoll il-kwadru li tpinġili. In-narċis ma jikbirx b’mod ikkultivat
imma fil-kampanja mingħajr ma ħadd jagħtih attenzjoni sakemm ma jiffjorixxix
għax ladarba joħroġ il-fjura, ikun hawn ħafna li jiġbruh. Niftakar kemm kien
hawn spazji bla bini fi ċkunitna. Ma kellniex it-tablets, ma kellniex logħob
tal-kompjuter imma kellna l-wisa’, kellna x-xagħri fejn nimirħu u niġġerrew,
fejn nikkunsmaw arja bla ebda traċċa ta’ duħħan fiha. Fejn tmur illum u ma
tarax bini, karozzi? Fejn tmur fejn l-id tal-progress ma ħallietx il-firma
tagħha? Wied Qirda li jsemmi l-poeta Buttigieg għadu miżmum fi stat mhux ħażin,
imma faċċata tiegħu u madwaru hemm bini bla qies. Tabella li hemm fit-triq li
ddaħħlek għal dan il-wied tgħid hekk: “Dan il-wied huwa ġawhra tan-natura”.
Minkejja li t-tabella fiha żball fil-Malti għax “ġawhra” hija miktuba “ġawrha”
il-messaġġ li twassal huwa tassew minnu u tajjeb. Kemm tlifna widien u xagħri,
ġawhar tan-natura! Issa la telqu ma jerġgħu jiġu lura qatt! Għalhekk ngħid kemm
kienet isbaħ tfultina.
Jien miniex kontra l-progress, imma għandu jkun
hemm progress b’mod raġunat. Nitkellmu dwar progress sostenibbli, dwar sostenibbiltà.
Imma kemm verament nafu xi tfisser din il-kelma u kemm verament qed naħsbu dwar
progress li jħalli lil dawk ta’ warajna jkollhom fejn jieħdu nifs? Aħna qegħdin
hawn illum imma għada jkollna nħallu postna u nagħmlu l-wisa’. Xi darba jkollna
niġbru l-għodda u ngħidu “daqshekk”, ikollna nħallu postna għal ħaddieħor. Mela
jekk nifhmu dan irridu nżommu f’moħħna li aħna mhux il-patruni tad-dinja imma għandna
biss l-użufrott tagħha! Dawk ta’ warajna kif se jħarsu lejna? Se jarawna bħala
dawk li ħsibna fina nfusna u ma ħallejna xejn għalihom? Tgħid ulied ulied
uliedna għad jarawha l-fjura tan-narċis jew għad jistudjaw lill-poeta
tan-natura bla ma jkunu jafu xi jkun qed isemmi?
Qrib imma differenti
Meta kbirt bdejt nisma’ kelma li hija qrib
in-narċis imma li għandha tifsira differenti. Kultant bdejt nisma’ l-kelma
“narċisiżmu”. Fl-istudju tal-filosofija missejna naqra l-psikoloġija u hawn
tidħol din il-kelma. Narċisist huwa dak il-bniedem li dejjem tiegħu tajjeb,
jaħseb li huwa l-aqwa, hu l-aħjar, li ma
hawnx bħalu. Fil-verità jeżistu mhux biss persuni b’din l-attitudni li
ddejjaq li kull min jisma’ kliemhom, imma hawn fejn in-naċiżiżmu jiffjorixxi
bla ma nindunaw. Isimgħu xi marċi kantati fil-festi tagħna: Aħna l-kbar, ħadd
ma jista’ għalina, magħna ma tagħmlu xejn, aħna għira ta’ kulħadd u elf frażi
oħra. Issa ħafna drabi n-narċisiżmu huwa frott ta’ kumpless ta’ inferjorità.
Bniedem ikun jaf li ma għandux xi kwalità li jkollu ħaddieħor u għalhekk jipprova
jonfoħ xi ħaġa li għandu hu biex jidher daqs jew aqwa mill-oħrajn. Il-grupp
ukoll jista’ jara grupp ieħor bħala sfida, bħala kompetizzjoni, jew saħansitra
bħala għadu u għalhekk jibda jgħid kliem jew frażijiet li mingħalih ser
ikabbruh iżda fil-fatt min ikollu niskata melħ f’moħħu jinduna malajr
bis-sitwazzjoni. Narċisiżmu huwa l-att fejn jien naħseb li ħadd ma hu bħali u
li jien l-aqwa u l-aħjar. In-narċisiżmu huwa diżordni li anke Sigmund Freud
jitkellem dwarha.
Imma għalfejn dan l-isem?
Narċisju, pittura ta' Caravaggio |
Bla ma rridu nistaqsu minn fejn ġejja l-kelma
“narċisiżmu”. Kollox jaf il-bidu tiegħu fil-mitoloġija Griega, fejn insibu lil
Narċisju li kien f’xatt ix-xmara u meta ra d-dehra tiegħu stess fl-ilma sar
iħobb lilu nnifsu aktar minn kull ħaġa oħra fid-dinja. Beda jaħseb li huwa l-isbaħ bniedem fid-dinja.
Din ix-xena nsibuha mpittra fi kwadru mill-isbaħ ta’ Caravaggio, liema kwadru
jinstab f’mużew ġewwa Ruma.
Narċis u narċisiżmu ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin. Taħsbunix xi narċisiżst meta
ngħid li fi tfulitna kellna xagħri fejn niġġerrew u għalhekk il-ħajja tagħna kienet
isbaħ minn dik tat-tfal tal-lum. Taħsbux li jien nara dak kollu ta’żmienna sabiħ
u dak tal-lum ikrah,le xejn minn dan, imma jekk ma ngħidx dak li nħoss inkun
qed nitradixxi lili nnifsi u lil ħsibijieti. Le dan mhux narċisiżmu!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Jannar 2019
Nessun commento:
Posta un commento