sabato 21 novembre 2015

Ir-rarità tas-sens komun

Voltaire
L-għaref Franċiż François-Marie Arouet, imlaqqam u magħruf mad-dinja kollha bħala Voltaire, kien filosfu, awtur, li ħallielna kemm ħrejjef kif ukoll rumanzi u poeżiji, enċiklopedista, storiku u nsomma kien bniedem ta’ għerf kbir. Dan il-bniedem li għex bejn l-1694 u l-1778 kien ukoll aforista. Aforista huwa dak il-bniedem li jaf joħloq frażi qasira li fiha jkun hemm miġbur għerf kbir. Fost il-bosta aforismi ta’ Voltaire insibu l-famuża frażi “Le sens commun est fort rare”, jiġifieri is-sens komun huwa daqxejn rari. Spiss nara xi ħwejjeġ jiġru quddiemi u niftakar f’ dan il-kittieb u ngħid kemm għandu raġun! Ħalli nġibu xi ftit eżempji.

Żewġ ħwejjeġ fl-istess waqt
Niftakar ċar lill-bużnanna tiegħi tmur il-knsija u waqt il-quddiesa kienet toħroġ il-kuruna u tgħid ir-rużarju. Hi u dawk kollha li għexu fiż-żmien tagħha kienu mdorrijin jisimgħu l-quddies bil-Latin u ħadd minnhom ma kien jifhem xejn. Allura kienu jgħidu r-rużarju waqt li l-qassis kien iqaddes. Kien mingħalihom li qed jagħmlu opra tajba doppjament. Meta l-quddies beda jsir bil-Malti, dawn xorta baqgħu bid-drawwa li jgħidu r-rużarju waqt il-quddiesa. Kien żmien ieħor.

Il-bniedem hu kapaċi jagħmel aktar minn ħaġa waħda fl-istess ħin. Bniedem kapaċi jisma’ lil xi ħadd jitkellem u fl-istess waqt jikteb dak li jkun qed jisma’. Sa hawn kollox sew, imma jista’ wkoll jagħmel żewġ atti kontemporanjament bil-konsegwenza li tintilef il-konċentrazzjoni fuq xi att minnhom. Per eżempju kull filgħodu nara għexieren ta’ nies isuqu u jitkellmu fuq il-mowbajl. Din il-ħaġa tmur kontra l-liġi u hemm pieni għal min jinqabad jitkellem fuq il-mowbajl waqt is-sewqan. Madankollu bosta u bosta sewwieqa jinjoraw il-liġi u jagħmlu dawn iż-żewġ ħwejjeġ flimkien bil-konsegwenza li jista’ jseħħ xi inċident anke fatali. Iva s-sens komun ma jgħidlekx biex waqt is-sewqan ma tweġibx telefonati? Kemm għandu raġun Voltaire.

Bla passiġġieri
M’ ilux kont ħdejn ir-roundabout tal-Erba’ Qaddisin, Ħal Qormi, viċin il-Park and Ride tal-Marsa għal min ma jafx fejn. Rajt mijiet ta’ karozzi kollha bis-sewwieq, ovvjament għax waħedhom ma jimxux , u bla ebda passiġġier ieħor. Bosta kienu ġejjin mid-direzzjoni ta’ Ħaż Żebbuġ u s-Siġġiewi u oħrajn nassumi kienu ġejjin minn Ħal Luqa. Eluf ta’ postijiet vojta. Karozza li tesa’ erba’ persuni taqdi persuna waħda biss. Possibbli li m’ aħniex kapaċi ningħaqdu fi gruppi u ngħaddu għal xulxin aħna u sejrin għax-xogħol? Kieku kull tlieta jew erba’ kollegi jifthemu bejniethom li jmorru b’ karozza waħda u jalternaw bejniethom, kieku t-toroq ta’ pajjiżna jeħilsu tal-anqas min-nofs it-traffiku li jkun fihom  ta’ kull filgħodu u ta’ kull waranofsinhar. Possibli li ħaġa bħal din ma tistax issir jew qed naraw biċ-ċar li s-sens komun huwa xi ħaġa rari?

La qed insemmu t-toroq!
Ladarba qed insemmu t-toroq bla ma rridu niftakru fil-problema tat-traffiku. Kultant tiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet li jżidu t-traffiku minflok li jnaqqsuh. Ħa nagħti eżempju wieħed u nerġa’ nsemmi Ħal Qormi. Jekk karozza toħroġ minn Triq il-Ħelsien jew minn Triq il-Vitorja lejn Triq l-Imdina u tkun sejra lejn Ħaż Żebbuġ, din trid tinżel mijiet ta’ metri ’l isfel biex iddur u terġa’ titla lura.  L-istess ħaġa ssir jekk karozza tkun għaddejja minn Triq l-Imdina u tkun trid tidħol Ħal Qormi, jkollha ssuq mijiet ta’ metri oħra biex iddawwar. Bi ftit sens komun kienet issir fetħa quddiem Triq il-Vitorja u l-karozzi jduru minn hemm u b’ hekk jitnaqqas it-traffiku. Possibli li s-sens komun huwa rarità anke f’ dawk li jippjanaw it-toroq? Każi bħal dawn hawn ruxmata f’ Malta jekk wieħed joqgħod jagħti ftit każ. Possibli li Voltaire għandu raġun f’ dan ir-rigward ukoll? Jiddispjaċini imma naħseb li iva!

X’ sens?
Mela jekk dan is-sens mhux daqstant komuni, għalfejn jissejjaħ komun? Forsi hawnhekk il-kliem jista’ jiżvijana. Il-kelma Ngliża “Common”li nużaw għall-frażi “Common sense isn't so common” tista’ tfisser xi ħaġa sempliċi, mhux kumplikata kif ukoll xi ħaġa ta’ kulħadd, bħal ngħidu aħna daħla komuni għal għadd ta’ appartamenti. Is-sens komun iktar jappartjeni għat-tieni tifsira milli għall-ewwel waħda. Sens komun huwa dak is-sens li jkun l-istess f’ numru ta’ nies imma ma jfissirsx li hu sens sempliċi, għalkemm bosta drabi naraw li anke s-sens sempliċi jonqos minn xi grupp ta’ nies.
Billi d-dinja hija mmexxija mill-bnedmin, allura bilfors niltaqgħu ma’ nuqqas ta’ sens komun għaliex il-bniedem ma huwiex perfett. Kellu raġun Voltaire jgħid li s-sens komun huwa rarità jew għaġġibha xi ftit? Ma nafx, imma kultant meta nara ċerti ħwejjeġ jiġru quddiemi ngħid li kellu raġun u naqbel miegħu!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 21 ta' Novembru 2015





Nessun commento:

Posta un commento