Ix-xahar
li fih jibda s-sajf, ix-xahar li miegħu jaslu wkoll il-festi tagħna
Kull meta joqrob is-sitt xahar tas-sena bla ma rrid nibda naħseb fuq
il-festi tal-bliet u l-irħula tagħna, festi li tista’ tgħid jibdew f’dan
ix-xahar. Kull sena nikteb dwarhom u qatt ma nirrepeti dak li nkun għidt qabel
għax dan huwa suġġett li tant huwa vast li qatt ma tista’ tkun ktibt kollox
dwaru. Dan l-aħħar qrajt li membru parlamentari Malti propona li l-festi tagħna
jitqiesu bħala wirt tal-umanità mill-UNESCO. Qgħadt naħseb ftit u quddiemi
bdejt inqabbel kif kienu l-festi ta’ tfuliti fi tmiem is-snin 70 u dawk
tal-lum, u wasalt għal ħafna konklużjonijiet fosthom dawn li se naqsam magħkom
illum.
L-aqwa avveniment tas-sena

Tbassir li mar żmerċ
L-antropologu Jeremy Boissevain fl-1965 fil-ktieb tiegħu Saints and Fireworks: Religion and Politics
in Rural Malta, kien bassar li l-festi Maltin ma kellhomx wisq ħajja.
L-antropoloġi ma humiex allat u jiżbaljaw ukoll. Boissevain żbalja bil-kbir
fit-tbassir tiegħu għax mhux talli l-festi ma mietux imma kibru u żdiedu. Fejn
kienet issir festa esterna ta’ tlett ijiem saret issir tul il-ġimgħa kollha,
żdiedu l-marċi, żdied l-armar u żdied kollox tant li kultant spiċċajna fl-esagerazzjonijiet
u nsejna li fl-aħħar mill-aħħar dawn huma festi f’ġieħ il-qaddis jew qaddisa u
jsiru biex nifirħu bihom.

Bidliet
Il-festa Maltija f’ dawn l-aħħar deċennji evolviet u nbidlet. Il-qagħda
soċjali tal-Maltin għenet biex dan seta’ jseħħ. Daħlet ukoll id-drawwa li xi
jiem qabel tibda l-ġimgħa tal-festa ssir Lejla Maltija jew mill-parroċċa jew
minn xi għaqda fil-parroċċa. Daħlet ukoll id-drawwa tad-disco, drawwa li hawn
ħafna kontra tagħha għax isostnu li ma għandha x’ taqsam xejn mal-festi
titulari ta’pajjiżna. Jien ma rridx ngħid li jiena favur id-disco fil-ġimgħa
tal-festa imma dan huwa fenomenu tal-evoluzzjoni tal-festi Maltin. Il-modernità
ma tistax twaqqafha, imma tista’ tikkontrollaha! Il-ħażin huwa meta
bl-attivitajiet kollha li jsiru jiġi traskurat l-għan ewlieni li għalih issir
il-festa.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 7 ta' Ġunju 2014
Nessun commento:
Posta un commento