sabato 7 giugno 2014

L-oriġini tal-Festa ta’ Corpus

Miraklu li seħħ fil-Knisja ta’ San Ġorġ jagħti bidu għal solennità madwar id-dinja kollha


Sewwasew 750 sena ilu il-Papa Urbanu IV ħareġ il-bolla Transiturus de hoc mundo. Kien il-11 ta’ Awwissu, 1264 meta kienet promulgata din il-bolla li ordnat li mad-dinja kollha tibda tiġi iċċelebrata il-festa ta’ Coprus Domini. Din il-festa kienet sa dak iż-żmien tkun iċċelebrata fid-djoċesi ta’ Leigi, fil-Belġju. Imma x’ġara eżatt biex minn festa ċkejkna, li bdiet fl-1247 f’din id-djoċesi sabiex tiċċelebra il-preżenza reali tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fl-Ewkaristija, tispiċċa b’ordni tal-Papa iċċelebrata fid-dinja Kristjana kollha?
Storja
Biex wieħed jifhem ftit irridu nirrakkuntaw storja li seħħet sena qabel il-ħruġ ta’ din il-bolla. Jingħad li ċertu saċerdot bl-isem ta’ Pietru ta’ Praga, mill-Boħemja, kull meta kien jiċċelebra l-quddiesa kien jiġih id-dubju jekk hux tassew li mal-konsagrazzjoni l-ostja tinbidel fil-Ġisem u l-inbid jinbidel fid-Demm ta’ Kristu. Tajjeb nagħmulha ċara li minkejja li dan it-twemmin kien jeżisti sa mit-twaqqif tal-Knisja, id-domma tat-transustanzazzjoni (li l-ħobż isir Ġisem u l-inbid jinbidel f’demm minkejja li jibqgħu jidhru u jintiegħmu bħala ħobż u nbid) ħarġet mill-Konċilju ta’ Trentu, liema Koncilju sar bejn l-1545 u l-1563. L-istorja li qegħdin insemmu tmur lura lejn is-sena 1263.
Bi skruplu kbir dan Pietru ta’ Praga waħħalha f’moħħu li jmur pellegrinaġġ minn Praga, beltu, sa Ruma. Telaq bil-mixi għal dan il-pellegrinaġġ ta’ iktar minn elf u mitejn kilometru. Ħa ħafna żmien biex wasal Ruma. Kien jimxi matul il-jum u xħin joqrob il-lejl kien ifittex kenn f’xi parroċċa jew f’xi kappella. Ġieli raqad barra, ġieli kellu jgħaddi xi jiem għand xi kappillan għax kien iħossu debboli u kien ikun irid jerġa jikseb saħħtu lura. Bil-għajnuna ta’ Alla wasal Ruma u mar jitlob fuq il-qabar ta’ San Pietru. F’dawk is-snin kienet għadha ma nbnietx il-bażilika tal-Vatikan li naraw illum imma kien hemm oħra mibnija mill-Imperatur Kostantinu l-Kbir li mexxa l-Imperu bejn is-sena 305 u s-sena 337 w.K.  
Wara li l-qassis mill-Boħemja talab fuq il-qabar tal-Prinċep tal-Appostli ħaseb biex jerġa lura lejn pajjiżu, vjaġġ ta’ elf u mitejn kilometru ieħor. Minkejja li kien talab bil-qalb, id-dubji li kellu dwar l-Ewkaristija ma kienux ħallewh. Wara xi jiem mixi wasal Bolsena, qrib Viterbo, fil-konfini tar-reġjun tal-Lazio. Huwa waqaf hemmhekk u talab lill-kappillan sabiex jgħaddi l-lejl f’dak il-post. Il-kappillan laqgħu b’idejh miftuħin.
Knisja ta’ San Ġorġ u Santa Kristina
Il-knisja ta’ Bolsena kienet iddedikata, u għadha hekk sal-lum, lill-qaddisin martri Ġorġ u Kristina. Din il-qaddisa martri jingħad li kienet bint Urbanu il-Prefett Ruman tal-muniċipju ta’ Volsini, fejn il-familja Anicia kellha bosta propjetà. Din il-familja jew aħjar ġens, kienet kbira u mifruxa u jappartjenu fiha kienu Kemm San Ġorġ Martri kif ukoll San Ġirgor il-Kbir li kien Papa bejn is-sena 590 u s-sena 604. Kristina kienet tgħix lejn l-aħħar tas-seklu III u l-bidu tas-seklu IV. Hija saret ħbieb ma’ xi membri tal-familja Anicia u dawn ikkonvertewha għall-fidi Nisranija, mingħajr ma kien jaf missierha. Meta sar jaf li bintu ssieħbet mal-għaqda tan-Nazzarenu ħadha bi kbira tant li sakkarha f’torri sakemm tibdel fehmitha. L-istejjer u l-leġġendi li hemm marbutin ma’ din il-qaddisa, bħal dawk ta’ bosta qaddisin martri oħrajn huma bla tarf. Intant jingħad li fl-aħħar hija sofriet il-martirju billi rabtuha ma siġra u sparawlha għadd ta’ vleġġeġ. Żewġ vleġġeġ laqtulha qalbha u mietet. Din kienet martri oħra ta’ żmien l-Imperatur Dioklezjanu li mexxa l-Imperu Ruman bejn is-sena 284 u s-sena 305. Allura nistgħu ngħidu li Santa Kristina ħadet il-martirju fl-istess żmien li ħadu San Ġorġ ta’ Lidda. Hija kienet midfuna fil-katakombi ta’ Bolsena. Meta fis-sena 313 l-Editt ta’ Milan ġab fi tmiemha l-persekuzzjoni bdew jinbnew il-knejjes. Fuq il-katakombi ta’ Bolsena bdiet tinbena knisja u billi f’din l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-Ġens Anicia ma setgħax jonqos li din il-familja għanja tidħol għall-ispiża tal-bini tal-Knisja u wara kif kien xieraq tissemma għaliha. Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja min kien jibni knisja jew kappella kienet tissejjaħ bħala tiegħu. Hekk insibu bosta knejjes, l-aktar f’Ruma, li huma msemmijin għal min kien bnihom. Per eżempju il-knisja ta’ Santa Sabina fuq l-għolja tal-Avventino f’Ruma hija ddedikata lil dik in-nobbli, bl-isem ta’ Sabina, li bnietha. Imma l-knisja ta’ Bolsena ġiet iddedikata lil San Ġorġ li kien mill-familja li għenet fil-bini tagħha. Ta’ familja twajba li kienet ma setgħetx tinsa liċ-ċkejkna Kristina, li ħadet il-martirju wara li ressquha huma stess lejn il-fidi Nisranija. Għalhekk flimkien ma’ San Ġorġ, il-knisja ġiet iddedikata wkoll lil Santa Kristina.
Mill-ġdid Dun Pietru
Mela għidna li Dun Pietru għadda l-lejl ġewwa Bolsena. L-għada filgħodu il-kappillan ħassu ma jiflaħx u talab lil Dun Pietru jqaddes hu. Hekk ġara, u l-qassis pellegrin mar iqaddes fil-knisja ta’ San Ġorġ u Santa Kristina. X’ħin is-saċerdot qasam l-Ostja biex jitfa’ biċċa żgħira minnha fil-kalċi, beda ħiereġ id-demm minnha u l-partijiet fejn kien qiegħed imiss b’subagħajh saru laħam. Infixel u dar lejn in-nies li kienu fil-knisja jassistu l-quddiesa. Il-qassis ġerbeb kollox fil-korporal u daħal fis-sagristija. Xi qtar tad-Demm ta’ Kristu waqgħu fl-art u xi nisa twajba bdew jimsħuh bl-imkatar tagħhom.
Bla telf ta’ żmien telaq lejn Orvieto. Orvieto hija belt fir-reġjun tal-Umbria imma mhux wisq bogħod minn Bolsena, ftit inqas minn għoxrin kilometru. Dik il-ħabta fil-belt ta’ Orvieto kien hemm il-Papa. Hawnhekk il-Papa kellu palazz għall-vakanzi, bħal dak li llum għandu ġewwa Castel Gandolfo. Il-Papa Urbanu IV dlonk bagħat lill-Isqof ta’ Orvieto sabiex jivverifika dak li kien seħħ.
Minn San Ġorġ għall-Assunta
Ladarba instab li ma kienx hemm qerq f’dak li kien ġara fil-knisja ta’ San Ġorġ ta’ Bolsena, il-Papa ħareġ il-bolla li semmejna fil-bidu fejn ordna li d-dinja kollha tibda tiċċelebra l-festa ta’ Corpus Domini il-Ħamis fuq l-ottava ta’ Pentecoste.
Il-Korporal li fuqu seħħ il-miraklu Ewkarisitku inżamm ġewwa Orvieto. Il-Papa Urbani IV miet fl-1288. Il-Papa ta’ warajh, Nikola IV ordna li jinbena katidral ġewwa Orvieto biex ikun jista jkun esebit fih il-korporal tal-miraklu. Mhux magħruf l-arkitett ta’ dan il-katidral mill-isbaħ fuq stil romansek b’faċċata ġotika. Ix-xogħol tal-bini beda fl-1290 u spiċċa fl-1591. Iktar minn tliet mitt sena ta’ xogħol! Bejn l-1350 u l-1356 inbniet il-kappella fejn jinsab il-korporal. Minkejja li l-ħsieb oriġinali tal-bini tal-katidral kien li jinżamm fih il-korporal, huwa ġie iddedikat lill-Santa Marija Imtellgħa s-sema.
Intant xi rħam minn l-art tal-knisja ta’ San Ġorġ ta’ Bolsena li fuqu kienu waqgħu xi qtar, inqalgħu u nżammu bħala relikwi. Waħda minnhom għadna narawha fuq altar fil-kappella iddedikata lil dan il-miraklu.
Kumpless ta’ knejjes
Il-knisja ta' San Ġorġ u Santa Kristina f'Bolsena
Aktar milli knisja jkun aħjar jekk illum insemmu kumpless ta’ knejjes li huma magħrufin bħala l-bażilika ta’ Santa Kristina f’Bolsena. L-ewwel knisja hija dik fejn seħħ il-miraklu u tinsab fuq il-katakombi fejn indifnet Santa Kristina. Hawn ukoll kappella ta’ San Martin. Qabel wieħed jidħol għal din il-knisja hemm oratorju fejn insibu r-relikwija tal-biċċa rħama b’qatra demm fuqha. Hawn insibu żewġ artali minbarra dak li fuqu hemm ir-relikwija. Wieħed mill-artali huwa ddedikat lil San Ġorġ u Santa Krisitna u fih fittura ta’ dawn il-qaddisin flimkien mal-Madonna. Il-knisja principali hija medjevali u fiha nsibu artal ċentrali u żewġ kappelli laterali. F’nofs l-artal ċentrali naraw polittiku ta’ Sano di Pietro. Dan kien pittur minn Siena li għex bejn l-1406 u l-1481. Fil-polittiku jidher Kristu fin-nofs u t-taħbira tal-anġlu lil Marija. Fin nofs tidher il-Madonna b’Ġesù f’ħoġorha u fuq il lemin tal-kwadru jidhru San Pietru u San Ġorġ filwaqt li fuq ix-xellug jidhru San Pawl u Santa Kristna. Taħt insibu erba’ kwadri mill-ħajja ta’ San Ġorġ, it-taqbida mad-dragun, San Ġorġ jikkonventi r-Re ta’ Silene, il-magħmudija tar-Re ta’ Silene u l-martirju ta’ San Ġorġ. Mal-ħajt tal-knisja insibu kwadru kbir ta’ artist mhxu magħruf li fih tidher il-Kunċizzjoni ma’ San Ġorġ u Santa Kristina. Fdal ta’ affresk tas-seklu XV mill-knisja l-antika u li llum jinstab fid-dar parrokkjali juri lil San Anard, San Ġorġ u Santa Kristina.
It-tradizzjoni tgħid li l-bini tal-knisja li nsibu llum sar fuq il-post fejn qabel kien hemm knisja paleokristjana, jiġifieri tal-ewwel żminijiet tal-Knisja u din kienet inbniet minflok tempju pagan. Il-knisja tal-lum inbniet bit-tħabrik ta’ Matilde di Canossa u tal-Papa Girgor VII li kienu devoti ta’ Santa Kristina. L-istess Papa ikkonsagra din il-knisja fl-10 ta’ Mejju, 1078. Il-knisja kienet restawrata fl-1925 u mill-ġdid fl-1977. Illum hija l-aktar post importanti tal-villaġġ ta’ Bolsena.
Devozzjoni lejn is-sagrament
Meta l-Papa Urbanu IV waqqaf il-festa ta’ Corpus kien jinstab Orvieto. F'din il-belt ukoll kienu jinstabu żewġ persuni li aktar il quddiem kollhom isiru qaddisin u dutturi tal-Knisja. Dawn kienu San Tumas ta’ Akwinu u San Bonaventura. Il-Papa kien jaf bl-għerf ta’ dawn iż-żewġ patrijiet, wieħed Dumnikan u l-ieħor Franġiskan. Huwa talabhom jiktbu xi innijiet ewkaristiċi. Aneddotu ħelu jgħid li qabel ma dawn iż-żewġ kittieba ppreżentaw dak li kienu kitbu lill-Papa, Bonaventura talab lil Tumas biex jara x’kien kiteb. Meta l-Franġiskan ra x’kien kiteb l-ieħor qallu li ma kienx sejjer jippreżenta kitbietu għax ħdejn il-kitba tad-Dumnikan tiegħu lanqas biss kienet tibda. Kemm hu minnu dan il-fatt jew le ma nafx, imma naf li innijiet ewkaristiċi li għadna nkantaw sal-lum, bħal O Salutaris Hostia, Panis Angelicus u Pange Lingua (magħruf aktar bħala Tantum Ergo) huma xogħol ta’ Tumas ta’ Akwinu. Il-Papa Urbanu qabbad lill-Akwinu wkoll biex jikteb il-liturġija ta’ Corpus. Sal-lum ukoll fl-Uffiċċju tal-Qari tas-solennità ta’ Corpus għadna naqraw it-tieni lezzjoni miktuba minn dan id-Duttur tal-Knisja. Mhux ta’ b’xejn huma mlaqqam il-qaddis Anġeliku għax il-kliem li juża għall-Ewkaristija aktar tistħajjilhom li ħarġu minn fomm xi anġlu milli mill-pinna ta’ bniedem mortali.
Bolsena
Jekk Orvieto jista’ jiftaħar li fil-katidral tiegħu għandu korporal imċappas bid-demm tas-Salvatur tal-bniedem, Bolsena mhux b’inqas tista’ tkun kburija għax fiha sar il-miraklu Ewkaristiku li bis-saħħa tiegħu kienet imwaqqfa mad-dinja kollha s-solennità ta’ Corpus Domini. Ta’ kull sena l-villaġġ jagħmel purċissjoni bis-sagrament u bir-relikwija tad-Demm ta’ Kristu. Ir-raħal jinbidel f’ġenna dakinhar. L-art min fejn ikun sejjer jgħaddi s-sagrament tinkesa bi fjuri b’mod li jsir donnu tapit b’għadd ta’ xbihat.
U dan kollu beda minn daqxejn ta’ knisja f’raħal fuq l-għadira msjeħa ta’ Bolsena, daqxejn ta’ knisja li bħal tagħna hija ddeidkata lill-martri Ġorġ ta’ Lidda. Kollox beda minn hawnhekk, kollox beda mill-knisja ta’ San Ġorġ.

Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa San Ġorġ Martri Qormi, Kumitat Festi Esterni 2014



Nessun commento:

Posta un commento