Xahar wara l-ieħor
igerrbu u bħal donnu lanqas tkun taf kif filli Jannar u filli jasal Diċembru.
L-aħħar xahar tas-sena huwa wieħed tabilħaqq interessanti, huwa xahar mimli
attivitajiet. Madanakollu hawn min iħobbu u jistennih u hawn min ma tantx
iħobbu. Gosti, mitt bniedem mitt fehma ngħidu aħna l-Maltin.
L-isem ta’ dan ix-xahar
ġej mill-kelma Latina Decem li
tfisser għaxra għaliex fil-kalendarju Ruman kien hemm għaxar xhur u Diċembru
kien l-għaxar u l-aħħar wieħed. Meta l-kalendarju Gregorjan żied xahrejn oħra,
Diċembru baqa’ l-aħħar xahar tas-sena u sar it-tnax-il wieħed iżda żamm ismu.
F’ Diċembru jibda l-istaġun tax-xitwa u fih insibu l-iqsar jum tas-sena.
Festi
Il-Kunċizzjoni tar-Rabat Għawdex |
Żgur li fil-bidu tax-xahar
ta’ Diċembru naħsbu fil-festa tal-Kunċizzjoni. Malta għandna x-xorti li
l-parroċċa ta’ Bormla tiċċelebra din il-festa fil-jum propju tagħha, fit-8
tax-xahar. Dawk li jħobbu l-festi tradizzjonali Maltin ma jonqsux li jżuru ftit
lill-Belt Cospicua biex jingħaqdu mal-Bormliżi fil-festa ta’ Marija mnissla mingħajr
tebgħa. L-istess festa xitwija tiġi ċċelebrata bil-kbir ukoll ġewwa r-Rabat
Għawdex. Hawnhekk il-Fanġiskani Konventwali jorganizzaw il-festa tal-Immakulata.
Mela min iħobb il-festi, kemm jekk ikun Malti kif ukoll jekk ikun Għawdxi jkun
jista’ japprofitta ruħu u jmur.
Jumejn qabel
il-Kunċizzjoni tkun iċċelebrata l-festa
ta’ San Nikola. Illum ma għadiex isir il-festa esterna iżda fis-Siġġiewi ssir
il-festa liturġika tal-qaddis patrun ta’ dan ir-raħal. Fl-14 tax-xahar
niċċelebraw lil San Ġwann tas-Salib li l-parroċċa ta’ Ta’ Xbiex hija taħt il-patroċinju
tiegħu.
Iżda żgur li l-aktar
festa li tkun iċċelebrata f’ dan ix-xahar huwa l-Milied. Mal-milied hemm marbut
żmien ta’ vaganzi, żmien ta’ festeġġjamenti itwal minn oħrajn għaliex jiġi lejn
tmiem is-sena u għalhekk jingħaqad ma’ festi oħrajn bħal l-Ewwel tas-Sena u
t-Tre Re.
Bħala festa mhux marbuta
ma’ twemmin ma nistgħux ma nsemmux li pajjiżna jiċċelebra jum ir-Repubblika
fit-13 ta Diċembru. Din hija waħda
mill-ħames festi nazzjonali ta’ Malta.
Safar
Illum ħafna saru
jistennew dan ix-xahar biex imorru xi safra. Huma bosta Maltin li jsiefru bejn
il-Milied u l-ewwel tas-sena. Hija esperjenza tassew sabiħa li ssiefer f’ dawn il-jiem
għaliex tara kif ikunu ċċelebrati l-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena f’ pajjiżi
barranin.
Aktar ma jgħaddi żmien
aktar qed ikun hawn interess li l-Maltin imorru sa Napli fil-bidu tal-Avvent
biex iżuru t-triq tal-presepji, Via Gregorio Armeno u Via San Biagio dei
librai. Dawn iż-żewġ toroq huma l-mekka għal min hu dilettant tal-presepji.
Hemmhekk issib minn kollox biex tarma l-presepju tiegħek, minn sufra biex tibni
l-blat tal-għar, għal attrezzaturi li jsebbħu l-presepju sa pasturi li jiswew
mijiet ta’ euro kull wieħed. Hawn in-nies tmur bl-eluf biex tara x’ hemm jgħodd
għall-presepju tagħha. Ngħid għalija meta kont ngħix Napli kont nevita li nżur
dawn it-toroq hekk kif joqrob Diċembru. Imma jien kelli l-ħin immur meta rrid
matul is-sena, min jiġi jumejn ma jistax jagħmel bħali. Mela taqtax qalbek,
mur!
Is-Suq tal-Milied ġewwa Frankfurt il-Ġermanja |
Vaganza popolari wkoll
saret iż-żjara lis-swieq tal-Milied. Dawn huma esperjenza li ma tinsa qatt u
ladarba żżur xi wieħed żgur li jekk tiġik l-okkażjoni żżur xi ieħor ma
titlifhiex. Jien żort xi swieq tal-Milied bħal dak ta’ Praga fir-Repubblika
Ċeka, ta’ Bolzano u ta’ Ruma fl-Italja imma jgħidu li hawn bosta swieq
tal-Milied kbar u interessanti bħal dawk ta’ Zagreb fil-Kroazja, Strasbourg u Colmar
fi Franza, Aachen, Munich, Dresden, Leipzig u Nuremberg fil-Ġermanja, Brussell
fil-Belġju, Vjenna fl-Awstrija u Londra fl-Ingilterra. Nittama li jkolli
okkażjoni nżur xi wieħed minn dawn.
F’ dawn is-swieq issib
bosta tiżjin tal-Milied maħdum b’ sengħa mill-aqwa u l-fatt sabiħ hu li kull
suq għandu il-partikolarità tiegħu. Ħaġa komuni f’ dawn is-swieq huwa l-inbid
sħun, dak li l-Ingliżi jsejħu mulled wine,
it-Taljani vin brulé u l-Ġermaniżi Glühwein.
Din hija xarba sħuna magħmula minn inbid aħmar imsaħħan mal-imsiemer
tal-qronfol u l-kannella. Imbagħad kull pajjiż u kull suq, anzi kull bejjiegħ
għandu dak l-ingredjent partikolari li jżid max-xarba tiegħu. Mhux ta’ min
jitlef tazza minn dan l-inbid jekk tinzerta f’ xi suq tal-Milied.
Mhux ferħ biss
Iżda Diċembru ma jġibx
ferħ biss, iġib ukoll dwejjaq għal min jinsab waħdu, min iħossu minsi, imwarrab
u mitluq. Is-solitudni tista’ tbiddel il-ferħ tal-festi ta’ dan ix-xahar f’
niket. Min isib ruħu f’ sitwazzjoni bħal din bilfors li jgħid li aħjar ma jasal
qatt Diċembru għaliex il-festi jiġu biex ingawduhom, imma waħdena ma nistgħux
ingawduhom, festa ssir biex tigawda mill-folla, jekk ma jkunx hemm folla ma
jkunx hemm festa. Persuna waħdeha ma tagħmilx folla. Iva diċembru jista’ jkun
xahar li jġib id-dwejjaq ukoll.
Dawn huma ż-żewġ uċuħ ta’
l-aħħar xahar tas-sena.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 3 ta' Diċembru 2016
Nessun commento:
Posta un commento