sabato 13 luglio 2024

KAVALLIERI

Spiss nitkellem ma’ xi persuni barranin u meta ngħidilhom li jien mill-gżira ta’ Malta, ħafna drabi dlonk isemmu lill-Kavallieri ta’ Malta. Nemmen li dan l-ordni kavalleresk huwa l-aktar ħaġa marbuta ma’ pajjiżna. Dan l-aħħar kont qed nitkellem ma’ persuna u qaltli li kienet qed taħseb biex tissieħeb ma’ wieħed minn dawn l-ordnijiet tal-kavallieri u għalhekk tħajjart infittex xi ħaġa dwar dan is-suġġett, l-ewwel nett biex  naqta’ l-kurżità u t-tieni biex naqsam dak li nsir naf magħkom.

Naqra storja

Il-kavallieri huma ordnijiet jew aħjar għaqdiet reliġjużi u militari li bdew jitwaqqfu fil-Medju Evu, li l-membri tagħhom jieħdu l-voti. Il-ħsieb oriġinali tagħhom kien id-difiża tal-postijiet qaddisa u l-kura tal-morda, pellegrini u midruba minn spedizzjonijiet lejn l-Art Imqaddsa. Fuq l-eżempju tal-Ordni ta’ San Lazzru, imwaqqaf qabel is-seklu 10 biex itfejjaq il-lebbrużi, twaqqaf l-ordni tal-Ospitalieri ta’ San Ġwanni ta’ Ġerusalemm, iktar tard imsejjaħ l-Ordni ta’ Malta,  madwar is-sena 1020. Ordnijiet kavallereski oħra twaqqfu wara, bħal ngħidu aħna madwar l-1024 l-Ordni ta’ San Kosma u San Damjan; fl-1118 dak tat-Templari; bejn l-1174 u l-1179, dak tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm; fl-1191 l-Ordni  Tewtoniku, riservat għan-nobbli Ġermaniżi. Sadanittant xi ordnijiet oħra twieldu fil-Portugall u Spanja, biex jipprovdu difiża kontra l-invażjonijiet tal-Mori: l-ordnijiet ta’ San Benedittu ta’ Aviz maħluq minn Alfonso I tal-Portugall fl-1162; ta’ Calatrava mwaqqaf fl-1158 minn Dun Sancho III, Sultan ta’ Kastilja; Oedine della Mercede stabbilit fl-1218 bil-għan li jifdi l-Insara li kienu waqgħu fil-jasar tal-Mori u l-Ordni ta’ Kristu, stabbilit fl-1318 minn Dijonisju, sultan tal-Portugall. Dawn l-ordnijiet kollha adottaw ir-regoli tal-ordnijiet monastiċi, ġew rikonoxxuti u kkonfermati mill-Papa u kisbu donazzjonijiet u konċessjonijiet mingħand sovrani u sinjuri Kattoliċi. Fis-seklu 16, biex jiġġieldu t-Torok u l-kursari twaqqfu xi ordnijeit oħrajn, bħall-Ordni ta’ San Stiefnu stabbilit fl-1562 minn Cosimo I de’ Medici u dak ta’ San Mawrizju u San Lazzru mwaqqaf fl-1572 minn Emanuele Filiberto ta' Savoia. Maż-żmien ħafna ordnijiet spiċċaw għal kollox filwaqt li xi oħrajn spiċċaw fil-poter tal-familji ħakkiema, u għalhekk is-sovran kien jippremja lil dawk li kellhom xi merti partikolari billi jdaħħalhom fl-ordni. Xi wħud minn dawn l-ordnijiet anzi ġew stabbiliti preċiżament għal dan il-għan: dan huwa l-każ tal-ordni tal-Garter imwaqqaf  fl-Ingilterra fis-sena 1350, dak tal-Golden Fleece li fl-1429 kien imwaqqfa minn Filippu ta’ Burgundy, l-Ordni ta’ San Mikiel maħluq fl-1429 minn Luwiġi XI ta’ Franza. Ir-Rivoluzzjoni Franċiża kienet tara l-ordnijiet kavallereski u l-membri tagħhom bħala kuntrarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza. Madanakollu Napuljun  ħoloq l-Ordni tal-Leġjun tal-Unur fl-1802 u l-kostituzzjonijiet Franċiżi tal-1814 u l-1830 ikkonfermaw l-eżistenza tagħhom.

Ordnijiet moderni

Ħafna mill-ordnijiet maħluqa wara l-aħħar tas-seklu 17 ma kinux għadhom soċjetajiet ta’ kavallieri li segwew missjoni komuni iżda ġew stabbiliti minn monarki jew gvernijiet bl-iskop speċifiku li jagħtu unuri lil xi individwi li jkun ħaqqhom. Fil-biċċa l-kbira tal-monarkiji Ewropej, dawn l-ordnijiet il-ġodda żammew xi forom esterni mill-ordnijiet medjevali tal-kavallerija, bħal ngħidu aħna ritwali u struttura, iżda essenzjalment kienu ordnijiet ta’ mertu, prinċipalment distinti mill-kontropartijiet repubblikani tagħhom għall-fatt li l-membri kienu intitolati għal titlu ta’ nobbli . Filwaqt li xi ordnijiet kienu jeħtieġu twelid nobbli, bħall-Ordni ta’ San Stiefnu tal-Ungerija, stabbilit fl-1764, oħrajn kienu jagħtu titolu mal-ħatra, bħall- Ordni Militari ta’ Max Joseph, stabbilit  fl-1806. Dawn waqt li jkunu għadhom ordnijiet, l-ogħla uffiċċjali biss ikunu meqjusa bħala kavallieri, bħal fl- Ordni ta’ San Mikiel u San Ġorġ li kien stabbilit fl-1818. Ordnijiet ta' mertu li għadhom jagħtu privileġġi ta' kavallieri kultant jissejħu ordnijiet kavallereski jew ta’ kavallieri. Bħala konsegwenza li mhumiex ordni ta' kavalleria iżda ordnijiet ta' mertu jew dekorazzjonijiet, xi unuri repubblikani għalhekk evitaw l-istruttura tradizzjonali li tinsab fl-ordnijiet ta' kavallerija medjevali u ħolqu oħrajn ġodda minflok, bħal ngħidu aħna l-Ordni tal-Mertu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja , id- Dekorazzjoni għas-Servizzi lir-Repubblika tal-Awstrija, il- Leġjun tal-Mertu tal- Istati Uniti u f’pajjiżna L-Ordni Nazzjonali tal-Mertu. Fil-każ ta’ pajjiżna, il-membri ta’ dan l-Ordni ma jissejħux kavallieri imma Kumpanni.

L-aħħar kelma

Hemm ħafna u ħafna aktar x’wieħed jgħid dwar dan is-suġġett u hemm ħafna aktar Ordnijiet Kavallereski x’wieħed isemmi. Illum bosta minn dawn l-ordnijeit jagħmlu ħafna xogħol filantropiku li forsi ftit jidher. Il-kavallieri jew il-membri ta’ dawn l-ordnijiet jilbsu l-ilbies uffiċċjali tagħhom x’okkażjonijiet speċjali biss u ma għadhomx jappartejni għall-klassi tan-nobbli.

U bilħaqq, meta nitkellmu dwar Ordni, dejjem nindirizzawh fil-maskil u mhux fil-femminil. Dak l-ordni u mhux dik l-ordni!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Ġunju 2024


Sjuf tfuliti

 

Nemmen li ħafna huma dawk li bħali jibdew jeqirdu bis-sħana sa minn filgħodu malli jiftħu għajnejhom. Nistqarr il-verità li jiena wieħed minn dawk li nippreferi x-xitwa, imma ovvjament ikolli ngħaddi mill-istaġuni kollha, fosthom is-sajf, inħobbu jew ma nħobbux. Għidtilkom li jien nippreferi x-xitwa imma mhux dejjem kont hekk. Ta’ tifel kont inħobbu s-sajf. Min jaf, forsi ma kienux sjuf daqstant qliel is-sjuf ta’ tfuliti? Naħseb fuq is-sjuf ta’ tfuliti u nħoss ċerta nostalġija, imbagħad noqgħod naħseb u nara kemm kienu differenti s-sjuf ta’ dari minn dawk tal-lum.

Tmiem l-iskola

Fi ċkuniti l-iskola ma kinitx tispiċċa fi tmiem Ġunju imma fil-15 ta’ Lulju u tibda f’nofs Settembru, mela aħna kien ikollna madwar madwar tliet ġimgħat inqas vaganzi. Meta bdejt nattendi l-iskola sekondarja niftakar li lejn tmiem Ġunju kienu jibdew l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena. Jiena, bħalma ġieli għidtilom, minn Ħal Qormi u nagħmel mal-paroċċa ta’ San Ġorġ. Il-festa ta’ dan il-qaddis ilha madwar ħamsin sena ssir fl-aħħar Ħadd ta’ Ġunju, għalhekk ta’ kull sena ix-xalata tal-festa tiegħi kienet tkun l-iskola aktarx bl-ewwel eżamijiet. Imbagaħd jispiċċaw l-eżamijiet u sakemm nistennew ir-riżultati, kultant b’qalbna ttaqtaq, konna ngawdu  s-sajf xorta waħda. Il-ħruġ tagħna ħafna drabi kien ikun xi ġurnata fejn il-baħar.

Il-baħar

Il-familja tiegħi kienet familja ta’ furnara li kienu jaħdmu nhar ta’ Ħadd u mbagħad it-Tnejn joħduha festa, allura aktarx li konna mmorru ġurnata baħar nhar ta’ Tnejn. Aħna dejjem fittixna minn San Pawl il-Baħar il fuq biex ngħumu. Nies il-mara ta’ wieħed miz-zijiet kellhom boat house Buġibba u spiss konna mmorru ħdejhom.

Buġibba fis-snin 70
Buġibba ma kinitx bħal-lum. Tasal għaliha minn San Pawl u terġa’ toħroġ mill-istess triq. Il-Qawra kienet kollha raba’ u xejn bini. Kien hemm xi lukandi u ristoranti kif ukoll barijiet għax Buġibba dejjem attirat lit-turisti, imma taħsbux li kienet bħalma hi llum! Min bħali qed joqrob għall-Kartanzjan jaf x’qed ngħid. Il-pjazza ewlenija dejjem niftakarha hemm, minkejja li differenti minn kif narawha llum, biss Triq il-Pijunieri ma kinitx teżisti. Kien għad hemm ftit djar, li dak iż-żmien kienu kollha villeġġjaturi mhux bħal-lum, biss konna nsibu kollox.

Rari konna mmorru l-Għadira. Missieri kien ħadem qafas ta’ kamp bil-kanen u ommi kienet ħietet id-drapp għalih. Meta konna mmorru f’din il-bajja konna nieħdu magħna dan il-kamp u narmawh fuq ir-ramel. Kamp żgħir li mhux żgur kien fih żewġ metri b’żewġ metri imma li kien iservina tajjeb għal ġurnata baħar.

Ġieli konna mmorru lejn l-Armier. Hemm kienu jipparkjaw il-karozzi ta’ missieri u taz-ziju qrib xulxin u jifirxu liżar kbir minn karozza għal oħra u b’hekk kien jinħoloq daqsxejn ta’ kamp bla taħbit ta’ xejn. Wara l-ikel iz-zijiet kienu jinteddu fl-art jistrieħu siegħa, għax filgħaxija kien ikollhom jerġgħu jibdew il-ġimgħa tax-xogħol fil-forn. Ngħid id-dritt hawn kont nippreferi jiena mill-postijiet l-oħra kollha.

X’nostalġija

Semmejt l-Armier u hawn nixtieq naqsam magħkom xi ħaġa minn dak li ktibt fil-ktieb tiegħi “Ritratti ta’ Tfuliti”:

“Iz-ziju Marju għandu juke box taħdem bil-batteriji. Kulurha oranġjo.  Tieħu erba’ batteriji kbar. Meta mmorru l-Armier dejjem iġibha miegħu u jġib ukoll kaxxa tal-injam mimlija diski suwed. Oħti u Mary l-kuġina jintefgħu jdoqqu d-diski. Knock three times, Tie a yellow ribbon round the old oak tree, Sugar sugar, I heard it through the grapevine, A whiter shade of pale, Proud Mary u ħafna oħrajn. Għandu wkoll ħafna diski Maltin, It-Tliet Għażżenin, Taxi Mary, Fejn Tarawni Tkellmunix, Is-Sakranazzi u oħrajn. […] Popolari ħafna huma d-diski ta’ Elvis u tal-Beatles, imma ftit li xejn għandu minnhom iz-ziju Marju.”

Fir-ramel tax-xatt konna nibnu kastelli u mitt ħaġa oħra. Naħseb li ħafna qed jiftakru fi tfulithom huma u jaqraw!

Kisra ħobż biż-żejt

L-ikla tagħna għal ħdejn il-baħar kienet tkun xi kisra ħobż tal-Malti biż-żejt u t-tadam, imħawra bil-kappar, żebbuġ, werqa tan-nagħniegħ u xi ġbejna tal-bżar. Il-kbar kienu jiftħu xi landa bulibif. Ngħid għalija għadni sal-lum nippreferi din l-ikla minn kwalunkwe platt ieħor! Kien ikollna l-picnic coolers bix-xorb u għad-deżerta xi bettiegħa jew dulliegħa friska. Għal xi s-sagħtejn ta’ waranofsinhar kien jasal van li jbiegħ il-ġelat u dritt konna mmorru nixtru wieħed.

Kif isir il-ħin konna ngħabbu kollox fil-karozzi u nitilqu lejn darna. It-triq twila u wara ġurnata qbiż kienet tmur għajni bija sakemm naslu d-dar u jqajmuni biex ninħasel u nneħħi l-melħ tal-ilma baħar minn fuqi.

Kienu sempliċi imma sbieħ is-sjuf ta’ tfuliti.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -13 ta' Lulju 2024