sabato 7 febbraio 2026

L-akbar gżira

Dawn l-aħħar ġimgħat fuq l-aħbarijiet bdejna nisimgħu bil-gżira bl-isem ta’ Greenland. Nemmen li ħafna minna semgħu b’din l-art imma minħabba d-distanza li teżisti bejn il-gżira u artna, ftit li xejn ikollna tagħrif dwarha. Mhux l-għan tiegħi li nidħol fil-merti tal-ġrajjiet u l-aħbarijiet li qed nisimgħu imma biss xi tagħrif dwar dan il-pajjiż.

Wara li Greenland saret kolonja Daniża fl-1721, ġiet kostituzzjonalizzata bħala art Daniża fl-1953. Kisbet id-dritt ta’ gvern lokali fl-1979  u sar gvern awtonomu fl-2009, li ppermettielha timmaniġġja r-riżorsi tagħha stess u tieħu passi lejn l-indipendenza. Sal-lum dan il-pajjiż għadu mhux indipendenti.

Xi tagħrif

Greenland hija l-akbar gżira fid-dinja, li ma hijiex kontinent, b’kobor ta’ aktar minn żewġ miljun kilometru kwadru. Hija territorju awtonomu ġewwa r-Renju tad-Danimarka, gżira li tinsab bejn l-oċeani Artiku u Atlantiku. Madwar 80% tal-art tagħha hija mgħottija b'ammonti kbar ta' silġ. Hija aktar minn darbtejn id-daqs tat-tieni l-akbar gżira fid-dinja li hja New Guinea. Minkejja dan il-kobor ta’ pajjiż, il-popolazzjoni hija waħda żgħira. Fil-fatt dan huwa wieħed postijiet bl-inqas b'popolazzjoni densa fid-dinja, b'madwar 57,000 resident. Biex nifhmu ftit kemm huma ftit ir-residenti ta’ Greenland, ngħid li matul is-sajf, f’San Pawl il-Baħar ikun hemm nies aktar milli hemm residenti f’din l-akbar gżira tad-dinja.

Qiegħed nirreferi għal Greenland bħala l-akbar gżira fid-dinja. Sewwasew l-Awstralja fiha kważi erba’ darbiet daqs Greenland, u hija gżira wkoll, iżda billi din hija kontinent, Greenland hija meqjusa bħala l-akbar gżira tad-dinja.

Bandiera

Il-bandiera ta’ din l-art kienet iddisinjata mill-politiku Greenlandiż Thue Christiansen. Din fiha żewġ strixxi orizzontali ta’ daqs ugwali b’dik ta' fuq ta’ lewn abjad u l-istrixxa ta’ isfel kulur aħmar. Fuq din il-bandiera hemm ċirku bl-ilwien abjad u aħmar imma l-ilwien jalternaw mal-ilwien tal-isfond tal-bandiera. Dan iċ-ċirku ma nsibuhx fin-nofs tal-bandiera imma kemmxejn lejn in-naħa tal-arblu. L-isem lokali għal din il-bandiera bil-lingwa Greenlandiża huwa Erfalasorput, li sewwasew tfisser “il-bandiera tagħna".

L-ewwel darba li n-nies ta’ Greenland bdew jaħsbu dwar bandiera tagħha stess kien fl-1973 meta ħames residenti pproponew bandiera ħadra, bajda u blu. Is-sena ta' wara, ġurnal lokali kien ħabbar ħdax-il proposta ta' disinn għal bandiera nazzjonali u għamel stħarriġ fost il-qarrejja biex jiddeterminaw l-iktar waħda popolari. Ta’ min jgħid li għaxra minn dawn il-ħdax-il disinn kellhom fuqhom is-Salib Nordiku (jew is-salib Skandinav), jiġifieri bħalma nsibu fuq il-bnadar tad-Danimarka, l-Iżvezja, il-Fillandja, Iceland, Faroe Island u xi oħrajn. Dan is-salib jgħaqqad lil dawn il-popli storikament u kulturalment u jagħtihom ukoll identità. Il-kumitat deċiżiv ma setax jasal għal kunsens, għalhekk ġew mitluba aktar proposti. Fl-aħħar, id-disinn attwali aħmar u abjad minn Thue Christiansen rebaħ bi ftit voti fuq is-salib Nordiku aħdar u abjad, Il-bandiera ħamra u bajda ta' Christiansen ġiet adottata uffiċjalment bħala l-bandiera nazzjonai fil-21 ta' Ġunju 1985. Tajjeb ngħidu li dak li ddisinja din il-bandiera kien politiku kif ukoll artist. Fil-fatt bejn l-1979 u l-1983 huwa kien il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Kultura ta’ Greenland.

Belt kapitali

Nuuk hija l-belt kapitali ta’ din il-gżira. Din il-belt hija ċ-ċentru tal-attivitajiet fil-gżira kif ukoll il-post minn fejn il-gvern imexxi. Hawn joqgħodu ftit aktar minn 20,000 ruħ, allura nistgħu ngħidu li joqgħodu aktar minn terz tal-popolazzjoni kollha ta’ Greenland. L-inħawi kienu abitati sa mill-era tal-Vikingi, fis-seklu X, li mbagħad għaddew għand id-Daniżi. Il-belt twaqqfet bl-isem ta’ Godthåb fit-29 ta' Awwissu 1728 mill-Missjunarju u esploratur Daniż-Norveġiż Claus Paars. Il-Campus tal-Università ta' Greenland, li fih ukoll l-Istitut tal-Istatistika, u l-binjiet prinċipali tal-Librerija Pubblika Nazzjonali ta' Greenland jinsabu fit-tramuntana ta' Nuuk. Il-Mużew li fih ukoll l-Arkivji Nazzjonali ta' Greenland, huwa wieħed mill-aqwa mużewijiet fi Greenland kollha u jinsab eżatt fil-port storiku ta’ Nuuk. Fil-belt ukoll hemm il-mużew tal-arti li fih numru ta’ opri artistiċi lokali. Nuuk ukoll hemm ajruport.

It-temp

Ma nistgħux nitkellmu fuq dan il-pajjiż bla ma nsemmu t-temp. It-temp fi Greenland ivarja b'mod drastiku skont ir-reġjun, mill-kosta tan-nofsinhar li joffru temp aktar ħanin sal-parti interna li hija estremament iffriżata. Greenland għandha żewġ staġuni prinċipali: xitwa twila u kiesħa, bejn Ottubru u April u sajf qasir u kiesaħ bejn Ġunju u Awwissu. It-temperatura tista’ tinżel sa 60 grad taħt iz-zero fl-eqqel tax-xitwa filwaqt li f’jiem sajfin it-temperatura rari titla’ aktar minn 20 grad. Dan huwa t-temp fuq din il-gżira enormi. Minħabba l-kobor ta’ din il-gżira, it-temperatura tvarja minn parti għal oħra tal-pajjiż, biss hu x’inhu, dan huwa pajjiż b’temp kiesaħ ħafna.

Hemm ħafna aktar xi tgħid dwar dan il-pajjiż, l-aktar dwar il-pożizzjoni geo-politika tiegħu, imma jien illimitajt ruħi għal xi tagħrif ġenerali biss.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Frar 2026



sabato 31 gennaio 2026

Il-grupp leġġendarju ABBA

Jgħidu li kollox bil-moda, kollox għandu ż-żmien tiegħu, kollox iħalli postu biex jagħti wisa’ lil ħaġa oħra. Imma kultant tiltaqa’ ma’ xi ħaġa li minkejja li jkunu għaddew bosta snin minn fuqha, donnha tkun għadha friska u żagħżugħa. Ftit xhur ilu kont Stokkolma, il-belt kapitali tal-Iżvezja u fost numru kbir ta’ mużewijiet, hemm wieħed iddedikat lill-grupp mużikali minn dan il-pajjiż li kien iġib l-isem ta’ Abba. Min ma jafx b’dan il-grupp? Ħaġa li mmeraviljatni meta żort dan il-mużew kienet l-għadd ta’ żgħażagħ li kien qed iżuruh. Kont qed nimmaġina li ġewwa nsib biss nies ta’ mpari, imma kont żbaljat. Indunajt kemm il-grupp Abba għadu popolari u minkejja li għaddew ħafna snin minn meta kien għadu magħqud, il-mużika tiegħu għadha maħbuba u għadha tinżel tajjeb mal-ġenerazzjonijiet tal-lum.

Min kienu

ABBA huwa grupp leġġendarju pop Żvediż li kien iffurmat f'Stokkolma fl-1972. Il-grupp jikkonsisti f'erba' membri li l-inizjali tagħhom jiffurmaw l-akronimu ABBA: Agnetha Fältskog, Björn Ulvaeus, Benny Andersson u Anni-Frid "Frida" Lyngstad.

Il-pedament li ta bidu għat- twaqqaf ta’ dan il-grupp nistgħu ngħidu li kien f'Ġunju 1966 meta Björn, li kien jagħmel parti milll-grupp folk Hootenanny Singers, iltaqa' ma' Benny li kien membru fil-grupp pop Hep Stars. Huma fehmu li kellhom xebh kbir fil-kitba tal-kanzunetti u bdew jikkollaboraw, imħeġġa mill- Stig Anderson li sar il-manager tagħhom.

Id-dinamika tal-grupp kollu seħħet meta l-irġiel iltaqgħu mal-futuri nisa tagħhom u seħbuhom mal-grupp. Björn u Agnetha Fältskog: Iltaqgħu f'Mejju 1969 waqt programm speċjali tat-televiżjoni u żżewġu fl-1971, filwaqt li Benny u Anni-Frid "Frida" Lyngstad iltaqgħu f'Marzu 1969 fil-konkors Melodifestivalen.  Huma kienu jgħixu flimkien imma żżewġu f’Ottubru 1978. Qabel ma saru uffiċjalment ABBA, l-erbgħa ħadmu fuq diversi proġetti kemm bħala solisti kif ukoll bħala backing vocals. F'April 1970, waqt li kienu fuq btala f'Ċipru, il-koppji taw spettaklu lis-suldati tal-Ġnus Magħquda. L-ewwel diska li huma rrekordjaw l-erbgħa li huma kienet fl-1970 bl-isem “Hej, gamle man”, diska bl-Iżvediż li kienet attribwita lill-membri maskili biss tal-grupp. L-ewwel diska li uffiċjalment ħarġet mill-grupp kienet People Need Love fl-1972.

Eurovision 1974

Il-festival Eurovision tas-sena 1974 sar fl-Ingilterra, sewwasew fi Brighton. Dik is-sena kienu qed jieħdu sehem 17-il pajjiż. Malta ma kinitx qed tieħu sehem, wara li sentejn qabel ħadet sehem bid-diska “L-Imħabba” li tkantat minn Helen Micallef u Joe Cutajar wara li s-sena ta’ qabel (1971), Joe Grech kien kanta “Marija l-Maltija” Sena wara, jiġifieri fl-1975 Renato kien ħa sehem f’dan il-festival bid-diska “Singing this Song.” Intant il-festival tal-1974 intrebaħ mill-Iżvezja li kellu lill-grupp Abba jirrapreżentah bid-diska “Waterloo”. Ftit wara dan it-trijonf, 'Waterloo' kienet in-Numru Wieħed fiċ-charts madwar l-Ewropa kollha, u saħansitra laħqet it-Top Ten fl-Istati Uniti, fejn il-Eurovision Song Contest qatt ma kellu l-ebda popolarità. Minn din ir-rebħa ’l quddiem il-grupp Abba sar magħruf mal-erbat irjieħ tad-dinja. Ir-repertorju ta’ dan il-grupp fih aktar minn 170 diska. Huma tellgħu spettakli bid-diski tagħhom madwar bosta pajjiżi fl-Ewropa kif ukoll fl-Awstralja, l-Istati Uniti u l-Ġappun. Jingħad li n-numru ta’ diski li biegħu jaqbes il ħames mitt miljun kopja

Minkejja li l-grupp infired fl-1982, id-diski tiegħu baqgħu xorta waħda popolari ħafna.

Il-Mużew

Semmejt fil-bidu li żort il-mużew li nsibu għal dan il-grupp. Il-Mużew huwa wirja interattiva li tinsab fi Djurgårdsvägen Stokkolma, l-Isvezja. Hemm wieħed ikun jista jara kostumi oriġinali, tifkiriet, u wirjiet interattivi fejn il-viżitaturi jkunu jistgħu jkantaw, jiżfnu, u jħalltu l-mużika flimkien ma' xbihat tal-membri tal-band. Din il-wirja, jew mużew infetħet fl-2013. Sena wara żaru dan il-mużew nofs miljun ruħ. Illum huwa stmat li aktar minn mitt elf persuna jmorru fih kull sena. Normalment dawra f’dan il-mużew tieħu bejn siegħa u tliet sigħat, jiddependi minn kemm dak li jkun jidħol fl-ispirtu u kemm il-memorja tibda tieħdu lura fiż-żmien.

Kurżità

Meta dawn l-erba’ persuni ngħaqdu fi grupp mużikali ħadu l-isem ta’ Festfolk. Meta l-manager tagħhom issuġġerixxa li isem il-kwartett isir l-akkronomu ta’ isimhom sabu ntopp. Abba kien isem ta’ kumpanija li tipproċessa l-ikel, bħal kavjar, aringi u prodotti oħra. Huma talbu permess biex jużaw dan l-isem lid-diriġenti tal-kumpanija u dan il-permess ingħata fl-1974. Ta’ min jgħid li sal-lum wieħed għadu jsib jixtri prodotti tal-ikel tad-ditta Abba.

Agnetha, Björn, Benny u Anni-Frid ma  għadhomx flimkien bħala l-grupp Abba, imma għadhom leġġenda mhux biss għalina li niftakruhom attivi fi tfulitna u żgħożitna, imma anke mal-ġenerazzjonijiet tal-lum. Għax it-tajjeb ma jwarrabx, it-tajjeb ma tmurx il-moda tiegħu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 31 ta' Jannar 2026