Minkejja li Malta hija nieqsa mill-ħdura tas-siġar, xorta għandna numru ta’
siġar li jaqblu għall-klima xotta ta’ pajjiżna. Waħda minn dawn is-siġar hija
iż-żebbuġa. Ma nistgħux ngħidu li din is-siġra hija Maltija għaliex insibuha
mifruxa mal-Mediterran kollu, mill-Portugall sa’ Iżrael, insibuha fil-pajjiżi
tal-Afrika ta’ fuq u mhux biss. Is-siġar taż-żebbuġ insibuhom ukoll fl-Asja,
fosthom fiċ-Ċina kif ukoll fl-Amerika Latina. F’kelma waħda ngħidu li din hija
siġra li tista’ ssibha kullimkien.
Fil-qedem
Studjużi llum jgħidulna li minn fossili li nstabu nistgħu ngħidu li
ż-żebbuġa u l-frotta tagħha ilhom jeżistu fid-dinja bejn għoxrin u erbgħin
miljun sena. Jidher li l-ewwel nies li bdew jikkultivaw iż-żebbuġ kienu dawk li
kienu jogħodu fejn illum insibu l-Italja ta’ isfel. Jekk wieħed iżur din il-parti
tal-Italja bla ma jrid jinduna bl-ammont kbir ta’ siġar taż-żebbuġ li hemm
f’dawk l-inħawi. Iżda dawn ma humiex ta’ miljuni ta’ snin ilu imma ta’ madwar
sebat elef sena ilu. Aktarx li anke pajjiżna kien miksi b’dawn is-siġar f’dawk
iż-żminjiet imma biż-żmien kollha spiċċaw.
Meta l-Ewropej ħallew dan il-kontinent
u skoprew l-art ġdida tal-Amerika, ħadu magħhom is-siġar taż-żebbuġ u
llum għadhom hemm. Jingħad li l-ewwel għalqa jew aħjar medda ta’ art li fiha
tħawlu bosta żebbuġ f’dik id-dinja ġdida kien ġewwa l-belt ta’ Lima fil-Peru
fl-1560. Lejn nofs is-seklu XIX f’California konna nsibu msaġar kbar taż-żebbuġ
u aktar qrib lejna bdejna nsibu din is-siġra tikber fil-Ġappun. Illum madwar
id-dinja huwa stmat li hawn madwar disa’ mitt miljun siġra taż-żebbuġ li
l-parti kbira minnhom jinsabu fil-kosta tal-Mediterran.
Malta
Illum f’pajjiżna reġa’ hawn kuxjenza biex jitħawlu numru kbir ta’ siġar
taż-żebbuġ għax minbarra li l-klima tagħna hija waħda ideali għalihom, dawn
huma siġar li ftit li xejn iridu attenzjoni. Mhux li tħallihom jimirdu, imma
huma siġar li jirreżistu ħafna kif ukoll huma siġar li jgħixu mijiet ta’ snin. F’Malta
nsibu żewġt irħula li jisimhom sewwasew Żebbuġ kif ukoll Żejtun li ma tfisser
xejn għajr żebbuġ bl-Għarbi. Mela il-Belt Rohan, il-Belt Beland u r-raħal pittoresk
Għawdxi kollha jġibu isem din is-siġra u frotta. Dan jindika kemm kien popolari
ż-żebbuġ f’pajjiżna fil-qedem.
Il-frotta
Il-frotta tas-siġra taż-żebbuġ, jew kif insejħulha ż-żebbuġa insibuha
f’żewġ kuluri. Hawn żebbuġ iswed u hawn żebbuġ aħdar. Din hija d-differenza li
l-aktar tidher mad-daqqa t’għajn. Imma jeżistu bosta kwalitajiet ta’ żebbuġ
differenti, fid-daqs, fit-togħma jew fil-forma. Ħabib tiegħi li huwa intiż fuq
dan is-suġġett qalli li hawn mijiet ta’ kwalitajiet ta’ żebbuġ differenti u
kważi impossibbli li wieħed ikun jaf bl-eżatt kemm il-razza ta’ żebbuġa nsibu
fuq wiċċ id-dinja. Tajjeb inkunu nafu li teżisti ż-żebbuġa Maltija wkoll. Mhux
dik li nsibu bla għadd imxerda mal-gżejjer tagħna imma siġra li llum saret rari
u kienet kważi spiċċat għal kollox. Żgur li kien fadal xi siġra jew tnejn minn
dawn fir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ u xi snin ilu kien hemm min ħa ħsieb li jxettel
xi siġar ġodda minnhom sabiex ma jispiċċawx mid-dinja darba għal dejjm. Mhux ħa
ngħid fejn jinstabu dawn is-siġar għax wisq nibża’ li jekk niżvelaw il-post
aktar issir ħsara milli ġid. Jalla ’l quddiem nerġgħu nkunu nistgħu naraw
iż-żebbuġa Maltija mxerrda ma’ pajjiżna kollu.
Żejt
Il-prodott li nieħdu mis-siġra taż-żebbuġ huwa ż-żebbuġ stess kif ukoll
iż-żejt li jittieħed minn dan il-frott. Hawn tajjeb wieħed ikun jaf li mhux
kull żejt taż-żebbuġa huwa tassew żejt taż-żebbuġa. X’jiġifieri? Tistenniex li
tixtri litru żejt li jissejjaħ taż-żebbuġa u jkun jiswa xi tlieta jew erba’
ewro! Allura għafejn jissejjaħ żejt taż-żebbuġa jekk ma jkunx? Hemm regolamenti
biex żejt jibda jissejjaħ taż-żebbuġa. Jista’ jkun li żejt ordinarju, ta’ xi
ħxejjex oħra, jitħallat miegħu ammont ta’ żejt taż-żebbuġa u allura teknikament
dak jibda jissejjaħ żejt taż-żebbuġa meta fil-verità jkun taħlita. L-aktar ħaġa
sempliċi biex tinduna jekk il-flixkun żejt li tkun se tixtri jkunx verament
taż-żebbuġa jew le huwa l-prezz. Imbagħad fiż-żejt taż-żebbuġa hemm l-aċidità. Anqas
ma tkun l-aċidità fil-prodott, ifjen ikun iż-żejt. Insomma dan argument twil u
kkomplikat ħafna.
Mitoloġija
Iż-żebbuġa tidħol ukoll fil-mitoloġija l-aktar dik Griega jew Latina.
Bil-fors għax kemm il-Greċja kif ukoll Ruma huma postijiet fejn din is-siġra
tikber b’mod abbundanti. Iż-żebbuġa flimkien mat-tina u d-dielja insibuhom qrib
xulxin u meta kienet tiġi mwaqqfa xi belt, fil-qedem kienu jitħawlu dawn
is-siġar bħala simbolu ta’ prosperità. Fil-Foro Romano ta’ Ruma Benito
Mussolini kien ħawwel minn dawn is-siġar u għadhom hemm sal-lum.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Jannar 2019
Nessun commento:
Posta un commento