Żgur li ħafna minnkom smajtu bl-enċiklika Laudato Sì li l-Papa Franġisku għadu kif ħareġ. Franġisku jibda din
l-enċiklika bil-kliem ta’ Franġisku ieħor – San Franġisk ta’ Assisi: Tkun
imfaħħar Mulejja! , kliem meħud mill-kantiku ta’ San Franġisk fejn ifaħħar
il-ħolqien. Meta naraw li bejn Franġisku ta’ Assisi u l-Papa Bergoglio hemm 800
sena dlonk nintebħu li l-Knisja minn dejjem kellha għal qalbha l-ambjent u
n-natura.
San Franġisk
Fil-knejjes tagħna spiss inkantaw l-innu
li nkiteb fuq il-kliem ta’ San Franġisk. Araw ftit x’ kien kiteb
il-fqajjar ta’ Assisi dwar in-natura, dak li lum insejħulu ambjent:
Ħallihom ifaħħruk
il-ħlejjaq kollha,
u l-aktar id-dawl sfiq ta’
oħtna x-xemx
li twelled il-jum ġdid, u
bl-isfa dija
turi, Mulej, li ogħla
minnek m’hemmx.
Mulejja, tkun imfaħħar
f’ħuna l-qamar,
fil-kwiekeb sbieħ ġo sema
kbir, leqqien;
u f’ħuna r-riħ, fis-sħab,
f’taqlib, fi bnazzi
li bihom tgħajjex, b’seħer,
il-ħolqien.
Mulejja, ħa tkun imfaħħar
f’ħuna l-ilma,
irżin u safi wisq, meħtieġ
qatigħ;
u f’ħuna n-nar li jagħti
d-dawl fl-iljieli,
sbejjaħ, kollu ħajja,
qawwi, sħiħ
Tant kien iħossu qrib
tan-natura li Franġisku jsejħilhom ħutu l-elementi tan-natura.
Il-Papa tan-natura
Sejjer insemmi qaddis li lkoll nafuh, sejjer insemmi lil San Ġwanni Pawlu
II. L-imħabba u l-passjoni li Carol Wojtyla kellu għan-natura u l-ambjent
jirrapreżentaw waħda mit-temi importanti tal-pontifikat tiegħu. Forsi ftit huma
dawk li jintebħu kemm dan il-Papa ħallielna tagħlim – ħafna drabi b’mod
indirett, dwar l-ekoloġija.
“Ħarsu lejn il-futur mimlijin tama, imxu bil-ħsieb li dan il-millenju
nagħmluh żmien ta’ solidarjeta’ u paċi, ta’ mħabba għall-ħajja u ta’rispett
lejn il-ħolqien ta’ Alla.” Dan il-kliem ma ntqalx li xi grupp ta’ xjenzjati jew
ekoloġisti, imma huwa parti mid-diskors li kien għamel lilna lkoll nhar it-8
ta’ Mejju, 2001, waqt li kien fuq żjara f’ pajjiżna.
Konxju mill-problema ambjentali, fl-enċiklika Redemptor Hominis, fil-bidu tal-ministeru papali tiegħu, fl-1979
jiktbilna: “Il-bniedem tal-lum donnu jinsab mhedded minn dak li jipproduċi huwa
stess, biex ngħid hekk mix-xogħol ta’ idejh stess u aktar u aktar mill-ħidma
tal-intellet tiegħu. [...] Spiss il-bniedem fl-ambjent naturali ma jarax ħlief
dik ix-xi ħaġa li taqdih, dik ix-xi ħaġa li qegħda hemm għall-użu tiegħu u xejn
aktar. Imma r-rieda tal-Ħallieq hija li l-bniedem jaħdem id f’ id man-natura
bħala s-sid u l-għassies intelliġenti u nobbli tagħha, u mhux bħala dak li
jesplojtaha u jeqridha bla ħsieb ta’ xejn. [...] Ma aħna ngħidu xejn ġdid imma
qegħdin insemmu l-ewwel messaġġ tal-Ħallieq lill-bniedem meta tah id-dinja biex
jaħkimha.”
Papa Franġisku
Il-papa attwali huwa konxu kemm illum il-bniedem jaħseb fih innifsu biss u
kważi kważi jiġi jaqa’ u jqum minn dak li jista’ jiġri għada. Araw x’ kiteb
fl-enċiklika li għadu kemm ħareġ:
L-antropoċentriżmu modern, paradossalment, spiċċa biex qiegħed ir-raġuni
teknika ’l fuq mir-realtà, għax dan il-bniedem m’għadux iħoss lin-natura bħala
norma valida, lanqas bħala kenn ħaj.
Iħares lejha mingħajr ipotesi, oġġettivament, bħala spazju u materja li
fihom jista’ jwettaq opra li fiha jilgħab kollox, u ma jimpurtax xi jkun ir-riżultat. Hekk, ikun inaqqas
mill-valur intrinsiku tad-dinja. Imma
jekk il-bniedem ma jiskoprix mill-ġdid il-post veru tiegħu, ma jifhimx sew lilu
nnifsu u jispiċċa jikkuntradixxi r-realtà tiegħu nnifsu. Alla mhux biss ta l-art lill-bniedem ħa
jużaha bir-rispett kollu għall-iskop li għalih Alla taha lill-bniedem, imma
l-bniedem innifsu hu wkoll don ta’ Alla lill-bniedem: għalhekk il-bniedem irid
juri rispett għall-istruttura naturali u morali li biha hu mżejjen.
L-Arċisqof Scicluna
iż-Żonqor |
Meta l-Arċisqof Scicluna tkellem u wera l-preokkupazzjoni tiegħu
fil-kwistjoni tal-bini ta’ Żonqor Point qamu l-irwiefen kollha. Tkażajt b’ kummenti
li ċerti nies kitbu fil-medja soċjali. Ċerti nies li tarahom minn ta’ quddiem
iċapċpu u jerfgħu l-istatwi tal-madonni u l-qaddisin u mbagħad jiktbu kliem iebes
kontra l-Arċisqof għax sempliċiment ma qabilx ma’ deċiżjoni li ħa l-gvern. U
jien nistaqsi: Mela l-Arċisqof mhux ċittadin bħali u bħalek li għandu dritt
iperreċċ l-opinjoni tiegħu? Kien hemm min qal li l-Knisja kien imissha għalqet
ħalqha fuq din il-kwistjoni l-aktar meta għandha żewġ applikazzjonijiet għal
bini f’ żoni protetti. Jien ma naqbilx li f’ żona protetta jsir bini, la
mill-Knisja u lanqas minn ħadd, imma aħna nafu jekk humiex sejrin jibqgħu
mexjin ’il quddiem il-pjani għal bini f’ dawn iż-żoni l-aktar issa wara
l-enċiklika tal-Papa Franġisku? Jien nemmen li issa aktar minn qatt qabel
il-Knisja sejra toqgħod attenta biex tibża’ għall-ambjent u mhux sejra tkun hi
li tirrovina art li tinsab ’il barra minn żona għall-bini (ODZ).
L-ambjent hu għal qalb il-Knisja għax taf li huwa d-dar komuni tagħna u
għalhekk irridu nibżgħu għalih u għalhekk titkellem u xi kultant tirfes anke xi
kallu jew tweġġa lil xi ħadd. Imma dan huwa dmir tagħha.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento