venerdì 14 gennaio 2022

IKEL TAKE AWAY

 Ma nafx jekk hijiex l-impressjoni tiegħi jew hijiex ir-realtà, imma jidhirli li matul ix-xhur li ilna għaddejjin bil-pandemija, l-ikel hekk imsejjaħ take away  żdied. Din l-impressjoni ħloqtha meta rrealizzajt kemm fit-toroq tagħna dawn l-aħħar xhur żdiedu l-muturi li jqassmu dan l-ikel. Waqt li kont fil-karozza, imwaħħal fi traffiku li donnu ma ried jispiċċa qatt, bdejt nara għadd ta’ muturi għaddejjin minn ħdejja, kollha bil-kaxxa tal-ikel fuqhom, sejrin jagħlfu lil min hu bil-ġuħ. Dlonk f’moħħi bdejt nhewden kif bdiet l-industrija tal-ikel mixtri msajjar u lest. Immaġinajt li din hija ħaġa moderna imma meta mort infittex intbaħt li kont żbaljat u żbaljat bi kbir ukoll!

L-istorja tat-take away

Il-kunċett ta’ ikel imsajjar f’post biex jiġi kkunsmat f’post ieħor imur lura ħafna fl-istorja. Kemm fil-Greċja kif ukoll f’Ruma tal-qedem kienu jeżistu bankijiet mal-ġenb tat-toroq li kienu jbiegħu diversi platti ta’ ikel  differenti li dak li jkun kien jixtri u jieħu miegħu d-dar. Biex naraw kemm din id-drawwa kienet komuni nistgħu nsemmu li fil-belt Rumana ta’ Pompei instabu aktar minn mitejn minn dawn il-bankijiet. Dawn jissejħu termopolja – u kienu jkunu quddiem xi ħanut tal-ikel sabiex minnhom jinbiegħ ikel imsajjar u jittieħed biex jittiekel xi mkien ieħor – sewwasew it-take away. Meta wieħed jara n-numru hekk kbir ta’ dawn il-bankijiet jasal għall-konklużżjoni li f’dak iż-żmien aktar kien komuni li jinxtara ikel imsajjar lest u jittieħed id-dar milli jissajjar ikel id-dar. U jekk naraw in-numru ta’ muturi li jduru fit-toroq tagħna llum naħseb li eġajna wasalna għal dan il-punt.

Fil-Medjuevu fl-Ewropa konna nsibu bosta bejjiegħa jbiegħu ikel imsajjar lest fit-toroq ta’ bliet kbar bħal Londra u Pariġi, biss xejn taħsbu li dawn kienu jinstabu biss fl-ibliet. F’xi rħula kien hemm anke nies foqra li jixtru ikel imsajjar lest minħabba li ma kellhomx l-għodda biex isajru huma. Din id-drawwa nsibu li kienet mifruxa wkoll fiċ-Ċina. Fl-Eġittu kienu ħafna dawk li jġorru tvalja magħhom u jixtru l-ikel mit-triq u jinxteħtu jiekluh f’xi post għall-kwiet. Fit-Turkija f’dawk iż-żminijiet bdew ifaqqsu bosta bejjiegħa f’salib it-toroq, bejjiegħa li mhux biss kienu jbiegħu frott imma anke ikel misjur.

Kif l-Ewropej rifsu l-kontinent Amerikan daħħlu magħhom id-drawwiet tagħhom u għalhekk fl-Amerika Latina sar popolari l-bejgħ tal-ikel imsajjar u lest.

Il-fish and chips u l-hamburger

Ir-rivoluzzjoni industrijali għenet biex l-ikel take away isir aktar popolari. Fl-Ingilterra nsibu l-famuż fish and chips. Ma nafux sewwa fejn kien l-ewwel ħanut tal-fish and chips, imma nafu li għall-ħabta tas-sena 1860 kien hemm ħwienet li jservu dan il-platt kemm f’Londra kif ukoll fi bliet bħal Manchester u Lancashire. Il-popolarità ta’ din l-ikla tatha l-fama li hija l-ikla tradizzjonali Ngliża. Bejn l-ewwel u t-tieni gwerra dinjija, fl-Ingliterra, konna nsibu xejn anqas minn ħamsa u tletin elf ħanut iservu l-ħut moqli bil-panura u l-patata moqlija. Illum dan in-numru naqas ħafna, imma xorta l-fish and chips għadha ikla kważi obbligatorja għal min iżur l-Ingliterra.

L-istorja tal-hamburger bdiet bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien imma fuq in-naħa l-oħra tal-Oċean Atlantiku. Il-ħaddiema kienu aktarx foqra u għalhekk pulpetta tal-laħam fi ħbejża ratba kienet ideali għall-ikel tagħhom. L-isem ta’ din l-ikla ġej mill-belt Ġermaniża ta’ Hamburg. Bosta Ġermaniżi minn din il-belt kienu emigraw lejn l-Amerika u aktarx li kienu huma li bdew jieklu din l-ikla fost il-ħaddiema li semmejna. Fil-gazzetta Chicago Daily Tribune, nhar il-5 ta’ Lulju 1896 deher artiklu li f’pompa tal-petrol kien fetaħ ħanut tal-ikel li sakemm tistenna kien jagħmillek kisra ħobż b’biċċa laħam fih għall-prezz ta’ ħames ċenteżmi biss. Din l-ikla kien jisimha Hamburger steak sandwich. Illum il-burger saret popolari mad-dinja kollha u pajjiżna mhux xi eċċezzjoni.

Pizza

Fost l-aktar ikel popolari għat-take away insibu l-pizza. Madwar disgħin sena ilu fl-Amerika kien hemm kumpanija li kienet tirreklama li minn x’ħin tordna l-pizza jew tasallek id-dar fi tletin minuta jew toħodha b’xejn. Ħaġa bħal din kienet tirrikjedi ħeffa anke f’min iqassamha u għalhekk kienu bdew jinħolqu ħafna inċidenti tat-traffiku tant li din il-ħaġa kellha titwaqqaf. Intant nerġgħu lura għall-pizza. Billi l-Italja hija magħrufa għal din l-ikla, ngħidu biss li persentaġġ kbir mill-ħwienet tal-ikel li jservu l-pizza ġewwa l-Italja jagħmlu wkoll is-servizz ta’ take away. Dan ma jfissirx li bil-fors iwasslulek il-pizza d-dar, id-delivery hija ħaġa oħra. Għat-Taljani l-pizza hija dik l-ikla li toffrieha lil min toffrieha ma tiżbalja qatt għax kulħadd iħobbha. U ħa ngħiduha kif inhi, pizza bħalma ssir f’forn ta’ ħanut tal-ikel ma ssir fl-ebda forn ieħor.

Illum dorna dawra mal-ikel take away, li kont naħseb li huwa xi ħaġa relattivament moderna imma meta fittixt indunat li hija xi ħaġa antikissima.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In- Nazzjon - 15 ta' Jannar 2022



Nessun commento:

Posta un commento