venerdì 23 dicembre 2016

Lejlet il-Milied

L-24 ta’ Diċembru huwa osservat bħala jum pre-festiv nistgħu ngħidu madwar id-dinja kollha. Fl-Ewropa u fil-pajjiżi Kristjani jitfakkar il-jum li fil-lelj ta’ bejnu u bejn dak tal-għada, it-tradizzjoni tgħidlina li twieled Ġesù ġewwa l-għar ta’ Betlem.

Id-drawwa li din il-festa tibda’ mill-jum ta’ qabel ġewwa minn drawwa tal-Lhud, li dawn joħduha mill-ktieb tal-Ġenesi li fil-ġrajja tal-ħolqien insibu miktub: U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ - L-ewwel jum [Ġen:1:5]. Minn din is-silta l-Lhud jgħoddu l-jum minn x’ ħin tinżel ix-xemx. Għalhekk anke lejlet il-Milied filgħaxija huwa meqjus bħala festa.

Nofsillejl
Il-quddiesa tal-Lejl tal-Milied
Nistgħu ngħidu li fil-knejjes kollha tad-dinja ssir il-quddiesa ta’ billejl. Din id-drawwa ma nsibuhiex biss fil-Knisja Kattolika iżda anke fi Knejjes Kristjani oħra bħal dawk Anglikani u Luterani. Il-ħsieb li Ġesù twieled matul il-lejl huwa meħud minn dak li San Luqa kiteb fl-Evanġelju tiegħu. Dan l-evanġelista kiteb hekk: F'dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba', għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej [Lq:2:8-9a].

Illum mhux il-knejjes kollha jibdew il-quddiesa tal-lejl tal-Milied f’ nofsillejl kif kien isir qabelIil-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan  minn żmien il-Papa Benedittu XVI bdiet tiċċelebra din il-quddiesa aktar kmieni u sa nofsillejl tkun spiċċat. L-importanti mhux il-ħin imma s-sinifikat ta’ din il-liturġija. Wara kollox din il-quddiesa ssir madwar id-dinja kollha u billi fid-dinja hemm varjazzjoni fil-ħin, anke fil-ħin ta’ din il-quddiesa hemm il-varjazzjoni. X’ ħin tibda l-quddiesa ta’ nofsillejl f’ Malta, l-Awstralja jkunu qamu u x’ ħin tintemm il-quddiesa f’ Malta aktarx li l-Awstraljani jkunu qed ipoġġu mal-mejda tal-ikel, sakemm ma jkunux f’ xatt il-baħar jgħaddu l-Milied hemmhekk.

F’ Malta biss
Billi pajjiżna huwa pajjiż żgħir ma jfisirx li ma għandux tradizzjonijiet tiegħu. Fost oħrajn insibu li aħna l-Maltin niżirgħu l-qamħ, il-ġurbiena u l-iskalora biex nagħmluhom ħdejn il-Bambin. Għandna wkoll id-drawwa tal-purċissjoni bil-Bambin u l-prietka tat-tifel, li llum saret issir anke mill-bniet.

Il-purċissjoni bil-Bambin
Drawwa kollha kemm hi Maltija hija l-purċissjoni bil-Bambin. Kien San Ġorġ Preca li ta bidu għal din id-drawwa sabiħa. Fl-1920 ried li l-oqsma tal-Museum jorganizzaw purċissjoni bl-istatwa tal-Bambin madwar it-toroq tal-parroċċi fejn kien hemm il-Museum. Illum din id-drawwa hija mifruxa sewwa u ssir nistgħu ngħidu f’ kull parroċċa. F’ xi parroċċi ssir bis-sehem tal-banda li ddoqq innijiet tal-Milied.

Il-prietka tat-tifel ukoll taf il-bidu tagħha f’ Malta fl-1883. Kien Ġorġ ieħor din id-darba, iċ-ċkejken Ġorġ Sapiano, li għamel l-ewwel prietka tal-Milied fil-knisja parrokkjali ta’ Sant’ Andrija ġewwa Ħal Luqa.  It-tifel jew illum anke  tifla jitgħallem prietka bl-amment u jgħidha quddiem in-nies waqt il-quddiesa ta’ nofsillejl. Mhux l-ewwel darba li sforz l-eċitament it-tifel jew tifla jibqgħu b’ fommhom magħluq. Niftakar xi snin ilu hekk ġara waqt quddiesa li kont qed niċċelebra jien. It-tifla li kienet ser tgħid il-prietka bdiet tibki bil-biża’ u ma ħarġet l-ebda kelma minn fommha. Meta kkalmat  bdiet ftit ftit tgħid il-prietka. Fl-aħħar spiċċat biex għamlet prietka mill-aqwa u n-nies ċapċpulha minn qlabhom.

Dawn iż-żewġ drawwiet huma Malti, tweiledu f’ Malta u għadhom f’ Malta, iżda bit-tixrid tas-Soċjetà tal-Museum, hemm fejn il-membri ta’ din l-għaqda qed jagħmluhom ukoll barra minn xtutna.
F’ Malta qabel kienu jgħidu li matul dan il-lejl joħroġ il-Gawgaw. Jekk ixxarrab mustaċċih ifisser li x-xitwa tkun għada ġejja, jekk le allura jfisser li x-xitwa ma tantx se ttina ilma. Illum jispiċċaw ukoll l-irwieġel li jħabbru t-temp tas-sena d-dieħla.

Ikel
Dan il-jum huwa wkoll marbut ma’ drawwiet fl-ikel. Fl-Italja f’ din il-lejla ma jieklux laħam imma l-ikel ikun kollu fuq bażi ta’ ħut. Hemm min jorganizza ikla bejn il-familja u jservi seba’ tipi ta’ ħut differenti fiha. Miskin dak li ma jħobbx il-ħut għax jibqa’ b’ xejn. Id-drawwa Franċiża hija li matul dan il-lejl jagħmlu l-ikla msejħa Réveillon. Din tkun tikkonsisti f’ laħam, tajr, bebbux u anke frott tal-baħar. Jiġu servuti sa tlettax-il deżerta f’ ikla bħal din. Tajjeb ngħidu li din ma ssirx fi Franza biss imma fil-pajjiżi fejn jitkellmu l-Franċiż. Fil-Polonja hemm drawwa li lejlet il-Milied jieklu ikla speċjali b’ numru ta’ platti. In-numru ta’ platti offruti għandu jkun dejjem bil-fart, 5, 7, 9 jew 11 skont il-familja li tkun, iżda n-numru ta’ persuni fuq il-mejda dejjem għandu jkun biż-żewġ. Hawn jisservew għadd ta’ sopop li tant huma popolari f’ dan il-pajjiż. Fl-Amerika nsibu taħlita ta’ drawwiet minħabba l-fatt li bosta Ewropej emigraw lejn dan il-pajjiż u ħadu d-drawwiet tal-Milied magħhom. F’ pajjiżna għandna ikel marbut ma’ dawn iż-żminijiet fosthom il-qagħaq tal-għasel, li llum issibhom is-sena kollha. L-imbuljuta hija xarba sħuna li bħal-lejla tinżel għasel u hawn ħafna li jfittxuha.

Kemm hemm aktar xi tgħid dwar dan il-jum, kemm drawwiet differenti, kemm attivitajiet iseħħu bla ma forsi nindunaw bihom.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 24 ta' Diċembru 2016



L'immagine può contenere: 1 persona

Nessun commento:

Posta un commento