sabato 18 dicembre 2021

MILIED MALTI

 

Presepju Malti
Jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa, xahar wara xahar u nistgħu ngħidu li gerrbet sena oħra, sena li bdejnieha f’pandemija u fl-istess pandemija sejrin intemmuha. F’dawn il-jiem ta’ festi li ġejjin minkejja li f’sitwazzjonijiet normali jkunu jiem ta’ ħruġ, laqgħat, festeġġjamenti u x’naf jien, din is-sena żgur li jkun hawn ħafna li jippreferu jibqgħu ġewwa darhom. Li tgħaddi dawn il-festi f’darek, ma’ tal-familja, ma hijiex xi ħaġa kerha. Wara kollox dawn huma festi li jressquna lejn il-familja, festi li nistgħu ngħadduhom id-dar.

It-Taljani għandhom qawl li jgħid: “Natale con i tuoi, Pasqua con chi vuoi”, il-Milied għaddieh ma’ tal-familja imbagħad l-Għid il-Kbir għaddieh ma’ min trid. Kemm jagħmel sens dan il-qawl u għandu mnejn din is-sena aktar minn qatt qabel, Għandna mnejn din is-sena nerġgħu ngawdu xi ftit minn dak il-Milied li konna ngħixu fi tfulitna, Milied li aktarx insejna t-togħma tiegħu.

Drawwiet Maltin

Aħna l-Maltin għandna għal qalbna ix-xena tat-twelid ta’ Ġesù. Minkejja li l-presepju ma għandux oriġini Maltija, xorta waħda din id-drawwa ħadnieha mingħand il-ġirien tagħna t-Taljani u għamilnieha tagħna wkoll. Mhux talli għamilnieha tagħna, imma ma nkunx qed niżbalja jekk ngħid li llum aktar komuni ssib presepju f’dar Maltija milli f’waħda Taljana.



Purċissjoni tal-Bambin
Żewġ drawwiet uniċi ta’ pajjiżna huma l-purċissjoni tal-Bambin Ġesù u l-prietka tat-tifel fil-quddiesa ta’ nofsillejl. Dawn iż-żewġ drawwiet raw tibdil matul is-snin u din is-sena l-purċissjoni tal-Milied tat bidu għal argument tabilħaqq bis-sens. Ladarba saret il-mixja ta’ solidarjetà tal-President, għaliex ma għandhiex issir il-purċissjoni tal-Bambin? Jekk dħalna fir-raba’ mewġa tal-pandemija tal-covid 19, dħalna kollha kemm aħna, il-virus ma jagħmilx distinzjoni bejn purċissjoni organizzata mill-Museum jew minn mixja organizzata mill-President tar-Repubblika! Intant ma rridx nintilef fuq dan l-argument għax hu twil ħafna. Kien hemm lokalitajiet li l-purċissjoni tal-Bambin ilha li spiċċat għax il-qasam tal-Museum kellu jagħlaq, biss ix-xewqa għal dik il-purċissjoni għadha tinstab fil-qalb ta’ kull Malti ta’ ċerta età għax din hija purċissjoni li toħodna lura fiż-żmien u terġa’ ġġibna tfal fil-fond ta’ qalbna. Rigward il-prietka tat-tifel ngħidu li llum ma għadiex issir biss minn tifel imma spiss qed naraw xi tifla tagħmilha. Personalmet ma tantx naqbel ma’ din il-bidla u ser ngħid għalfejn. Il-prietka tat-tifel inħolqot aktar bħala att mhux liturġiku. It-tifel kien jimita lill-qassis u aktar milli għall-kontenut in-nies tiggosta l-ġesti li jagħmel dan it-tifel għax tistħajlu qassis ċkejken. Issa ladarba qassisin nisa ma jeżistux fil-Knisja Kattolika, meta tifla tagħmel il-prietka titlef ħafna mill-iskop li għaliha nħolqot. Naf li ħa jkun hawn min ma jaqbilx miegħi, imma dan hu dak li nemmen jien u dawk li ma jaqblux miegħi għandhom dritt iżommu t-twemmin tagħhom.

Il-kċina Maltija

Qagħaq tgal-għasel
Ladarba l-Milied huwa festa tal-familja, ma jistax jonqos li l-ikel għandu parti importanti f’din il-festa. Il-kċina Maltija għandha numru ta’ riċetti marbutin ma’ dan iż-żmien sabiħ. Il-qagħaq tal-għasel huma ħelu tal-Milied minkejja li llum il-ġurnata nsibuhom matul is-sena kollha. Din hija ħaġa li tassew tħallini perpless għax il-prinjolata nsibuha biss fil-karnival, il-figolli nsibuhom biss fl-Għid il-Kbir u l-għadam tal-mejtin insibuhom biss f’Novembru. Allura ħelu tal-Milied bħalma huma l-qagħaq tal-għasel kif sirna nsibhom is-sena kollha? Ma’ qagħqa tal-għasel imbagħad tmur tajba skutella mbuljuta sħuna! Intant illum mal-ħelu Malti sirna nsibu wkoll il-kejk tal-Milied. Nemmen li dan daħal f’pajjiżna minħabba l-ħakma Brittanika. Aktar qrib tagħna bdejna ninportaw ukoll il-pannettone mill-Italja u llum dan sab ukoll postu fuq il-Mejda tal-ikla tal-Milied. Ngħid id-dritt, jien il-kċina Taljana nħobbha u dejjemm ngħid li hija l-itjeb kċina fid-dinja, imma bejn il-kejk tal-Milied u l-pannettone jkolli nistqarr li din id-darba jirbħu l-Ingliżi.

L-ikla tradizzjonali Maltija ta’ nhar il-Milied aktarx li huwa d-dundjan, biss illum issib ħafna li ma jiekluhx. Biex ngħidu d-dritt din id-drawwa daħlet fostna wkoll mill-Ingliżi. Id-dundjan sar jittiekel f’jum il-Milied f’bosta pajjiżi li bħalna kienu kolonja Brittanika. Dari d-dundjan ta’ jum il-Milied kien jittieħed il-forn biex jissajjar. Billi familti kienet familja ta’ furnara, għadni niftakar il-forn tan-nanniet b’xi għaxar jew tużżana dundjani lesti biex jiddaħħlu fil-forn tal-qiegħa. Minħabba li d-dundjan huwa tajra kbira u llum il-familji ma għadhomx numerużi bħal qabel, ħafna ma għadhomx isajruh, biss wieħed illum isib jixtri partijiet tad-dundjan u b’hekk ma jkollux għalfejn jixtri dundjan sħiħ. Imbagħad hemm min ma jiggustax il-laħam tad-dundjan allura f’jum il-Milied iħejji xi koxxa tal-majjal jew xi biċċa ħaruf. L-importatni li l-familja tkun flimkien dakinhar.

Dawn huma drawwiet, antiki kif ukoll ġodda, li jiffurmaw il-Milied Malti.

Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nawgura lilkom ilkoll Milied hieni.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Diċembru 2021



Nessun commento:

Posta un commento