Hemm tliet ħwejjeġ li kull Naplitan jgħożż: Il-logħob tal-futbol, il-pizza
u l-kult lejn San Ġennaru, il-qaddis patrun ta’ din il-belt. L-ewwel tnejn ma
humiex sinonimi biss ma’ Napli iżda San Ġennaru huwa marbut sewwa ma’ din
il-Belt Taljana u kull fejn imorru n-Naplitani jġorru dan il-kult magħhom.
Xhieda ta’ dan huma l-knejjes f’ġieħu li nsibu kemm f’ Manhatten kif ukoll fi
New York.
San Ġennaru kien isqof minn Benevento, Belt mhux wisq bogħod minn Napli. Jingħad
li huwa sofra l-martirju fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Dioklezjanu, ġewwa Pozzuoli,
fil-provinċja ta’ Napli, nhar id-19 ta’ Settembru tas-sena 305. Mara twajba li
kienet tassisti lill-isqof, ġabret id-demm ta’ dan il-martri, liema demm dejjem
inżamm b’ għożża kbira. Aktar minn mitt sena wara l-fdalijiet tal-qaddis kif
ukoll żewġ bozoz tal-ħġieġ bid-demm tal-qaddis ġew meħudin fid-duomo ta’ Napli, fejn għadhom miżmumin
sal-lum. Ħaġa minn awl id-dinja li d-demm jagħqad u hekk ġara mid-demm ta’ San
Ġennaru. San Ġennaru sar il-qaddis patrun tal-Belt u n-Naplitani dejjem
għożżewh u tawh qima, u mhux qima biss! It-teżor ta’ dan il-qaddis huwa akbar
mill-Crown Jewels tal-Londra!
Immaġina kemm rikkezzi fih! Dwar il-bozza bid-demm tajjeb ngħidu li matul is-snin kien hemm ukoll xettiċiżmu u għalhekk saru bosta studji fuq il-materjal li jissejjaħ demm ta' San Ġennaru. Fl-2010 studju li sar mid-dipartiment tal-Bioloġija fl-Università Federico II ta' Napli, jikkonferma li dan il-materjal fih demm uman.
Kien fl-15 ta’ Awwissu 1389 li d-demm ta’ dan il-qaddis dab għall-ewwel
darba. Minn dak iż-żmien ’l hawn id-demm beda jdub tliet darbiet fis-sena:
is-Sibt qabel l-ewwel Ħadd ta’ Mejju, nhar id-19 ta’ Settembru u fis-16 ta’
Diċembru. F’ dawn it-tlett ijiem folla kbira ta’ Naplitani jinġabru ġewwa
d-duomo biex jaraw dan il-fenomenu jseħħ quddiem għajnejhom. Minħabba
l-importanza ta’ dan l-avveniment imexxi r-rit liturġiku l-Kardinal ta’ Napli.
Għan-Naplitani dawn il-jiem huma ta’ importanza kbira għaliex jemmnu li
jekk id-demm idub ikun ifisser li mhux ġej xi nkwiet kbir, iżda meta dan ma jdubx
ikun ifisser li ġej il-gwaj. Matul is-seklu li għadda kien hemm xi
okkażjonijiet fejn dan il-fenominu ma seħħx: fl-1939, fl-1940, fl-1943, fl-1973
u fl-1980. F’ Settembru ta’ dawn il-ħames snin id-demm ta’ San Ġennaru ma dabx.
In-Naplitani jorbtu diżastri kbar mal-fatt li d-demm tal-qaddis patrun tagħhom
ma jdubx. Fl-1939 bdiet it-tieni gwerra dinjija li bejn militari u nies ċivili
ħalliet aktar minn tnax-il miljun ruħ mejta. L-1940 hija s-sena li l-Italja
daħlet fil-gwerra. Fl-1943 parti kbira minn l-Italja kienet okkupata
min-Nażisiti, okkupazzjoni li baqgħet sejra sa tmien il-gwerra fl-1945. Fl-1973
Napli ġarrbet l-epidemija tal-kolera. Il-marda ħalliet madwar 24 ruħ mejta iżda
aktar minn elf ruħ kienu kkurati għaliha fl-isptarijiet tal-belt. Kienu jiem ta’
twerwir għall-poplu Naplitan kollu. Fl-1980, sewwasew fit-23 ta’ Novembru, seħħ
terremot mhux bogħod wisq minn Napli, seħħ fiż-żona msejħa Irpinia, li għandha
parti fir-reġjun ta’ Campania u parti fir-reġjun ta’ Basilicata. Dan
it-terremot, li kellu l-qawwa ta’ 6.9 fuq l-iskala Richter, ħasad il-ħajja ta’
2,914 persuna filwaqt li 8,848 ruħ kienu feruti u 280,000 ruħ spiċċaw bla dar.
Min ilumhom lin-Naplitani li jibżgħu meta d-demm ta’ San Ġennaru ma jdubx?
Nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Diċembru 2016, dan il-fenomenu reġa’ ma seħħx.
Dan ma huwiex l-unika fenomenu li relikwija ta’ demm idub. Jien
personalment rajt id-demm ta’ San Ġennaru mdewweb u rajt ukoll id-demm ta’
Santa Patrizja jdub quddiem għajnejja. Ir-relikwa bid-demm ta’ Santa Patrizja
tinsab ġewwa monasteru fi Triq San Gregorio Armeno, dik it-triq famuża
mad-dinja kollha għall-presepji u għall-pasturi Naplitani. Jikkuntrasta
l-istorbju ta’ din it-triq hemm is-skiet ta’ dan il-monasteru fejn tinsab
miżmuma din ir-relikwija. Meta mort naraha kont ma’ xi persuni oħrajn, konna
madwar ħamsa u l-badessa qaltilna nitilgħu fil-monasteru fil-kamra fejn hemm
ir-relikwi u hemm waqt it-talb, x ħin il-badessa qabdet ir-relikwarju f’ idejha,
rajna d-demm idub.
Billi għal xi snin jien kont ngħix ġewwa l-belt ta’ Napli, għandi bosta
ħbieb minn hemmhekk. Wara li nhar il-Ġimgħa d-demm tal-qaddis ma dabx, staqsejt
lil xi wħud minnhom x’ jasbu. Ilkoll kemm huma jinsabu mbeżżgħin li xi diżastru
kbir sejjer jolqot lil belthom. Xi wħud qegħdin jibżgħu minn xi eruzzjoni
tal-Vessuvju, oħrajn qed jibżgħu li l-2017 se tkun is-sena tat-tielet gwerra
dinjija. Kulħadd jinsab imbeżża’.
Jiena bħala saċerdot ma nistax nemmen superstizzjoni, biss bħala uman, u
bħala bniedem li għex ġewwa Napli, xi ftit tas-superstizzjoni u biża’ għandi
wkoll.
Iżda tajjeb niftakru li kien hemm każi fejn id-demm dab u seħħew diżgrazzji
kbar, saru gwerer, seħħew terremoti! Forsi d-diżgrazzji ta’ meta ma jdubx
id-demm huma marbutin direttament ma’ Napli? Tajjeb li naraw x’ qal Monsinjur
Vincenzo de Gregorio, l-abbati tal-kappella fejn huwa miżmum id-demm ta’ San
Ġennaru, waqt quddiesa nhar il-Ġimgħa, wara li ma seħħx il-fenomenu: “Ejjew ma
naħsbux fi traġedji u diżgrazzji, aħna bnedmin li nemmnu, ejjew inkomplu nitolbu!”
Fr Reno Muscat
18 ta’ Diċembru 2016
Nessun commento:
Posta un commento