Waslitli e-mail
b’ link ta’ sit elettroniku li fih artiklu dwar il-ħruxija u l-atti inuman li
persuni omosesswali fl-Iraq jgħaddu minnhom. Dan ma kienx artiklu favur jew
kontra nies gay imma artiklu biex wieħed ikun infurmat b’dawn l-atroċitajiet[1].
Fl-istess ġimgħa waslet l-aħbar li l-parlament Malti sejjer jibda jiddiskuti
l-Unjoni Ċivili fejn bis-saħħa ta’ din il-liġi l-istat jibda’ jagħraf ukoll bħala
koppja żewġ persuni anke jekk ikunu tal-istess sess. X’differenza mill-Iraq
għal Malta! Kemm għandna għax inroddu ħajr lil Alla li ngħixu f’pajjiż ħieles.
Veru każ ta’ żewġ estremi.
X’ inhu ż-żwieġ u x’ inhi l-unjoni ċivili?
Meta tnejn
min-nies jiżżewġu, jagħmlu dan l-ewwel u qabel kollox għax ikunu jinħabbu.
Iż-żwieġ huwa wkoll kuntratt u huwa wkoll stat ċivili li jġorr miegħu
drittijiet u doveri. Iż-żwieġ huwa relazzjoni rikonoxxuta mill-kulturi kollha
tad-dinja. L-Unjoni Ċivili hija rabta rikonoxxuta minn xi pajjiżi, ta’ tnejn
min-nies biex ikunu ssalvagwardjati l-interessi taż-żewġ partijiet.
Kuntrarjament għaż-żwieġ, mhux il-kulturi kollha jaċċettaw din l-għaqda. Żgur
li pajjiżi bħall-Iraq qatt ma huwa sejjer jaċċetta għaqda bejn żewt irġiel jew
bejn żewġ nisa. L-unjoni ċivili imma ma hijiex biss għaqda bejn żewġ persuni
tal-istess sess. Jista’ jkun hemm koppja eterosesswali li minħabba raġunijiet
varji ma tkunx tista’ tiżżewweġ. L-unjoni ċivili tagħti ċerti drittijiet lil
koppji bħal din ukoll.
Kontra kull diskriminazzjoni
Dwar l-unjoni
ċivili l-Knisja wriet dejjem x’taħseb u dan mhux sejjer noqgħod nirrepetih
jiena, kulħadd jaf il-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika. Imma tajjeb niftakru li
l-Knisja Kattolika ma tikkundanna qatt lill-persuna imma l-att (ara K.K.K.
2357, 2358 u 2359). Il-Knisja tagħmilha ċar li ma għandu jkun hemm ebda
diskriminazzjoni jew inġustizzja kontra nies li ma humiex eterosesswali.
Tabilħaqq tingħafas qalbek meta taqra artiklu ta’ krudeltà li ssir fuq nies omosesswali
f’ċerti pajjiżi. L-artiklu li semmejt fil-bidu huwa wieħed biss. Fuq l-internet
rajna video ta’ persuna tinħaraq ħajja għax inqabdet f’att sesswali ma’
persuna tal-istess sess. Dawn huma wkoll ulied Alla, dawn huma wkoll xbieha ta’
Alla u aħna obbligati noħduha kontra dawn l-atti terribli.
Imma noqgħodu attenti!
Tajjeb imma li
nżommu għajnejna miftuħin u saqqajna mal-art. Tajjeb li meta nagħtu dritt lil
xi ħadd ma nkunux qegħdin innaqsu dritt li xi ħadd ieħor. Fatt kurjuż li smajt
m’ilux ġara fi skola f’Ruma. Qalituli waħda mara li tiġi l-parroċċa fejn
qiegħed jien. Kull sena f’Marzu l-klassi ta’ bintha kienu jpinġu kartolina
għal Jum il-Missier. Fl-Italja Jum il-Missier ikun iċċelebrat fid-19 ta’ Marzu
mhux bħal Malta li niċċelebrawh f’ Ġunju. Din is-sena l-għalliema qalet
lit-tfal li mhux sejrin jagħmlu l-kartolina għal Jum il-Missier. Meta xi
ġenituri marru jistaqsu għalfejn ma saritx il-kartolina, l-għalliema qaltlihom
li hemm tifla fil-klassi li ġejja minn koppja ffurmata minn żewġ nisa. Bl-atteġjament
tal-għalliema id-diskriminazzjoni saret mal-kumplament tal-klassi. Allura
bl-istess argument, jekk tifla oħra jkollha missierha mejjet, it-tfal l-oħra
tal-klassi ma jagħmlux kartolina ta’ Jum il-Missier? Dan huwa każ wieħed, imma
li tajjeb inżommuh quddiem għajnejna biex ma jiġrix li nagħtu dritt lil xi wħud
u nnaqqsu dritt lil xi wħud oħrajn.
Il-mamà u z-zija
Qassis ħabib
tiegħi kellu magħmudija ta’ tarbija. Xejn speċjali, għax dan huwa xogħol
il-qassis wara kollox. L-ispeċjalità f’ din il-magħmudija kienet li din
it-tarbija twieldet f’ koppja ffurmata minn żewġ nisa. Il-magħmudija hija dritt
tat-tarbija u mhux tal-ġenituri u għalhekk dan is-saċerdot ħass li ma kellux
iċaħħad lit-tarbija minn dan id-dritt. Qabel ma l-omm u s-sieħba telqu
mill-knisja dan il-qassis qalilhom biex l-omm li weldet lil dik it-tarbija tibda
tissejjaħ mamà imma s-sieħba ma tissejjaħx mamà wkoll imma zija. B’hekk
it-tifla la tikber ma titħawwadx fir-rwoli. Dan jista’ wkoll isalva lit-tifla
minn sitwazzjonijiet imbarazzanti li ssib ruha fihom il quddiem.
Xejn mhu xejn
Mingħajr ma
noqgħdu nidħlu fil-mertu tal-kwistjoni pendenti, tajjeb inżommu f’ moħħna li
l-izvilupp u l-modernazzjoni ma jfissirx li dak kollu li sar qabel huwa ħażin,
ma jfissirx li llum jista’ jsir kollox għax xejn ma hu xejn. Bdejt billi
semmejt każi ta’ torturi, każi tal-biża’ u spiċċat fl-estrem l-ieħor,
tolleranza. Tolleranza ma jfissirx libertinaġġ. Lanqas libertà ma hija
libertinaġġ. Tajjeb li kull pass naħsbuh mitt darba. Tajjeb li nsibu t-triq
tan-nofs biex hekk ma nweġġgħu lil ħadd.
Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 26 ta' Ottubru 2013
[1] Wieħed jista’ jaqra dan l-artiklu fuq : http://www.barenakedislam.com/2009/10/09/iraqi-gay-mens-rectums-are-glued-shut-and-they-are-force-fed-laxatives-and-water-until-their-insides-explode/