sabato 12 gennaio 2019

Timbru


Sa ftit snin ilu t-tpinġija fuq il-ġisem, dik li llum kulħadd isejjaħ tattoo imma li l-Maltin ta’ qabel kienu jsejħu biss “tpinġija”, kienet xi ħaġa permanenti. Kemm-il darba wieħed jagħmilha jkollu jibqa’ biha għal dejjem għax ma titħassarx. Illum hawn sistema li din it-tpinħija titneħħa wkoll minn fuq il-bniedem. Fil-kampijiet ta’ konċentrament ta’ żmien it-tieni gwerra dinjija il-priġunieri kien jitpinġielhom numru fuq driegħhom biex ikun iservi bħala timbru ta’ identifikazzjoni ta’ dak li jkun.
Hemm xi sagramenti li wkoll jagħtu timbru lil min jirċevihom u dawn bħalma kienet it-tpinġija ta’ dari, ma jitħassru qatt.

Sagramenti ta’ karattru
Mis-seba’ sagramenti hemm tlieta li jagħtu karattru. Dawn huma il-magħmudija, il-griżma tal-isqof u l-ordni sagri. Ladarba Nisrani jirċevihom, jagħmel x’jagħmel jibqgħu fuqu. Is-sagramenti l-oħra ma jagħtux karattru u jistgħu jkunu rċevuti kemm-il darba. Il-qrar u t-tqarbin huma l-aktar sagramenti li nirċievu, il-griżma tal-morda ġieli tingħata aktar minn darba u ż-żwieġ sagrament jista’ jerġa’ jingħata kemm-il darba xi parti mill-koppja tmut. Iżda jekk bniedem ikun mgħammed ma jkunx jista’ jerġa’ jitgħammed għaliex dak is-sagrament huwa għall-ħajja kollha. L-istess ngħidu għall-griżma tal-isqof u l-ordni sagri, dawn ma jiġux ripetuti.

Issa ġieli smajna li kien hawn min ried li titħassarlu l-magħmudija li jkun ingħata fi twelidu. Hemm metodu biex dan isir, imma personalment naraha li din il-ħaġa tkun qisha jiena twelidt Malta u nara kif nagħmel biex uffiċjalment inkun imniżżel li twelidt f’xi pajjiż ieħor. Mhux bħal meta nibdel iċ-ċittadinanza. Jekk nibdel iċ-ċittadinanza u minn Malti nsir ta’ xi nazzjonalità oħra, xorta waħda ċ-ċertifikat tiegħi ikun juri li twelidt Malta. Inħoss li min ma jixtieqx jibqa’ fi ħdan xi għaqda jew Knisja jista’ jagħmel dan mingħajr ħafna kumplikazzjonijiet.

Magħmudija
Il-magħmudija hija s-sagrament li jista’ jingħata minn kulħadd f’każi ta’ emerġenza. Jekk tarbija tat-twelid tkun fil-periklu tal-mewt, l-infermier, it-tabib jew kull persuna oħra tista’ tamministra l-magħmudija anke jekk dik il-persuna ma tkunx tħaddan it-twemmin Nisrani. L-importanti hu li l-persuna jkollha l-intenzjoni retta li tgħammed lil dik it-tarbija u tgħid il-kliem: “Jiena ngħammdek fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Nerġa’ ngħid, dawn huma okkażjonijiet rarissimi u ma humiex il-prassi normali. Normalment il-magħmudija tingħata waqt il-quddiesa fil-parroċċa fejn ikunu joqgħodu l-ġenituri.

Magħmudija tal-Mulej
Illum niċċelebraw il-magħmudija tal-Mulej, naraw lil Ġesù jersaq lejn Ġwanni biex jitgħammed mingħandu. Naraw li hija kontradizzjoni għax il-ħaġa hija bil-kontra. Il-fatt li Ġesù resaq biex jitgħammed mingħand Ġwanni turi l-umanità tiegħu. Jgħidilna San Pawl li hu li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla imma tneżża’ minn kollox, xejjen lilu nnifsu u sar jixbah lilna l-bnedmin f’kollox minbarra d-dnub [Fil:2:6-7]. Ladarba kien jixbah lilna huwa mexa wkoll bħalma jimxu l-bnedmin l-oħra.

Iżda l-magħmudija ta’ Ġwanni kienet biss tħejjija għall-magħmudija li ta Kristu. Ġwanni għammed biss bl-ilma u allura l-magħmudija tiegħu ma kinitx tħalli karattru, ma kinitx tagħti timbru lil dak li jirċeviha. Ġesù ħa din it-tip ta’ magħmudija u mhux l-oħra tal-ispirtu għax ma kellux bżonnha, iżda ordna lid-dixxipli:  “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru tal-Iben u tal-Ispirtu  s-Santu” [Mt:28:19].

Din hija d-differenza bejn il-magħmudija li ħa Kristu u dik li ħadna aħna. Tagħna tatna timbru li ma jitħassarx.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 13 ta' Jannar 2019

Nessun commento:

Posta un commento