Fit-tliet snin li għaddew fil-programm tal-festa tal-Għaqda
Soċjo-mużikali Anici wasaltilkom xi tagħrif dwar knejjes li nsibu ġewwa Venezja
u li huma ddedikati lil San Ġorġ. Wara San Giorgio Maggiore, San Giorgio degli
Schiavoni u s-sena l-oħra San Giorgio dei Greci, inħossni nonqos jekk ma
niktibx xi ħaġa dwar ir-raba’ knisja li nsibu hemmhekk u li hija wkoll
iddedikata lill-qaddis martri ta’ Lidda. Din is-sena sejrin nagħtu ħarsa lejn
il-knisja Anglikana ta’ San Ġorġ li nsibu f’ campo San Vio ġewwa Venezja.
Biex tasal għal din il-knisja, minn pjazza San Mark, tista’
taqbad il-“vaporetto” u tieqaf ħdejn
l-akkademja tal-arti jew tista’ timxiha u kif taqsam il-kanal il-kbir minn fuq
il-pont tal-injam imsejjaħ il-pont tal-akkademja tiġbed lejn ix-xellug.

Fl-1892 il-komunita’ Anglikana akkwistat il-bini fejn illum
insibu il-Knisja tagħhom. Kienet iddedikata lil San Ġorġ dik is-sena stess. Minn barra din il-knisja hija mibnija b’ ġebel
bajdani u fuq il-bieb prinċipali insibu basso riliev ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel
jissielet mad-dragun. Il-bieb prinċipali
huwa tal-bronz. Minn ġewwa l-knisja hija forma ta’ sala rettangulari u fiha gallarija b’ orgni fiha. Dan l-orgni
huwa rigal tad-dukessa ta’ Northumberland. L-altar jinsab fil-faċċata tal-knisja.
Mal-ħitan miżbugħin griż hemm għadd ta’ lapidi li jfakkru
xi vittmi tal-gwerra u xi nies oħrajn. Bħall-knejjes Anglikani l-oħra hawn insibu
għadd ta’ bnadar imdendlin mal-ħajt fosthom bnadar ameriknai, bojod bis-salib aħmar
u union jacks. Bħal bosta knejjes
Anglikani oħra, hawn insibu wkoll għadd ta’ twieqi bi stained glass.

Kuntrarjament għall-knejjes l-oħra li nsibu f’ Venezja, din
hija knisja li tiftaħ biss matul is-servizz liturġiku, nhar ta’ Ħadd filgħodu.
Wara s-servizz terġa tinagħlaq. Ovvjament matul is-servizz wieħed ma jistax
idur u jara l-knisja sewwa. Il-knisja tkun miftuħa wkoll meta fija jsir xi kunċert minn xi kor Ingliż.
Hawn wieħed ikun aktar liberu biex jara din il-knisja.
B’ dan it-tagħrif
dwar din il-knisja temmejna d-dawra li għamilna dawn l-aħħar erba’ snin fejn
żorna l-erba’ knejjes iddedikati lil San Ġorġ Marti fil-belt ta’ Venezja.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Ġorġ Martri Qormi 2014
maħruġ mill-Għaqda Mużikali Anici.
Nessun commento:
Posta un commento