sabato 14 novembre 2015

Il-ħanut tal-merċa u s-supermarket

Illum il-ġurnata tħossok li ma tkunx qiegħed tgħix f’ dinja jekk ma tkunx imsieħeb ma’ xi media soċjali. Dan għaliex bit-teknoloġija tal-lum u bis-saħħa ta’ dawn il-mezzi nistgħu nibqgħu f’kuntatt mhux biss ma’ sħabna imma mad-dinja kollha. Illum aħbar taslilna immedjatament fuq il-mowbajl u ħadd ma joqgħod jistenna l-aħbarijiet tar-radju jew tat-televiżjoni biex jisma’ jew jara x’ ikun seħħ. Wieħed mill-aktar social media popolari huwa Facebook. Jien ukoll ilni bosta snin fuq Facebook u nista’ ngħid li l-aħbarijiet insir nafhom minn fuq dan il-mezz. Fuq Facebook jintefa’ minn kollox mhux aħbarijiet biss, jintefa’ imbarazz u jintefa’ wkoll kliem bis-sens. Dan l-aħħar, wieħed ħabib tiegħi tefa’ post li kien jgħid hekk “Meta tmur tixtri minn ħanut żgħir ma tkunx qiegħed tgħin lil CEO (chief executive officer) jixtri t-tielet dar tal-vakanzi tiegħu. Tkun qed tgħin tifla ċkejkna tmur il-lezzjonijiet taż-żfin, tifel żgħir jakkwista l-flokk tat-tim tiegħu, omm tpoġġi l-ikel fuq il-mejda, missier iħallas is-self jew student iħallas il-kulleġġ.”  Ikolli nammetti li dan il-kliem qanqalni u ġegħelni naħseb dwaru mhux ftit.

Il-ħwienet tal-merċa
Biex nieħdu eżempju insemmu biss il-ħanut li tant kien popolari mal-Maltin sa ftit snin ilu, il-ħanut tal-merċa. Illum il-ħanut tal-merċa tilef l-għixien tiegħu. Nabbuża ngħid li ż-żgħażagħ tal-lum lanqas jafu xi jkun ħanut tal-merċa. Għal din il-faxxa ta’ nies ngħidulhom li dan ma hu xejn għajr il-ħanut tal-grocer. Illum il-ħanut tal-merċa tilef il-popolarità tiegħu u kważi kważi miet għal kollox. Niftakar fi tfuliti, qrib id-dar tal-ġenituri tiegħi kien hemm tliet ħwienet tal-merċa f’ inqas minn ħamsin metru. Illum l-ebda wieħed minnhom ma għadu miftuħ. Illum ix-xirja saret issir mis-supermarket u ma ssirx kuljum imma ssir darba fil-ġimgħa jew anke darba kull ħmistax. Mill-ħanut tal-merċa jinxtara biss il-ħobż u l-ħalib ta’ kuljum, għalkemm illum insibu ħalib li jista’ jinxtara u jinżamm għal tul ta’ żmien u ħawn min jiffriża l-ħobż; u hawn min il-ħobż qatt ma ssibu mniżżel fil-lista tax-xiri tiegħu għax ma jieklux.

Il-ħanut tal-merċa kellu ċerta intimità mal-klijenti. Niftakar meta kont immur f’ wieħed mill-ħwienet tal-merċa li kien hemm qrib id-dar tagħna, il-mara ta’ wara l-bank kienet tistaqsini għal min kien ikun dak li kont inkun ser nixtri. Ma kontx nifhem għalfejn tistaqsini imma biż-żmien tgħallimt li jekk ix-xirja tkun għal ommi, din kienet tixtri prodotti ta’ ditta u jekk kienet tkun għan-nanna, din kienet tuża prodotti ta’ ditta differenti u għalhekk sid il-ħanut kienet tagħtini skont ma kienu jieħdu s-soltu ommi jew in-nanna. Din il-ħaġa kienet possibbli għax kien hemm dik l-intimità bejn tal-ħanut u l-klijent. Fis-supermarket din l-intimità ma ssibiex, anzi hemmhekk tagħżel int xi trid, titfa’ fil-qoffa u mbagħad tmur tħallas lill-peruna li lanqas biss tkun taf x’ jisimha.Din hija biss waħda mid-differenzi bejn il-ħanut tal-merċa u s-supermarket. Hemm oħrajn, imma ejjew nieqfu hawn.

Tajjeb insemmu li llum bosta familji għandhom ir-raġel u l-mara jaħdmu barra mid-dar it-tnejn li huma u ma għandhom mnejn li jerġgħu lura d-dar mix-xogħol meta l-ħanut tal-merċa jkun ilu li għalaq. Is-supermarket jibqa’ miftuħ ħinijiet itwal sabiex min idum ix-xogħol ikun jista’ jagħmel ix-xirja tiegħu wkoll. Koppji bħal dawn bilforsi li ma jirfsux l-għatba tal-ħanut tal-merċa.

MaKdonaldiżmu
Kemm-il darba smajna bi kliem bħal globalizazzjoni jew il-villaġġ globali. Illum imkien ma għadu bogħod. Illum id-dinja donnha saret raħal wieħed. Illum qegħdin nisimgħu bi kliem bħal Makdonaldiżmu jew kultura tal-Coca Cola. Dawn huma kliem li ġejjin mill-ismijiet ta’ ditti multinazzjonali li l-prodotti tagħhom tista’ ssibhom tmur fejn tmur fid-dinja. Sewwa jekk tkun New York, sew jekk tkun Londra, Pariġi, Ruma, Tas-Sliema jew xi post ieħor, għandek issib xi prodotti li huma l-istess. Mhux qed ngħidu biss għall-ħobża bil-hamburger jew għax-xarba popolari biss, illum tista’ ssib l-istess prodott tkun fejn tkun fid-dinja. Bosta ħwienet huma katina waħda (chain) u ssibhom imxerrdin mad-dinja kollha. B’ din is-sistema il-ħanut tal-merċa ftit li xejn għandu tama li jsalva mill-għarqa. Barra minn hekk ir-reklamar jgħallem. Xogħol ir-reklamar huwa li jġegħlek tħossok fil-bżonn ta’ xi oġġett li fil-verità ma jkollokx bżonnu. U ladarba isir ir-reklamar, dak li jkun jitħajjar u jrid isib min fejn jixtri dak li jkun tħajjar għalih, u bosta drabi dan ikun jista’ jinxtara mis-supermarket.

Nerġa’ niġi għall-post li tefa’ l-ħabib tiegħi fuq Facebook. Naqbel miegħek u nifhmek, imma wisq nibża’ li l-ħajja li qed ngħixu llum ma tantx fadlilha post għan-negozji ż-żgħar. Hija ħasra u jiddispjaċini, imma qed ngħid dak li naħseb u dak li nara b’ għajnejja. Mill-banda l-oħra s-supermarket iħaddem numru kbir ta’ nies li bis-saħħa ta’ xogħolhom ikunu jistgħu jibgħatu lil binthom titgħallem tiżfen, jew lil binhom jixtrulu l-flokk tat-tim tiegħu. Din hija realtà kiefra – realtà li fakkritni fil-frażi Latina, Mors tua vita mea, jiġifieri, il-mewt tiegħek hija l-ħajja tiegħi.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 14 ta' Novembru 2015






Nessun commento:

Posta un commento