sabato 14 giugno 2014

Għandi ħolma

L-esperjenza ta’ Sor Cristina f’ The Voice of Italy


Il-frażi “ I have a dream” - għandi ħolma hija sinonima ma’ Martin Luther King u d-diskors tiegħu tat-28 ta’ Awwissu, 1963. “I have a dream”  - għandi ħolma huwa l-isem tad-diska li l-grupp mużikali Abba tant kellu suċċess biha fl-1979. Imma dan l-aħħar din il-frażi smajnieha minn fomm xi ħadd ieħor, xi ħadd li bħal King huwa intiż fil-fidi u bħall-grupp Abba huwa wkoll midħla tal-mużika. Qiegħed nirreferei għal Sor Cristina Scuccia, rebbieħa tat-talent Show tar-Rai 2 The Voice of Italy. Wara li ġiet proklamata favorita mat-telespettaturi, u rebbieħa tas-sena 2014, kienet għadha fuq il-palk meta qalet li għandha ħolma. “Jien għandi ħolma,  il-ħolma tiegħi hija li ngħidu l-Missierna lkoll flimkien, ejjew forsi naqbdu idejn xulxin . . .  irrid li Ġesù jidħol hawn ukoll.”

Is-soru ta’ 26 sena minn Sqallija issorprendiet lid-dinja. Min ħadd qatt basar li soru sejra tmur tkanta f’ talent show nazzjonali? Mhux hekk! Min jaf kemm kien hemm min tkaża biha! Min jaf kemm kien hemm min qal li soru mhux postha fuq il-palk imma fil-kunvent. Imma lil dawk li qalu hekk jiena nistaqsihom liema dnub għamlet din is-soru li sabet il-vokazzjoni tagħha bis-saħħa ta’ musical reliġjuż li kienet ħadet sehem fih? Laqagħtni ħafna l-kliem ta’ J-Ax meta ħadet sehem fil-programm l-ewwel darba. Il-ġurija kienu jisimgħu l-kant mingħajr ma jaraw lil min ikun ikanta. Meta dar J-Ax u ra li dik il-vuċi meraviljuża kienet ta’ soru qalilha: “Mhux li kont tkun fil-knisja fejn kont immur jien meta kont għadni żgħir, kieku ma kontx nitlef quddiesa waħda minn dawk li kont tkanta fihom int”.  J-Ax ma huwiex xi wieħed li jifrekwenta l-Knisja, xejn minn dan anzi huwa ddikkjara lilu nnifsu bħala ateu. Fil-fatt mat-taħbira tar-rebħa tas-soru, ir-rapper qalilha “Din kienet esperjenza mhux tas-soltu. Il-parir tiegħi hu li inti tista’ tibdel l-affarijiet minn barra. Qiegħed ngħidlek jien bħala ateu”. X’ ried jgħid sewwa sew b’ dawn il-kliem J-Ax?

Ħafna drabi dawk li ma jemmnux jispiċċaw biex jitilfu l-fidi għax jibdew iżidu mat-twemmin bażiku, żieda li tkun wisq bogħod mit-tagħlim veru, żieda li tkun inbniet fil-fantasija u l-immaġinazzjoni. Jingħad li darba wieħed patri ta’ fama qaddisa kien imwaqqaf minn wieħed ateu u wara li damu jitkellmu l-patri qallu li lanqas hu ma jemmen f’ dak alla li ma jemminx fih l-ateu għax Alla l-veru huwa għal kollox differenti minn kif ipinġih f’ moħħu dak li ma jemminx.

Min jaf kemm kien hemm min biddel il-fehma tiegħu dwar il-Knisja bis-saħħa tas-sehem ta’ Sor Cristina f’ The Voice of Italy? Din mhux xi soru xiħa, anzi għadha f’ nofs is-snin għoxrin. Minkejja li għażlet il-ħajja tal-kunvent xorta waħda ma nqatgħetx mid-dinja, anzi wriet lid-dinja li wara l-ħitan tal-kunventi hemm nies tad-demm u l-laħam, nies li għandhom talent, nies li ma humiex differenti minn ħaddieħor, nies li jixtiequ jagħtu lid-dinja minn dak li għandhom, nies li minkejja li għażlu l-ħajja reliġjuża, huma l-istess bħal ħaddieħor.

Fl-opinjoni tiegħi l-esperjenza ta’ Sor Crisitna għandha tiftaħ l-għajnejn. L-esperjenza ta’ Sor Crisitna għandha ġġib lil bosta saqajhom mal-art. Kemm se ndumu bi knisja tal-ġerarkija, arani u la tmissnix? Kemm se ndumu nisimgħu kummenti minn ċerti individwi antikwati, moħħhom mimli għanqbud, moffa u trab pre konċiljari? Kemm se ndumu nilgħabu bil-knisja? Jekk il-Knisja ma nħalluhiex tevolvi se noħonquha. Noħonquha ma jfissirx tispiċċa, il-Knisja ma tispiċċa qatt għax hija istituzzjoni divina, imma jekk noħonquha nkunu qegħdin nillimitawlha l-għan tagħha. Sfortunatament hemm arja ta’ pre konċiljariżmu fil-Knisja, u mhux f’dik ta’ Malta biss. Forsi dan huwa tort ta’ min ipprova jreġġa lura lil-Lefebvrjani lejn il-Knisja Kattolika imma xorta baqa’ b’ xiber imnieħer, bil-konsegwenza li ġab aktar ħsara milli ġid. Il-Knisja għandha bżonn nies li joħolmu mhux b’ dehbijiet u fided, rakkmi u remiżolji, titli u unuri, imma li joħolmu kif sejrin jaqsmu t-talent li tahom Alla biex iqarrbu lill-poplu lejn il-Ħallieq tiegħu. Imbagħad wara li noħolmu kif se nfittxu n-nagħġa l-mitlufa ma jimpurtax li noħolmu bl-affarijiet materjali li semmejt.

Sor Cristina hekk għamlet, din iż-żgħażugħa ma serqitx il-qlub bi lbiesha, anzi dejjem kienet liebsa ta’ soru, libsa sepliċi kemm tista’ jkun. Din rebħet il-qlub bit-talent tagħha, bid-don li Alla żejjinha bih, bil-kant. Meta mbagħad rebħet il-konkors, qalet li għandha ħolma. U l-ħolma tagħha għamlitha realtà għax waqt li kienet qegħda tgħid it-talba tal-Missierna, kien hemm miljuni qegħdin jarawha u jekk ma qaluhiex magħha tal-inqas segwew x’kienet qegħda tgħid. J-Ax minkejja li qalilha li jkun aħjar ma tgħidx it-talba, xorta baqa’ hemm jisma’ l-kliem li daqs elfejn sena ilu kien ħareġ minn fomm Ġesù n-Nazzarenu. U min jaf dak il-ħin jekk l-ateu ġabx quddiem għajnejh il-Knisja fi tfulitu, meta kien imur mal-familja jew ma sħabu? Min jaf il-Mulej misslux xi ftit qalbu mqar għal dawk il-ftit sekondi? Ħadd ma jista’ jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet. Jekk imqar għal ftit sekondi biss kien hemm min bis-saħħa ta’ Sor Crisitna resaq lejn il-Mulej, allura l-ħolma tas-soru, iva saret realtà.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Ġunju 2014





1 commento: