Il-ġonna li nsibu ġewwa l-Belt tal-Vatikan huma mifruxin fuq kważi żewġ terzi tal-belt kollha. Dawn il-ġonna huma l-post fejn il-Papa jistrieħ u jippassiġġa. Kien il-Papa Nikola III li minkejja l-pontifikat qasir tiegħu, fl-1279 mexxa r-residenza papali mil-Lateran għall-Vatikan.
Dan il-Papa kien ordna li ġewwa s-swar tal-Belt tal-Vatikan isir ġnien bis-siġar tal-frott, ġnien ieħor b’ għadd ta’ siġar oħra u parti oħra b’ ħaxix baxx. Hekk bdew il-ġonna li nsibu llum. Fis-seklu XVI u s-seklu XVII dawn il-ġonna saru aktar artisitċi. Ġewwa fihom inbnew għadd ta’ funtani u tpoġġew bosta statwi sabiex isebbħu l-ambjent.Kurżitajiet
Fil-parti ta’ fuq ta’ dawn il-ġonna insibu replika
tal-għar ta’ Lourdes fi Franza. Dan l-għar kien sar fil-ġonna Vatikani fl-1903
u kien rigal lill-Papa Ljun XIII mingħand l-isqof ta’ Tarbes fi Franza,
Francesco Saverio Schoepfer. Tabres hija d-djoċesi li minnha jagħmel parti anke
ir-raħal ta’ Lourdes. Fl-1960 inġieb
minn Lourdes l-altar li għal aktar minn 50 sena kien jinsab fil-għar fejn
il-Madonna dehret lil Bernardette Soubirous fl-1858. Ta’ kull sena fil-31 ta’
Mejju issir purċissjoni fil-ġonna tal-Vatikan li tispiċċa f’ dan il-għar.
L-għeluq tax-xahar Marjan sa żmien il-Papa Piju XII kien isir fil-belvedere
tal-Vatikan imma s-suċċessur tieghi, San Ġwanni XXIII, mimli devozzjoni lejn
il-Madonna ta’ Lourdes beda jtemm dan ix-xahar taħt ix-xbieha tal-Madonna f’
din il-grotta. Il-Papiet ta’ wara Ġwanni XXIII komplew din id-drawwa sabiħa u
hekk għadu jsir sal-lum. Fl-2013 il-purċissjoni saret fi pjazza San Pietru
minflok fil-ġonna imma sena wara reġgħet saret fil-ġonna.
Fl-1990 biċċa mill-ħajt li kien jifred l-Ewropa
tal-Lvant minn dik tal-Punent, l-hekk imsejjaħ Ħajt ta’ Berlin ingħatat
lill-Papa San Ġwanni Pawlu II bħala tifkira tal-waqgħa tal-Komuniżmu u bħala
radd il-ħajr ta’ kemm ħadem għall-paċi fl-Ewropa tal-Lvant. Din il-parti żgħira
minn dan il-ħajt tinsab fil-ġonna tal-Vatikan.
Fatt kurjuż huwa dak li seħħ fl-1921 – bogħod
mill-Vatikan imma li b’ xi mod intrabat ma’ dawn il-ġonna. Ġewwa Loreto hemm
il-bażilika tad-Dar Imqaddsa, id-dar li jingħad li kienet tal-Madonna. Ġewwa
din id-dar li tinstab fil-bażilika kien hemm statwa tal-Madonna, statwa
tal-injam maħduma fis-seklu XIV. Billi din kienet statwa devozzjonali ħafna
kienu bosta dawk li jixgħelulha x-xemgħa u bid-duħħan tax-xemgħa swiedet ħafna
tant li bdiet tissejjaħ Il-Madonna s-sewda. Lejn tmiem is-seklu XVII it-truppi
ta’ Napuljun Bonaparti ħadu magħom din l-istatwa għażiża imma bis-saħħħa
tat-Trattat ta’ Tolentino li sar bejn l-Istat Pontifiċju u l-ewwel Repubblika
Franċiża fid-19 ta’ Frar, 1797 din l-istatwa intraddet lura. Fl-1921 nar qawwi
ħakem lill-bażilika ta’ Loreto u l-famuża statwa spiċċat irmied. Il-Papa Pju XI
ta siġra minn dawn il-ġonna sabiex tkun imnaqqxa statwa oħra bħal dik li kien
hemm qabel.
Stazzjon u heliport
F’dawn il-ġonna insibu l-istazzjon tal-ferrovija
tal-Vatikan. Dan ma huwiex stazzjon miftuħ għall-pubbliku imma b’daqshekk ma
jfissirx li ma jintużax. Dan l-istazzjon beda jinbena fl-1929 u x-xogħol fuqu
tlesta fl-1932. L-ewwel Papa li uża dan l-istazzjon kien il-Papa San Ġwanni
XXIII sewwasew tletin sena wara li kien lest meta fl-4 ta’ Ottubru, 1962 huwa
mar pellegrinaġġ bil-ferrovija sa Loreto u Assisi. Papiet oħra li użaw dan
l-istazzjon kienu San Ġwanni Pawlu II u Benedettu XVI. Ftit kienu dawk
il-persuni li għamlu użu minn dan l-istazzjon imma ġieli intuża biex xi morda
jitwasslu direttament fil-Vatikan. L-aktar li jintuża huwa biex tasal
il-merkanzija f’ din il-Belt-Stat. Il-perit ta’ dan l-istazzjon kellu f’ moħħu
li bosta persuni prominenti kellhom jgħaddu minnu u għalhekk żejnu bi statwi u
disinnji tal-irħam kif ukoll żewġ bassoriljievi, waħda turi s-sajda mirakoluża
ta’ Pietru u l-oħra turi lill-Profeta Elija fuq il-karru tan-nar. Dan
l-istazzjon ma għandux aċċess għal ferroviji li jaħdmu bid-dawl, għalhekk
il-ferroviji li jaslu hawnhekk iridu jkunu jaħdmu bid-diesel. L-aktar stazzjon
qrib huwa dak ta’ Roma San Pietro, madwar 862 metru bogħod. Għalhekk ferrovija
li toħroġ mill-Vatikan tibda bid-diesel u ladarba tasal fl-istazzjon San Pietro
tkun tista’ tkompli bid-dawl.
Fil-parti l-aktar għolja ta’ dawn il-ġonna insibu
l-heliport li jservi lill-Papa meta jkun sejjer juża l-helicopter. Jintuża
wkoll meta xi kapijiet ta’ stati jkunu sejrin iżuru l-Papa u jużaw
il-helicopter sabiex jaslu sal-Vatikan. Dan il-heilport inbena fi żmien il-Papa
Pawlu VI fl-1976. Fl-1978 il-Papa San Ġwanni Pawlu II poġġa f’ dan il-heliport xbieħa
tal-bronz tal-Madonna s-Sewda li nsibu f’Częstochowa fil-Polonja.
Kienet xewqa tal-Papa Wojtyla li fil-Vatikan ikun hemm
abazija għas-sorijiet tal-klawsura. Xewqet il-Papa inqatgħet fl-1992 meta parti
mill-post merfugħ għall-ġardiniera inbidel f’monasteru tas-sorijiet
tal-klawsura. Dan il-post jissejjaħ il-Monasteru Mater Ecclesiae. Maż-żmien
din l-abazija spiċċat vojta imma meta fl-2013 il-Papa Ratzinger ta d-dimissjoni
tiegħu, huwa għażel dan il-post biex jgħix fih.
Dawn il-ġonna għal bosta snin kienu magħluqin
għall-pubbliku imma dawn l-aħħar snin sar possibli li l-pubbliku jżurhom ukoll.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Jannar 2022
Nessun commento:
Posta un commento