Is-sena 2018 kienet waħda ta’ glorja għall-belt kapitali tagħna għaliex
matulha din kienet waħda miż-żewġt ibliet kapitali Ewropej tal-Kultura, titlu
jew aħjar unur li mhux kull belt tista’ tiftaħar li xi darba tkun ġarret. Issa
li din is-sena waslet fi tmiemha, dan it-titlu sejjer jgħaddi lil żewġt ibliet
oħra, Plovdiv fil-Bulgarija u Matera fir-reġjun tal-Basilicata l-Italja. Billi
Matera hija post qrib ta’ pajjiżna, bosta minna għandna mnejn xi darba jew oħra
żorniha u għalhekk jixraq nagħtu ftit tagħrif dwarha.
Il-Basilicata
Matera |
Aħna dejjem inħarsu lejn l-Italja bħala żarbuna tat-tromba. Allura nistgħu
ngħidu li l-Basilicata tiġi fin-naħa tal-għaksa. Dan huwa r-reġjun li jifred
il-Calabria minn Campania u huwa wkoll ir-reġjun li minbarra li jmiss ma’ dawn
iż-żewġ reġjuni jmiss ukoll mal-Puglia. Il-Capoluogo, speċi tal-kapitali
tar-reġjun hija l-belt ta’ Potenza. L isem antik ta’ dan ir-reġjun kien Lukanja
u fil-fatt in-nies tal-Basilicata għadhom jissejħu Lukani u mhux Bażilikati.
Bażilikati ma teżistix. L-isem Basilicata ġej mill-Grieg Basilikos, għat-titlu
tal-Imperatur Biżantin li kien imexxi l-post bejn is-sekli IX u XI. Xi storiċi
oħrajn isostnu li l-isem ġej mill-Bażilika ta’ Acerenza li fil-medju evu kellha
qawwa ġuridika fuq il-post.
Matera
Bejn l-1663 u l-1806 Matera kienet
il-kapitali tal-Basilicata. Din il-belt ilha abitata madwar tnax il-elf sena u
qatt ma ġiet diżabitata biex b’hekk saret waħda mill-eqdem bliet fid-dinja li
ilhom jgħixu nies fiha kontinwament. Xi drabi n-nies żdiedet u drabi oħra
naqset iżda ma kien hemm qatt li dan il-post kien abbandunat mill-bnedmin.
Matera saret l-aktar attrazzjoni turistika tar-reġjun u aktarax li dawk li
jissejħu Sassi di Matera huwa post magħruf mad-dinja kollha għal bosta
raġunijiet. Is-sassi huma għerien li nbiddlu fi djar. Biex nifhmu ftit ngħidu
li dawn huma bħal dawk li nsejħulhom għarukaża li għandna fil-Mellieħa. Aktarx
li dawn huma l-ewwel abitazzjonijet tal-bniedem li nsibu fl-art li llum insejħu
Italja. Sa wara t-tieni gwerra dinjija kien hemm bosta persuni jgħixu f’dawn
l-għerien imma mis-snin ħamsin il-gvern Taljan beda jagħti djar diċenti
lir-residenti tas-sassi, li wara kollox kienu joqgħodu f’sempliċi għar nieqes
mill-kumditajiet kollha. Mhux kulħadd kien telaq minn dawn l-għerien u sal-lum
għadna nsibu xi abitanti fihom, imma mhux fil-faqar li kienu qabel. Dan il-post
illum huwa meqjus mill-Unesco bħala wirt universali tal-bniedem.
Din il-belt aktarx li hija l-aktar waħda f’dan ir-reġjun li tiġbed lejha
turisti għaliex hija unika fid-dehra li toffri u biex ngħidu d-dritt, il-poplu
tal-belt huwa kburi b’din id-dehra.
Ambjent uniku
Xena mill-film Passion of the Christ miġbud f'Matera |
L-ambjent ta’ parti minn din il-belt huwa uniku u ladarba żżur il-belt
faċli tistħajlek tlajt fuq il-magna taż-żmien u mort daqs elfejn sena ilu.
Tistħajlek qed iżżur xi post fil-Palestina fi żmien Kristu.
Kien għalhekk li dan il-post intgħażel biex fih jinġibdu għadd ta’ films reliġjużi
għax l-ambjent u x-xeni li joffri ma ssibhomx kullimkien. Pier Paolo Pasolini
ġibed il-film tiegħu dwar l-Evanġelju ta’ San Mattew f’dan il-post. Mel Gibson
għamel bħalu u uża lil Matera bħala set għall-film tiegħu The Passion of the
Christ. Il-film bibliku Amerikan The Young Messiah ukoll kien miġbud hawn kif
ukoll il-verżjoni tal 2016 tal-film Ben Hur. Dawn huma ftit mill-films li
nġibdu f’dan il-post li ma ssibx bħalu malajr.
Bini ieħor
Żjara sa Matera ma tillimitax ruħha għal dawk li jissejħu s-Sassi imma hemm
aktar x’wieħed jara. Il-Katidral iddedikat lil Santa Marija della Bruna u Sant’ Ewstaki imur lura madwar
tmien mitt sena. Dan il-bini huwa l-aktar punt għoli tal-belt u wieħed ma
jistax ma jarahx. Matera għandha żewġ
knejjes iddedikati lil San Pietru li wkoll huma ta’ valur storiku u mhxu ta’
min ma jżurhomx ladarba jkun hemm: San Pietro Caveoso u San Pietro Barisano.
Żewġ knejjes oħra tal-post huma dik ta’ San Ġwann Battista u dik ta’ Santu
Wistin. Hemm ukoll il-Kastell Tramonto. Dan ma jissejjaħx hekk għal inżul
ix-xemx imma għal kunjom il-konti li bnieh.
Ġemellaġġi
Din il-belt għandha ġemellaġġi ma’ bosta bliet oħra. Il-belt ta’ Vigevavo
fl-Italja stess hija ġemellata ma’ Matera. Din il-belt tinsab
fil-Lombardija. Ġemellaġġ ieħor huwa
mal-belt ta’ Cartagena fil-Kolombja. Il-belt ta’ Petra fil-Ġordan li għandha
xebh ma’ Matera hija wkoll ġemellata mal-post. Il-belt ta’ Oulunsalo fil-Finlandja wkoll hija
ġemellata ma’ Matera u fl-aħħar nett il-belt ta’ Tom Rivers fi New Jersey
l-Istati Uniti wkoll hija belt tewmija ma’ dan il-post.
Fid 19 ta’ dan ix-xahar din il-belt sejra tinawgura s-sena ta’ kultura
Ewropeja li jmiss bħala waħda mill-kapitali. Belt Ewropeja qrib ta’ artna li ta’
min iżurha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Jananr 2019
Nessun commento:
Posta un commento