F’għeluq it-300 sena mill-inkurunazzjoni tar-Re Ġorġ I
Re Ġorġ I |
Fit-22 ta’
Lulju tas-sena li għaddiet twieled
il-Prinċep George, bin il-Prinċep William u d-Dukessa Kate. Ftit forsi jafu li
dan it-twelid tiegħu seħħ kważi 300 sena wara l-inkurunazzjoni tal-ewwel Re
Brittaniku li kien iġib l-isem tal-qaddis patrun tal-Ingilterra.
Ir-renju
l-ġdid tal-Gran Brittanja kien iffurmat fl-1 ta’ Mejju 1707 meta ingħaqdu
r-renju tal-Ingilterra mar-renju tal-Iskozja. Fl-ewwel ta’ Jannar tas-sena ta’
wara ingħaqad magħhom ir-renju tal-Irlanda biex b’ hekk kien iffurmat ir-Renju
Unit. Ir-Reġina Anna kienet ilha mill-1702 tirrenja fuq l-Ingilterra, l-Iskozja
u l-Irlanda u b’ hekk bl-għaqda tat-tliet renji hija ġiet awtomatikament reġina
tal-Gran Brittanja bla ma kien jeħtieġ li xi ħadd iħalli t-tron biex jagħmel
wisa’ għaliha. Din is-sultana kienet mill-familja Stuard. It-twemmin ta’ din
il-famija ma kienx dak Protestant imma kienet Nisranija segwaċi tal-Papa. Minkejja
li missier ir-Reġina Anna, Ġakbu, id-Duka ta’ York, kien Nisrani li jsegwi
l-Papa f’ Ruma, uliedu Anna u Mary ġew imrobbija bħala Protestatni. Fl-1701
il-Parlament Ingliż għadda dak li jissejjaħ Act
of Settlement 1701, fejn ipprojbixxa li persuna Kattolika Rumana tkun
tista’ tmexxi lir-Renju Unit. Fl-1714 mietet ir-Reġina Anna. Hi u żewġha
kellhom sbatax-il wild, imma tnax
minnhom mietu mat-twelid, erbgħa mietu taħt l-erba’ snin u l-ieħor (William)
miet ta’ ħdax-il sena fl-1700. B’ hekk ma kienx hemm eredi għat-tron u
l-kumplament tal-familja Stuard kienet Papista, jiġifieri ma setgħux jirrenajw
huma. Ir-renju għadda minn idejn il-familja Stuard għall-famija Hanouver.
Kien
l-ewwel ta’ Awwissu, 1714, sewwasew 300 sena ilu li George Ludwig tela’fuq it-Tron tar-Renju Unit. Huwa kien
imwieled ġewwa Hanouver, post li llum jinstab fil-Ġermanja, fit 28 ta’ Mejju
1660. Hawn wieħed dlonk jistaqsi kif kien li bniedem mhux imwieled
fl-Ingliterra, jew tal-inqas fl-Iskozja jew l-Irlanda jispiċċa biex isir re
tar-Renju Unit. Omm Georg Ludwig, Sofia tal-Palatinat kienet in-neputija tar-Re
Ġakbu I. Dan kien is-sultan tal-Iskozja bejn l-1567 u l-1625. Għalhekk
intgħażel hu biex isaltan fuq ir-Renju Unit għax ma kienx imur kontra l- Act of Settlement 1701. Fil-fatt George
Ludwig kellu t-twemmin Luteran. Għalhekk il-Parlament Ingliż għażel lilu biex
ikun it-tieni Monarka tar-Renju Unit.
Fl-1682
din il-familja daħħlet id-dritt li l-ewwel wild ikollu s-suċċessjoni. Qabel
ir-re ma kienx bilfors ikun l-ewwel wild imma minn issa daħlet din id-drawwa li
għadha tintuża f’bosta monariji li għadhom ħajjin. George Ludwig f’ din is-sena
wkoll iżżewweġ lill-kiġintu Sophia Dorothea ta’ Celle minkejja li ma kienitx
minn familja rjali. B’ dan iż-żwieġ
ingħaqdu Hanouver u Calle. Minn dan iż-żwieġ twieldu żewġt ulied, bil-kbir
jisemma Ġorġ bħal missieru u li kellu jkun is-suċċessu tiegħu ir-Re Ġorġ II.
Iż-żwieġ tagħhom xejn ma rnexxa tant li kien xolt. Ir-renju ta’ dan l-ewwel re
tal-Gran Brittanja bl-isem tal-qaddis Ġorġi intemm ma’ mewtu li seħħet waqt li
kien qiegħed iżur Osnabrück fil-11 ta’ Lulju 1727 meta kellu 67 sena. Huwa
indifen ġewwa Leineschloss, f’ Hanover.
Ir-Re
Ġorġ I sab bosta ostakli matul is-snin li dam jirrenja fuq ir-Renju Unit.
L-ewwel diffikulta’ tiegħu kienet l-ilsien tal-pajjiż. Huwa kien jitkellem il-Ġermaniż u l-Franċiż imma ma
kienx jaf jitkellem sewwa bl-Ingliż u kien jiddependi għal kollox mill-ministri
tiegħu. Sena wara l-bidu tar-renju tiegħu, ir-Re Ġorġ sab ma’ wiċċu rvell
kontrih. Grupp ta’segwaċi ta’ Ġakbu Stuard, li kien Nisrani Papist, irribellaw
għax sostnew li t-tron kien bi dritt jgħajjat lill-Familja Stuard. Irvellijiet
oħra fuq l-istess kawża seħħew fl-1719, imma ftit li xejn kellhom effett. Fl-1720
ir-Renju Unit għadda minn kriżi ekonomika li tellfet lir-Re Ġorġ il-popolarità
li normalment igawdi monarka.
Intemmu billi ngħidu li mill-familja rjali ta’ Hanouver insibu
erba’ rejiet bl-isem ta’ Ġorġ. Minbarra Ġorġ I (1714-1727), ibnu Ġorġ II
(1727-1760), Ġorġ III, iben il-Prinċep ta’ Wales (1760-1820) u ibnu Ġorġ IV
(1820-1830). Iż-żewġ rejiet Brittaniċi oħra li jġibu dan l-isem kienu
mill-familja rjali Windsor: Ġorġ V (1910-1936) u ibnu Ġorġ VI (1936 -1952).
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Ġorġ martri Qormi 2014
maħruġ mill-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri Ħal Qormi
Nessun commento:
Posta un commento