venerdì 9 dicembre 2016

Rigali

Ix-xahar ta’ Diċembru huwa xahar sinonimu mal-għoti tar-rigali. Tista’ tgħid li madwar id-dinja kollha ssib din id-drawwa li fi żmien il-Milied u l-ewwel tas-sena jingħataw rigali. Hemm eluf ta’ rigali x’ jingħataw u l-fantasija ħafna drabi tkun fertili f’ dawn il-jiem. L-għoti tar-rigali huwa att unilaterali, jiġifieri bniedem għandu jagħti rigal għax iħoss li għandu jferraħ jew irodd ħajr lil xi ħadd  u mhux għax jistenna rigal lura mingħand dik il-persuna.  Rigal jista’ jingħata għal bosta raġunijiet: bħala sinjal ta’ ħbiberija jew imħabba, biex turi gratitudni lejn xi ħadd jew bħala għajnuna lil xi persuna fil-bżonn, dik li nsejħulha solidarjetà jew karità.


L-istrina
F’ Malta tal-imgħoddi l-għoti tar-rigali kien isir fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida. It-tfal kienu jingħataw xi flus bħala rigal. Fil-fatt il-kelma ‘Strina’ hija marbuta mal-ewwel tas-sena u għad hawn min dan il-jum isejjaħlu b’ dan l-isem. Minn mindu bdiet issir il-ġabra għall-Community Chest Fund bejn il-Milied u l-ewwel tas-sena u ħadet dan l-isem, ir-rabta bejn l-istrina u l-ewwel tas-sena donnha spiċċat u llum issib min lanqas jaf xi tfisser eżatt il-kelma ‘Strina’.

Gost
Jgħidu li hemm aktar gost meta tagħti milli meta tirċievi. Veru għax tkun qed tferraħ lil xi ħadd għażiż għalik. Iżda aħna bnedmin u rridu nirraġunaw ta’ bnedmin li aħna. Mela ħa ngħiduha kif inhi, anke meta nirċievu xi rigal nieħdu gost. Ladarba r-rigali qegħdin hemm biex inferrħu u nifirħu tajjeb li nagħtu rigali bi ħsieb. Qabel wieħed jixtri xi rigal għandu jaħseb x’ użu ser jagħmel b’ dak l-oġġett dak it-tali li jirċevih. Kollu ta’ xejn nagħtu oġġett li ma jkunx utli għal dak li jkun. Bi ftit ħsieb nistgħu nevitaw dan ukoll.

Hawn intenni l-ħsieb tiegħi dwar il-gift vouchers. Diġà ktibt dwarhom u nerġa’ nikteb għax veru naraha ħaġa bla sens li tixtri kupun bħala rigal u torbot lil dak li jirċevih li jixtri jew li trid int jew minn fejn trid. Aħjar qbadt u xtrajt xi ħaġa int jew tajtu flus. Kupun bħala rigal għadnu mnejn itellef nofs il-gost.

Popolari
Kien hemm żmien li l-kotba kienu rigali popolari ma’ bosta, anzi mal-maġġoranza tan-nies. Mhux għax illum ma għadhomx jingħataw, iżda ż-żmien inbidel u t-teknoloġija biddlet anke d-drawwiet tagħna. Illum fi żmien il-Milied, madwar id-dinja kollha saru jinbiegħu aktar ebook readers milli kotba. Kieku din mhix ħaġa ħażina għax ktieb elettroniku fih ċerta vantaġġi fuq ktieb stampat, għalkemm il-preġju ta’ ktieb stampat ma jista’ jinqabeż qatt mit-teknoloġija.

Rigal ieħor popolari sar it-telefon ċellulari. Minkejja li llum hawn għażla kbira ta’ dan l-apparat, għad hawn prezzijiet għoljin. U jekk titħajjar tagħti mowbajl bħala rigal mhux ser tixtri wieħed ta’ ftti flus. Personalment naħseb li oġġett bħal dan għandu jintgħażel mill-individwu li ser jużah għax anke fl-għamla ta-telefon ċellulari hemm il-gosti.

Imma mhux kull rigal għandu jkun fil-faxxa tal-prezzijiet tat-teknoloġija.

L-ikel, l-aktar il-ħelu huwa wkoll rigal popolari, il-kejk tal-Milied, xi kaxxa ċikkulatini jew xi ftit mince pies jistgħu jkunu rigal fil-veru sens tal-kelma ‘ħelu’. Ix-xorb ukoll huwa rigal attraenti għal dawn il-jiem. Il-whiskey huwa r-re tar-rigali ta’ dan it-tip. Bejnietna l-irġiel flixkun whiskey jferraħna daqs ma nafx xiex. U kemm hawn tipi ta’ whiskey għandek tgħid! U kemm varjetà ta’ prezzijiet! M’ ilux kont qed inżur attività fejn kien hemm madwar mitejn tip ta’ whiskey differenti, whiskey minn kull parti tad-dinja. Dil-ħaġa nebbħitni li dan ix-xorb huwa popolari mad-dinja kollha, mela jista’ jkun rigal ideali wkoll f’ kull pajjiż.

Rigali li ma ssibx fil-ħwienet
Dan iż-żmien ta-sena nistgħu nagħtu xi rigali speċjali li ma ssibx tixtri fil-ħwienet. F’ moħħi għandi żewġ atti li nistgħu nagħmlu bħala rigal.

L-għoti tad-demm huwa rigal li ma tistax tixtrih. Huwa rigal li ma hemmx prezz għalih. Huwa rigal li lilek ma jiswielek xejn imma min jirċevih l-ebda prezz ma jkun jista’ jħallas għalih għaliex il-ħajja ma għandiex prezz. F’ dawn iż-żminijiet ir-riserva tad-demm għandha tkun akbar mis-soltu għax hemm riskji akbar li jkun hemm iżjed ħtieġa tiegħu.

Għoti ta’ ħin ma’ xi persuni speċjali huwa wkoll rigal li ma ssibux fuq l-ixkafef. Hawn bosta persuni li jispiċċaw f’ solitudni, l-aktar f’ dawn il-jiem meta suppost kulħadd ikun ferħan. Żjara lil nies ta’ din il-kategorija hija wkoll rigal li jiġi apprezzat aktar milli naħsbu.

Rigali, rigali, rigali…. Issa żmien ta’ hekk. Tajjeb li naħsbu qabel nagħtu rigal u tajjeb ukoll nagħtu rigali li ma jistgħux jinxtraw. Issa ż-żmien li nagħtu!


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 10 ta' Diċembru 2016



Nessun commento:

Posta un commento