Il-Knisja Kattolika bejn l-24 ta’ Diċembru 2024 u s-6 ta’ Jannar 2026 qed
tiċċelebra dak li jissejjaħ il-Ġublew. F’dawn ix-xhur wieħed jista’ jikseb
l-indulġenza plenarja, imma għandna mnejn ftit nafu xi tkun din il-ħaġa.
X’inhi?
L-indulġenza, skont id -duttrina Kattolika, hija t-tħassir tal-piena
temporali jew parti minnha li tirriżulta mid- dnub imwettaq mill- fidili iżda
diġà maħfur quddiem Alla. Il-kelma indulġenza ġejja mil Latin indulgentia,
li ġejja minn indulgeo, li tfisser tkun ġentili. Oriġinarjament kienet
tfisser qalb tajba iżda fil-Latin post-klassiku waslet biex tfisser il-maħfra
ta’ taxxa jew dejn. Fil-liġi Rumana u fil-verżjoni biblika imsejħa Vulgata
tat-Testment il-Qadim kienet tintuża biex tesprimi ħelsien mill-jasar jew
kastig. Fil -lingwaġġ teoloġiku wkoll il-kelma kultant tintuża fis-sens
primarju tagħha biex tfisser il-qalb tajba u l-ħniena ta’ Alla. Iżda fis-sens
speċjali li hawnhekk qed insemmu l-indulġenza hija maħfra tal-piena temporali
minħabba d-dnub, li l-ħtija tagħha tkun ġiet maħfura.
Indulġenza tista’ tinkiseb għall-persuna propja jew tista’ tiġi applikata
f’forma ta’ suffraġju lill-erwieħ fil-Purgatorju. Dejjem iridu jiġu segewiti
n-normi tal-ksib ta’ din l-indulġenza, jiġifieri li dak li jkun ikun qerr u
tqarben u jitlob skont l-intenzjoni tal-Papa. Il-fidili jkunu jistgħu jiksbu
l-indulġenza billi jagħmlu pellegrinaġġ f’kull sit sagru tal-Ġublew. Jistgħu
jżuru waħda mill-erba’ Bażiliċi Papali Maġġuri ta’ Ruma, fl-Art Imqaddsa jew f’postijiet
oħra indikati mid-djoċesi u jieħdu sehem f’mument ta’ talb.
Eżempju
L-indulġenza ma taħfrix id-dnub imma tħassar il-piena temporali.
X’jiġifieri? Ħalli nġib eżempju ċkejken biex nippruvaw nifhmu. Nagħmlu mod li
jiena mort għand familja ħabiba tiegħi u meta dħalt għandhom il-mara qaltli li
marret il-belt u rat vażun sabiħ u xtratu. Ġabituli biex narah u waqt li kien
f’idi waqa’ u sar frak. Jiena l-għada dħalt il-belt u xtrajt vażun ieħor eżatt
bħal dak li kien waqa’ minn idi u mort bih għand dik il-familja. Ma’ dan
il-vażun xtrajt ukoll bukkett fjuri biex intaffi xi ftit mill-ħsara li kont
wettaqt. Il-vażun reġa’ lura għand il-familja u għalhekk ma kelli xejn fuq
il-kuxjenza imma xtrajt il-bukkett tal-fjuri biex inpatti tal-piena li kelli
meta kissirt dak il-vażun. Issa d-dnub jinħafer bil-qrar u mhux bl-indulġenza
imma l-piena tad-dnub, id-dispjaċir li jiena jkolli għal xi att li wettaqt,
tinħafer bl-indulġenza. Mela biex nikkonkludi dan l-eżempju fqajjar ngħid li
x-xiri mill-ġdid tsal-vażun huwa kkomparat mal-maħfra li tiġi mis-sagrament
tal-qrar u x-xiri tal-bukkett fjuri nista’ nikkomparah mal-indulġenza, fejn jiena
nagħti xi ħaġa biex niskuża ruħi u npatti n-nuqqas tiegħi.
X'mhix l-indulġenza
Tajjeb ngħidu Ċar u tond li l-indulġenza mhix permess biex twettaq
id-dnub u lanqas ma hija maħfra tad
-dnub li jista’ jsir fil-futur. Mhijiex eżenzjoni minn xi liġi jew dmir u wisq inqas mill-obbligu konsegwenti fuq
ċerti tipi ta' dnub. Hija ma tagħtix immunità mit-tentazzjoni jew tneħħi
l-possibbiltà ta' waqgħat sussegwenti fid-dnub. Fuq kollox l-indulġenza mhix
ix-xiri tal-maħfra li tiżgura
s-salvazzjoni tax-xerrej jew il-ħelsien tar- ruħ ta' ħaddieħor
mill-Purgatorju. L-indulġenza
mhix sagrament imma maħfra extra-sagramentali tal-piena temporali.
Mhux fil-ġublew biss
L-indulġenza ma tinkisibx biss fil-Ġublew, tant li ġieli nkunu quddiem xi
niċċa, anke f’pajjiżna, u naqraw skrizzjoni li ma’ dik ix-xbieha jkun hemm
marbuta numru ta’ jiem ta’ indulġenza. Fit-28 ta’ Awwissu 1903, il-Papa Piju X ta
d-dritt lill-kardinali fil-knejjes titulari u d-djoċesijiet tagħhom jagħtu 200
jum ta’ indulġenza, lill-arċisqfijiet tahom 100 jum u lill-isqfijiet 50 jum.
Din hija l-indulġenza parzjali u mhux plenarja.
Permezz tal-kostituzzjoni appostolika Indulgentiarum doctrina
tal-1 ta’ Jannar 1967, il-Papa Pawlu VI wieġeb għas-suġġerimenti li saru
fil-Konċilju Vatikan II u rreveda sostanzjalment l-applikazzjoni prattika
tad-duttrina tradizzjonali fejn jidħlu dawn l-indulġenzi.
Kontroversji
Kien hemm żmien fejn l-indulġenzi kienu jistgħu jinkisbu permezz ta’ xi
għotja ta’ flus. Hawn dlonk nifhmu kif l-intenzjoni tal-bidu, jiġifieri li
tissodisfa l-bżonnijiet tal-midneb li jindem bdiet tinbidel u f’xi każijiet
beda jsir kummerċ b’dawn l-indulġenzi. L-iskandlu kiber għal proporzjonijiet
allarmanti meta bdew jiċċirkolaw kitbiet papali jew episkopali foloz li kellhom
l-intenzjoni li jagħmlu aktar flus billi jiddikjaraw din jew dik l-indulġenza
ġdida jew li jxerrdu żbalji teoloġiċi. Il-Papat kien konxju mill-iskandlu u
pprova diversi drabi jrażżan il-problema, kemm qabel kif ukoll wara d-denunzja
tal-patri Agostinjan Martin Luteru. Iżda l-miżuri li ttieħdu ma kinux biżżejjed
biex tiġi evitata qasma irreparabbli: ix-Xiżma tal-Protestanti. Il-Konċilju ta’
Trento pprova jġib ordni billi ħareġ id-digriet De indulgentiis, fejn
ġabar fil-qosor id-duttrina Kattolika dwar l-indulġenzi. Dan id-digriet sostna
li kien jeħtieġ l-użu tal-moderazzjoni u l-evitar ta’ kwalunkwe profitt ħażin
fejn jidħlu l-indulġenzi.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Diċembru 2024