venerdì 27 settembre 2024

L-arloġġ

 

B'aktar minn 6000 sena ta' preżenza f'ħajjitna, l-arloġġi jistgħu jitqiesu bħala wieħed mill-eqdem apparat li nħolqu mill-antenati tagħna sewwasew fil-post fejn twieled iċ-ċiviltà moderna – il-Babilonja. Billi l-arloġġi tawna l-possibilità biex insegwu l-ħin, noħolqu skedi u nikkontrollaw ir-rutina tagħna ta' kuljum, dawn irnexxielhom jibnu d-dehra taċ-ċiviltà moderna li qed ngħixu fiha llum.

Fil-qedem

Tagħrif storiku tal-ewwel arloġġi magħmulin mill-bniedem huma datati għall-3500 QK meta bennejja Eġizzjani tal-Qedem bdew iwaqqfu obeliski twal ħdejn it-tempji u r-residenzi rjali tagħhom. Dawn l-istrutturi twal tal-ġebel servew l-iskop li jitfgħu d-dell tax-xemx fuq l-ispirali dekorati b’mod preċiż li kienu mqiegħda fuq l-art fejn in-nies setgħu faċilment jaraw il-pożizzjoni tad-dell u b’hekk jikkalkolaw il-ħin attwali tal-ġurnata. Anke jekk inħolqu mudelli inizjali ta’ arloġġi tax-xemx f’Babilonja, ix-xjenzati Eġizzjani ħadu dik l-invenzjoni u avvanzaw l-użu u l-preċiżjoni tagħha fuq perjodu ta’ aktar minn 3 elef sena, li matulhom skoprew is-solstizju tax-xitwa u s-solstizju tas-sajf u ħolqu s-separazzjoni ta’ matul il-jum f’“sigħat” u ħafna aktar.

Aktar tard

Anke jekk l-arloġġi tax-xemx irċevew attenzjoni enormi mix-xjenzati Griegi u Rumani, dawn baqgħu użati ftit li xejn fl-Ewropa kontinentali wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman. Iżda tajjeb ngħidu li dawn baqgħu jintużaw l-aktar mill-gvernijiet, minn nies tal-kummerċ u saru popolari fil-knejjes. Din is-sitwazzjoni nbidlet mal-wasla tar-Rinaxximent u l-espansjoni tax-xjenza, il-manifattura u l-kummerċ ma’ artijiet imbiegħda tal-Lvant Nofsani u l-Asja. Wara li għarfien ġdid tal-arloġġi mekkaniċi miċ-Ċina u l-artijiet Iżlamiċi wasal fl-Ewropa, l-arti tal -manifattura tal-arloġġi mekkaniċi bdiet tinfirex bil-mod. Sal-aħħar tas-seklu 14 bdew jidhru diversi disinji ta’ arloġġi madwar l-Ingilterra, Franza, l-Italja u l-Ġermanja, u finalment laħqu l-qofol fil-ħolqien tal-ewwel hekk imsejjaħ “arloġġ tal-but” minn Peter Henlein. L-invenzjoni tiegħu qanqlet l-imħuħ ta’ innovaturi bla għadd, li eventwalment irnexxielhom jaġġornaw l-arloġġ f’apparat li sar jista’ jinġarr fuq il-persuna, sar ukoll  irħis u fuq kollox preċiż. Minbarra skoperti mekkaniċi  ġodda, saret żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni, għalhekk l-użu ta’ arloġġi wkoll inbidel b'mod sinifikanti u daħal ukoll fid-dinja tal-moda. Fl-aħħar tas-snin 1600 l-arloġġi tal-but maskili żdiedu fil-popolarità u baqgħu jintużaw kontinwament għal kważi 250 sena, qabel ma ġew totalment sostitwiti minn arloġġi tal-polz li malajr rebħu d-dinja wara t-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Illum, l-arloġġi moderni huma magħmula kemm f'forma mekkanika analoga kif ukoll f'forma diġitali, u jistgħu jinstabu kważi kull fejn tħares.

F’Malta

Forsi ftit jafu li f’pajjiżna nsibu wieħed mill-eqdem strument biex jikkalkula l-ħin. Fi żminijiet preistoriċi u fi żminijiet aktar tard il-bniedem ta attenzjoni għaż-żmien u l-ħin billi kien intebaħ li s-sema hu dak li jindikalu l-medda ta’ żmien tal-ġurnata u dawk tax-xhur. Dawn in-nies li bnew it-tempji megalitiċi tant kienu konxji ta’ dan li orjentaw il-biċċa l-kbira tat-tempji tagħhom biex iħarsu lejn ix-Xlokk biex jipprovdu mezz ta’ allinjament max-xemx meta tkun tielgħa. It-tempju tal-Imnajdra huwa bini bħal dan fejn l-allinjament tat-tempju kien maħsub apposta biex jilqa’ r-raġġi tax-xemx hekk kif din titla’. B’hekk kien ikun ikkalkulat il-ħin u ż-żmien.

F’Malta u Għawdex wieħed jista’ jsib madwar 50 arloġġ tax-xemx li huma mifruxa f’bosta bliet u rħula. L-arloġġ Malti huwa dak indurat u mpitter u għandu tradizzjoni twila ħafna li tmur lura sas-seklu 17. Dan aktar huwa magħruf bħala l-Arloġġ tal-Lira, dan l-arloġġ uniku tal-ħajt Malti seta’ jinstab f’palazzi, kunventi, djar għonja u Bereġ tal-Kavallieri speċjalment fl-aħħar tas- seklu 18. Apparti li juru l-ħin, dawn l-arloġġi servew ukoll skop dekorattiv.

Malta kellna wkoll nies li saru famużi għall-manifattura tal-arloġġi. Ħafna knejjes Maltin illum jiftaħru li mal-faċċata tagħhom għandhom arloġġ ta’ Sapiano. Michelangelo Sapiano twieled l-Imqabba fl-1826. Meta kellu 14-il sena fetaħ ħanut tat-tiswija tal-arloġġi u ta’ età daqshekk żgħira rnexxielu jsewwi l-arloġġ tal-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba meta arluġġara oħra ma setgħux jagħmlu dan. Sapiano huwa famuż l-aktar għal arloġġi kbar li kienu jsiru għall-knejjes, kunventi u sagristiji f’diversi bliet u rħula f’Malta u Għawdex u wkoll għal arloġġ kbir li għamel għall-Knisja ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra fl-Eġittu. Żewġ Maltin oħra li saru popolari għall-ħila tagħhom fil-bini tal-arloġġi kienu Pietro Tanti u ibnu Giovanni Antonio, li għexu u ħademu fl-ewwel nofs tas-seklu tmintax. Hemm oħrajn ukoll.

Illum tajna ħarsa lejn apparat li lkoll nużaw u ftit naħsbu dwar l-istorja tiegħu – l-arloġġ li tagħmel x’tagħmel ma tista’ twaqqfu qatt.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Settembru 2024



sabato 21 settembre 2024

Bil-pensjoni

 

Dan l-aħħar kont qed ninnota li l-laptop tiegħi kien qiegħed jieħu wisq fit-tul f’xogħlu. Nistqarr li kien ilu għandi aktar minn 10 snin u allura ħsibt li wasal il-waqt li nibdlu. Ma ridtx nissogra li nitlef ix-xogħol kollu li kelli fuqu. Għalhekk tfajt dak kollu li ħsibt li għad niġi bżonnu fuq laptop ieħor. Meta tfejtu u poġġejtu fuq l-ixkaffa ħassejt bħal rimors f’qalbi. Tidħqux bija, imma ħassejt li se nitlef biċċa minni nnifsi. Poġġejtu fuq l-ixkaffa u għidtlu: “Strieħ, grazzi tas-snin li tajtni, issa wasal iż-żmien li toħroġ bil-pensjoni!”

X’sibt



Jiena u nitfa’ d-dokumenti minn fuq il-laptop il-qadim għal fuq il-ġdid bdejt nara mijiet ta’ files li kont insejthom imma meta rajthom ġabuli ħafna nostalġija. Sibt mijiet ta’ artikli li ktibt matul is-snin għal dan il-ġurnal u għal xi pubblikazzjonijiet oħra. Sibt folder bin-notamenti li kont nieħu waqt il-lezzjonijiet tal-università meta kont għadni Ruma qed nispeċjalizza fil-ġurnaliżmu. Bdiet tiġini t-tentazzjoni niftaħ il-files u nerġa’ naqra n-notamenti li kont ktibt, imma ma kienx possibbli, ma statjtx nitlef ħin għax bdejt nibża’ li l-laptop jintefa u ma jixgħelx aktar! Billi jien saċerdot, sibt ħafna files bi prietki, omeliji, tridwijiet, paniġierċi u eżerċizzi. Nistqarr magħkom li xi wħud minnhom kont insejt li għamilthom. Sibt ħafna korrispondenza, ittri li kont ktibt. Sibt il-files bil-kitba ta’ xi wħud mill-kotba li ppubblikajt. Sibt ritratti li llum nista’ nsejħilhom antiki, sibt mużika, insomma sibt ħafna minn dak li għaddejt minnu matul dawn l-aħħar għaxra jew ħdax-il sena.

Ftakart f’missieri

Jien u nwarrab il-laptop il-qadim ġie f’moħħi missieri. Madwar 6 snin ilu ħajjartu jibdel il-karozza. Kienet ilha għandu xi 30 sena. Meta ddeċieda li jneħħi l-qadima taptap tnejn fuq is-saqaf tagħha u qalilha: “Mela inti daqshekk, żmienek għamiltu!” Dakinhar ma stajtx nifhem x’kien qiegħed iħoss imma llum esperjenzajt dak li ħass missieri dakinhar.

Forsi tgħidlu: “Imma possibbli torbot qalbek ma’ magna?” Ngħidilkom li mhux torbot qalbek ma’ magna imma tkun qed twarrab xi ħaġa li tkun għext magħha tul ta’ snin u ssir xi ħaġa li mhux faċli tgħaddi mingħajrha. U meta din il-magna ma tkunx ħolqitlek inkwiet aktar tintrabat magħha. Għax dan kif jgħidu, dak li għandek taf xi jsarraf, il-ġdid għad tkun trid tara xi jsarraf.

Il-bniedem

Bħalma l-apparat elettroniku u l-makkinarju jgħaddi żmienhom, hekk ukoll jiġri lill-bniedem. Jasal żmien li jkollu jieqaf mill-attività li min jaf kemm ikun ilu jagħmel u jagħti postu lil ħaddieħor, ikollu joħroġ bil-pensjoni. Imma l-bniedem ma huwiex apparat elettroniku u lanqas biċċa makkinarju. Jekk karozza tiskarappjaha jew twarrabha, jekk apparat elettroniku titfgħu f’ġenb sakemm idejqek u tarmih, bniedem ma tistax twarrbu f’ġenb jew tarmih. Iżda sfortunatament ġieli nisimgħu b’każi fejn ix-xjuħ jitwarrbu wara li min jaf kemm ikunu ħadmu.

F’dar tal-anzjani


Illum ma tantx għad fadal ulied li jistgħu jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom meta jixjieħu. Il-ħajja li jgħix il-bniedem tal-lum hija għal kollox differenti minn dik li konna ngħixu nofs seklu ilu. Illum il-mara taħdem daqs u kultant aktar mir-raġel u l-ħin li jifdlilha aktarx tiddedikah għall-familja u għalhekk ma jifdalx ħin biex tikkura lill-ġenituri. Xhieda ta’ dan li qed ngħid huwa n-numru ta’ djar tal-anzjani li hawn. Ħamsin sena ilu kienu waħdiet, illum għandna ruxmata. Bil-fors, għax l-ulied ma jistgħux ilaħħqu max-xogħol, mal-familja tagħhom u mal-ġenituri.

Naf li għal ħafna, meta jiġu biex jieħdu d-deċiżjoni li jpoġġu lil xi ħadd mill-ġenituri f’xi dar, tkun bħal daqqa ta’ stallett, imma din tkun l-aħħar u l-aħjar ħaġa li jkunu jistgħu jagħmlu. Imma hemm min ipoġġi lill-ġenituri f’xi dar u jinsiehom, bħalma jiena poġġejt il-laptop fuq l-ixkaffa u ftit żmien ieħor qisu qatt ma kien xejn. Anzi jien nista’ ngħid li diġà qed ninsieh il-laptop l-antik għax dan l-artiklu qed niktbu fuq il-ġdid.

Penzjonanti

Illum ħafna li jaslu għall-età tal-irtirar qed jibqgħu jaħdmu, u ngħid għalija hija deċiżjoni għaqlija. Tabilħaqq li dak li jkun ikun ilu jaħdem għomru u issa li wasal għall-penzjoni jista’ jieħu l-mistrieħ li jixraqlu, imma ladarba dak it-tali jkun għadu attiv u b’saħħtu ma għandux jintelaq. Forsi jnaqqas is-sigħat tax-xogħol, imma mhux jieqaf għal kollox. Il-Malti jgħid li x-xogħol huwa salmura tal-ġisem, jekk bniedem jibqa’ attiv jibqa’ jgħix aħjar milli kieku jintelaq. Imbagħad iż-żmien waħdu juri lil dak li jkun li ż-żmien tal-waqfien minn kollox ikun wasal. Sewwasew kif urieni l-laptop tiegħi

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Settembru 2024








Arkivju Sigriet tal-Vatikan

 

Mhux darba jew tnejn nisimgħu bl-arkivju msejjaħ “sigriet” li jinsab fil-Belt-Stat tal-Vatikan u spiss nisimgħu eseġerazzjonijiet dwaru, li fih hekk uj li fih hekk. Saħansitra darba qrajt li fih hemm maġna taż-żmien, li tieħdok lura fis-snin! Dawn huma kollha fantasiji u ħmerijiet. L-arkivju sigriet tal-Vatikan huwa dak il-post fejn hemm merfugħin l-atti u d-dokumenti tas-Santa Sede li għandhom x’jaqsmu mal-gvern u l-attività pastorali tal-Papa u tal-uffiċċji li għandhom x’ jaqsmu mas-Santa Sede.

 X’sigrieti fih?

Il-kelma sigriet ma għandiex tittieħed fis-sens ta’ xi ħaġa li ħadd ma jaf biha. Fil-fatt din il-kelma ġejja mill-kelma Latina medjevali  “secretum” li tfisser privat jew personali. Huwa post fejn jinżammu dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-Knisja Kattolika. Dan l-arkivju kien mibdi minn Papa Pawlu V (1605 – 1621). Il-Papa Urbani VIII (1623 – 1644) żied ma’ dan l-arkivju għadd ta’ reġistri u kotba li kienu jagħmlu parti mill-Kamra Appostolika. Il-Kamra Appostoilika kienet tieħu ħsieb il-finanzi tal-Istati Pontifiċji. Billi bejn l-1309 u l-1377 il-Papa ma kienx Ruma imma Avignon fi Franza, ħafna minn dawn ir-reġistri kienu għadhom hemmhekk. Fi żmien il-Papa Alessandru VII (1655 – 1667) il-korrispondenza tas-segreterija tal-Istat tal-Papa bdiet titpoġġa f’dan l-arkivju wkoll.

 Għal min qiegħed?

L-arkivju tal-Vatikan iservi qabel xejn għall-Papa u għall-Kurja Romana, jiġifieri għas-Santa Sede, imma fl-1881 dan infetaħ biex l-istudjużi jkunu jistgħu jikkonsultawh u b’hekk sar ċentru ta’ riċerka mill-aktar importanti fid-dinja. Hawn diġà bdejna nwaqqgħu l-argumenti li jgħidu li ħadd ma jaf x’hemm moħbi f’dan l-arkivju. Ovvjament ma tistax taqbad u tidħol sempliċiment beix taqta’ l-kurżità, imma min ikollu permess, għal skopijiet ta’ riċerka, ikollu aċċess għal dan il-post li tant iqanqal kurżità.

 Skola

Marbuta mal-arkivju hemm l-iskola Arkivistika imwaqqfa minn Papa Ljun XIII (1878 – 1903) fl-1 ta’ Mejju 1884. Minbarra s-sengħa ta’ kif wieħed iżomm arkivju, din l-iskola tispeċjaliżża wkoll fil-Paleografija, jew aħjar l-istorja tal-kitba u d-Diplomatika, jew aħjar is-sengħa li jintgħaraf dokument awtentiku minn wieħed li jkun kopja. Kors f’din l-iskola jdum sentejn imma jsiru korsijiet iqsar li jitrattaw dixxiplina waħda biss.

 X’fih sewwa?

Intant l-arkivju nistgħu naqsmu f’ sitt taqsimiet:

1.    1   It-taqsima li tiġbor dokumenti marbutin mal-Kurja Rumana, is-segretarju tal-Istat tal-Vatikan, it-tribunal u tal-kummissjonijiet anke dawk li llum ma għadhomx jeżistu.

2.     It-taqsima li tirrigwarda r-rapreżentatni tal-Papa. Hawn insibu korrispondenza tan- Nunzjaturi mal-pajjiżi.

3.    3   It-Taqsima li għandha x’ taqsam ma’ arkivji ta’ familji jew ta’ persuni privati. F’din it-taqsima nsibu arkivji sħaħ ta’ familji u persuni nobbli.

4.     It-taqsima li tirrigwarda l-Konċilji. Hawn insibu d-dokumentazzjoni kollha tat-tliet konċilji ekumenici tal-Knisja Kattolika, dak ta’ Trento (1545 – 1563), il-Vatikan 1 (1869 – 1870) u l-Vatikan II (1962 – 1965). Hawn insibu wkoll dokumenti ta’ konċilji medjevali kif ukoll sinodi lokali.

5.      5 It-taqsima li għandha x’ taqsam ma’ ordnijiet reliġjużi, monasteri, abaziji u fratellanzi. Din hija l-parti l-iktar storika.

6.      6 It-taqsima li tiġbor fiha il-kumplament

 X’kobor fih?

Jingħad li f’dan l-arkivju hemm erbgħa u tmenin (84) kilometru ta’ xkafef li fuqhom hemm impoġġijin wieħed ħdejn l-ieħor, 35,000 volum. Minħabba li l-materjal dejjem jiżdied kellu jiżdied l-ispażju tal-arkivju wkoll u għalhekk fl-1980 żdied spażju billi saru kmamar taħt l-art. Mhux kulħadd jista’ jidħol jagħmel użu minn dan l-arkivju imma dawk l-istudjużi kwalifikati jistgħu japplikaw għall-permess tad-dħul u jekk dak li jkun verament ikollu skop ta’ riċerka u studja, il-permess jingħatalu. Ma jistax imur xi ħadd li ma għandu l-ebda kwalifika fir-riċerka u jitlob il-permess u jistenna li jingħatalu. Immaħina kieku jista’ jidħol kulħadd x’folla jkun hemm u kemm ħsara tista’ ssir!

 Qedem

L-aktar dokumenti antiki f’dan l-arkivju jmorru lura sa tmiem is-seklu VIII. Minn żmien il-Papa Innoċenz III (1198 – 1216) il-korrispondenza bdiet tinżamm kollha u b’mod organizzat kif għandha tkun u għalhekk fl-arkivju nsejjaħ “Sigriet!” tal-Papa,  id-dokumenti ta’ qabel dan iż-żmien huma skarsi. Fost id-dokumenti interessanti li nsibu hemm ittri ta’ Michelangelo (1475 – 1564) kif ukoll il-korrispondenza tar-Re Enriku VIII tal-Ingliterrra (1491 – 1547) fejn fl-1527 jitlob l-annullament taż-żwieġ tiegħu minn ma’ Katarina ta’ Aragona.

 Illum

L-era teknoloġika u diġitali li qed jgħid fiha l-bniedem tal-lum biddlet ukoll il-mod kif wieħed jikkonsulta dan l-arkivju. Illum numru sostanzjali ta’ dokumenti jinsabu wkoll f’forma diġitali. Dan minbarra li jgħin lir-riċerkatur, għax ma jkollux għalfejn imur Ruma, imma jinqeda permezz tal-internet, jgħin ukoll fil-konservazzjoni tal-arkivju għax b’hekk ma jintmissx il-volum li tkun qed issir riċerka fuqu bl-idejn.

Dan huwa s-sigriet ta’ dan il-post li min jaf kemm qanqal fantasija fl-imħuħ!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Settembru 2024


 

sabato 14 settembre 2024

San Gejtanu

Il-jum tal-lum, 14 ta’ Settembru tas-sena 2024 ser jibqa’ mfakkar għal grajja li ser isseħħ. Il-vara proċessjonali ta’ San Gejtanu li nsibu fil-parroċċa tal-Ħamrun, tinsab Ruma u propju llum ser tiddaħħal fil-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Xieraq mela llum ngħidu xi ħaġa dwar dan il-qaddis.

Il-familja Thiene

Fil-grigal tal-peninsula Taljana, fir-reġjun tal-Veneto, madwar 60 kilometru bogħod minn Venezja, imkennija taħt il-għoljiet hekk imsejħin Berici u msoqqija mill-ilma tax-xmajjar Bacchiglione u Retrone nsibu l-belt sabiħa u magħrufa ta’ Vicenza, belt magħrufa mhux biss għas-sbuħija naturali tagħha imma wkoll għall-patrimonju artistiku li fiha. Belt magħrufa għax-xogħol tal-insiġ u għax-xogħol fl-artiġjanar tad-deheb. Kien propju hawn li twieled il-qaddis Gejtu fis-sena 1480. Huwa twieled fi ħdan il-familja nobbli Thiene li kienet ilha tgħix f’dik il-belt għal madwar mitejn sena.

Gejtanu kien iben il-Konti Gaspare di Thiene u Marija da Porto, terzjarja Dumnikana,  it-tnejn minn Vicenza. Il-ħaġjografi jgħidulna li huwa tilef lil missieru meta kellu biss sentejn Sa minn ċkunitu l-qaddis wera li kien mixħut għall-istudju. Fil-fatt huwa baqa’ jistudja u kiseb il-lawra ta’ Avukat mill-Università ta’ Padova. Madanakollu huwa qatt ma ħadem f’dik il-professjoni għax ix-xewqa tiegħu kienet waħda, dik li jirċievi s-sagrament tal-Ordni Sagri. Fi żmien il-qaddis tagħna, għal familja nobbli, bħalma kienet dik ta’ Thiene, kien ikun nuqqas jekk xi wieħed mill-ulied ma jitħarriġx fl-arti tal-armi u l-Alta Socjetà u għalhekk il-familja ta’ Gejtu, l-aktar ommu, ma kinitx wisq favur din l-idea, l-aktar għax kienet diġà tilfet żewġ ulied subien, u kienet tara f’Gejtanu l-futur tal-familja u tal-ġid li kienet tippossedi.

Iż-żagħżugħ Gejtu

Għall-ħabta tal-1506, iż-żagħżugħ Gejtu ħalla belt twelidu u mar jgħix Ruma, il-kapitali tal-Knisja Kattolika, il-belt li darba kienet il-kapitali tad-dinja, Caput Mundi, il-belt eterna. Bħal kull belt oħra, Ruma minn dejjem kien fiha s-sabiħ u l-ikrah tagħha, kien fiha l-ħelu u l-morr, kien fiha l-qdusija u kien fiha wkoll id-dnub. Madanakollu minkejja l-età żgħira ta’ Gejtanu, huwa ma ntelaqx mal-kurrent. Fil-fatt jingħad li darba qal: “Ruma, xi darba kont qaddisa u llum sirt Babilonja!” Huwa beda jħoss li għandu jservi lil Alla iktar mill-qrib għalhekk daħal fil-Konfraternita tal-Imħabba Divina li għenitu ħafna biex jissaħħaħ fis-sejħa għas-saċerdozju.

 

F’dawk is-snin il-belt ta’ Ruma kienet fl-aqwa tar-rinaxximent. L-aqwa artisti kienu jfittxu li jersqu lejn din il-belt bit-tama li xogħolhom jintgħoġob minn xi prelat tal-Kurja Rumana jew minn xi benestant u jkun jista’ jwettaq xi opra tal-arti u fl-istess waqt jaqla’ il-ħoża ta’ kuljum. Biss jekk l-arti kienet qed tispara ’l fuq, mhux l-istess nistgħu ngħidu fejn jidħlu morali, sfortunatament anke fost il-ġerarkija tal-Knisja Kattolika. Għalhekk huwa kien qal : “Ruma, xi darba kont qaddisa u llum sirt Babilonja!” Il-qaddis tagħna kien qrib ta’ bosta dinjitarji tal-Knisja. Biss biss kien segretarju partikolari tal-Papa Ġulju II, pożizzjoni tant għolja li ma takwistahiex kif ġib u laħaq. Gejtanu minkejja li dejjem kien qrib tal-ġerarkija tal-Knisja, dejjem għożż is-safa u ma ntelaqx mal-kurrent. Ma nistgħux inħallu barra wkoll il-fatt li minkejja dan kollu, f’Ruma kien hemm ukoll faqar kbir. Kien hemm madwar għoxrin fil-mija tan-nies tal-belt li kienu foqra ħafna u ħafna minnhom lanqas kien ikollhom biex jitrejqu. Din kienet Ruma tal-bidui tas-seklu XVI.

 

Huwa kien ordnat saċerdot f’Settembru tas-sena 1516 meta kellu 36 sena. Huwa ried li l-ewwel quddiesa tiegħu jiċċelebraha nhar il-Milied ta’ dik is-sena. Huwa qaddes din l-ewwel quddiesa tiegħu f’waħda mill-bażiliċi papali li nsibu ġewwa Ruma, Santa Maria Maggiore.

Bil-Bambin f’idu

F’ittra li kien kiteb lill-ħabiba u segwaċi tiegħu, Sor Laura Mignani, waqt dik il-quddiesa kellu dehra minn Marija Santissima u din tatu lil Binha Ġesù tarbija f’idejh. Din l-istess grazzja reġa’ rċeviha fil-festi taċ-ċirkonċizzjoni ta’ Ġesù li kienet issir tmint ijiem fuq il-Milied u fil-festa tal-Epifanija nhar is-6 ta’ Jannar. Din ix-xena spiss narawha fix-xbiehat fejn jidher San Gejtanu. Hekk narawh fil-kwadru titulari ta’ Pietro Gagliardi tas-sena 1882 li jsebbaħ il-knisja parrokkjali tal-Ħamrun. Hekk narawh fil-vara titulari tal-Ħamrun ukoll maħduma minn Karlu Darmanin fl-1885. Hekk pittru Giuseppe Cali għall-parroċċa tal-Mellieħa, u hekk konna narawh fis-sotto kwadru li darba kien hemm fuq artal alterali fil-kolleġġjata ta’ Ħal Qormi. Hekk ukoll pittruh Michelangelo Buonocore, Gaetano Gandolfi u Giovanni Lanfranco fost bosta oħrajn. San Gejtanu bil-bambin Ġesù fi ħdanu.

 

Teatini

Flimkien ma’ Ġwann Pietru Carafa li wara sar il-Papa Pawlu IV, u żewġ qassisin oħra, waqqaf it-Teatini, Kjeriċi Regolari, jiġifieri saċerdoti li jgħixu flimkien taħt regola. Bħala l-ewwel Superjur Ġenerali ntgħażel Carafa li qabel kien Isqof ta’ Chieti, bil-latin Theate. Minn hawn ġej l-isem “Teatini.” Din is-sena dan l-ordni qed jiċċelebra il-500 sena mit-twaqqif tiegħu.

San Gejtanu miet f’Napli fis-7 ta’ Awwissu 1547, fl-età ta’ 67 sena. Ġie kkanonizzat fl-1671 mill-Papa Klement X.


Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Settembru 2024