sabato 29 agosto 2015

Baħar

Nistgħu ngħidu li n-natura kienet ħanina magħna l-Maltin fejn tidħol kosta għax il-baħar li jdawwar gżiritna huwa kważi kollu sabiħ u nadif. Forsi bosta drabi tant aħna mdorrijin bil-baħar qrib tagħna li lanqas nindunaw bir-rikkezza tiegħu, tant nieħdu l-affari kif jgħidu l-Ingliżi ‘for granted’.

Sors ta’ għixien
Huma bosta dawk li jaqilgħu l-għixien tagħhom mill-baħar. Dlonk naħsbu fis-sajjieda li joħorġu għall-ħut fuq il-baħar biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. Imma mhux dawn biss jaqilgħu x’ jieklu bis-saħħa tal-baħar. Kemm ħaddiema tax-xatt jgħixu billi jaħdmu fuq dak li jġibu l-vapuri? Qabel, in-numru tal-ħaddiema tax-xatt kien akbar minn dak tal-lum għaliex l-esiġenzi kienu differenti u llum il-makkinarju ħa post ta’ bosta ħaddiema. L-introduzzjoni tal-containers għall-ġarr tal-merkanzija naqqset il-ħtieġa ta’ bosta ħaddiema u burdnara.

Il-baħar ġieli kien ukoll il-kawża ta’ telf ta’ persuni. Sajjieda li joħorġu għas-sajd u ma jerġgħux lura. Dan l-aħħar bdejna nisimgħu wkoll b’ għadd ta’ persuni li fil-ħarba tagħhom mill-Afrika lejn l-Ewropa isibu t-tmiem ta’ ħajjithom fil-baħar. Kemm niket jista’ jħalli dal-baħar ukoll!

Il-baħar huwa ġid. L-ifqar pajjiżi fid-dinja jew ma għandhomx baħar jew għandhom ftit li xejn. Il-Kongo għandu ftit li xejn kosta u huwa l-ifqar pajjiż fuq wiċċ id-dinja. Żimbabwe, pajjiż ieħor fost l-ifqar ma għandux xatt għax huwa mdawwar mill-Afrika ta’ Isfel, mill-Możambikk, mill-Botswana u minn Żambja. Il-Botswana u Żambja wkoll huma artijiet bla port u l-qagħada finanzjarja tagħhom ma hijiex wisq itjeb minn dik ta’ Żimbabwe. Ma rridx ngħid li kull pajjiż li għandu l-baħar hu sinjur għax kieku l-Eritrea hija sinjuruna għax għandha kosta tul il-pajjiż kollu. Lanqas irrid ngħid li ma hemmx pajjiżi sinjuri li ma għandhomx baħar. L-Iżvizzera ma għandiex baħar imma ħadd ma jista’ jgħid li hija pajjiż fqir. Lanqas l-Awstrija ma għandha baħar imma jgħixu sewwa hemmhekk. Il-Ġermanja għandha ftit baħar fit-tramuntana tal-pajjiż u ma hemmx xi ngħidu dwar il-qagħada tal-poplu Ġermaniż. Fl-Ewropa hemm pajjiżi bla port li ekonomikament huma wara pajjiżi oħra. L-Ungerija, il-Bjelorussja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, is-Serbja u l-Maċedon


ja huma kollha pajjiżi bla aċċess għall-baħar. Finanzjarjament ma nistgħux ngħidu li qegħdin fl-istess skala tal-Iżvizzera, jew il-Ġermanja. Meta l-Eks Jugoslavja nqasmet, il-Bożnija u Ħerżegovina kienet sejra tispiċċa pajjiż bla port, għalhekk il-Kroazja tat parti mill-kosta lil dan il-pajjiż biex tal-inqas ikollu port. B’ din il-mossa il-Kroazja spiċċat mifruda geografikament.

Il baħar Malti
Il-baħar tagħna huwa mfaħħar minn dawk kollha li jiġu jżuruna. Minħabba ċ-ċokon tagħna u għalhekk minħabba l-ammont limitat ta’ traffiku fuqu, il-baħar Malti għadu nistgħu ngħidu nadif. Għandna bajjiet sbieħ u għandna varjetà ta’ bajjiet – min iħobbir-ramel għandu fejn imur, min iħobb iċ-ċagħaq isib bajjiet biċ-ċagħaq ukoll u min iħobb il-blat isib fejn imur ukoll.

Kull meta kelli xi barranin mistiednin tiegħi hawn Malta dejjem ppruvajt noħodhom sa Għawdex, u min ġie fis-sajf ġieli ħadtu sa Kemmuna. Ilkoll tpaxxew bil-ġmiel tal-bajja ta’ bejn il-Kmiemem, magħrufa bħala Blue Lagoon. Xi ġmiel! Kemm tkun sabiħa dil-bajja meta tasal fiha u tkun għadha vojta. Tinżel u tistħajlek qiegħed il-ġenna. Saċerdot Taljan, ħabib tiegħi, meta ħadtu bejn il-Kmiemem, malli wasalna kull ma qal kien il-kliem “Madre mia!” – espressjoni li turi l-għaġeb li ħass b’ dak li ra. Qalli li hemmhekk isbaħ mill-Costa Smeralda ta’  Sardenja – ma nafx!

Fil-ħajja tagħna
Billi l-baħar huwa hekk qrib tagħna ma jistax jonqos li jkun parti minn ħajjitna. Anke fejn jidħlu idjomi u qwiel Maltin, insibu għadd minnhom marbutin mal-baħar. “Hemm baħar ta’ nies” ngħidu meta jkun hemm folla kbira. “hemm baħar jaqsam” meta rridu nuru li hemm differenza kbira. Ngħidulek ukoll li “bil-flus tagħmel triq fil-baħar” imma ħej, “il-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa”. Tinsiex ukoll li “min jiftaħar jaqa’ l-baħar” u qatt ma għandek “tixtri l-ħut fil-baħar”.

Wieħed nafu, Malti bħalna, kien jistudja l-Ingilterra, bogħod mill-baħar. Qalli li kultant kien iħossu għajjien mentalment, kien jaqbad karozza tal-linja u jmur xi siegħa u nofs bogħod mid-dar tiegħu, f’post fejn il-baħar. Qalli li kien jerġa’ lura donnu bniedem ġdid, donnu batterija iċċarġjata.
Il-baħar huwa wkoll mod ta’ rilassament għalina l-Maltin. Minħabba ċ-ċokon ta’ artna, id-distanzi huma minimi u għalhekk nistgħu meta rridu naqbdu u mmorru sa xatt il-baħar, jew biex ngħumu jew biex sempliċiment nagħmlu żewġ passi jew biex nieklu xi ħaġa hemmhekk. Kemm aħna xxurtjati li għandna l-baħar idawwar lil pajjiżna. Ma aħniex xi pajjiż sinjurun, lanqas aħna xi pajjiż fqir, imma għandna ġid li tatna n-natura u li l-ebda somma ta’ flus ma tista’ tixtri – il-baħar tagħna.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher f' In-Nazzjon, 29 ta' Awwissu 2015

venerdì 14 agosto 2015

Riflessjonijiet dwar Għawdex

Djamant
Għawdex - djamant

Waħda mill-aktar kanzunetti Maltin li kienu u għadhom popolari hija dik tal-grupp The Tramps bl-isem “Inti Djamant” – diska li titratta l-ġżira Għawdxija. Min ma jafhiex din id-diska? Minn qatt ma kantaha xi darba jew oħra? U min xi darba jew oħra ma marx sa Għawdex u ra b’ għajnejh dak li titkellem dwaru din id-diska? Tiskanta kemm ix-xiber baħar li jifred iż-żewġ gżejjer prinċipali tal-arċipiergu Malti jagħmel daqstant differenza.

Ġita
Il-Melitaland dieħel il-Marfa
Fi ċkuniti ġurnata Għawdex man-nanna jew ma’ ommi kienet tkun l-isbaħ ġita. Dawn kienu jkunu jiem organizzati jew mill-parroċċa jew minn xi persuna individwali bl-iskop li dak li jkun jibdel ftit il-monotonija ta’ kuljum u fl-istess waqt jaqla’ xi sold. Konna nqumu kmieni, kien ikun għadu d-dlam u mmorru nistennew ix-xarabank mikrija quddiem il-knisja. Mgħobbijin b’ xi ġewlaq jew basket mimli sa ruħ ommu b’ ikel u xorb, konna nirkbu fil-private u nitilqu lejn il-Marfa, minn fejn kien jitlaq il-vapur ta’ Għawdex. Il-programm dejjem kien ikun l-istess – waqfa sar-Rabat biex in-nisa jduru dawra t-tilari tal-monti u jaraw isibux jixtru xi ħaġa interessanti, wara kulħadd għax-Xlendi u wara għal Marsalforn sakemm isir il-ħin biex nirkbu lura l-karozza tal-linja mikrija sabiex naslu lura l-port tal-Imġarr biex naqbdu l-vapur lejn Malta.

Illum lanqas timmaġinak tmur ġurnata Għawdex f’ dawk il-karozzi tal-linja, bil-ħġieġ iħabbat, skomdi u jiskussjaw. Lanqas timmaġinak tiela’ fuq vapur milli kienu jintużaw dak iż-żmien. Illum għandna l-kumdità kemm biex naslu saċ-Ċirkewwa fik ukoll fil-vapuri li jintużaw għat-traġitt.

Dan l-aħħar kelli mmur Gaħwdex erba’ darbiet fi żmien qasir. Ikolli ngħid li għamilt vjaġġi komdi, sibt karozzi tal-linja bl-arja ikkundizzjonata u l-istess il-vapuri. B’ hekk il-vjaġġ ikun wieħed pjaċevoli u komdu. Illum  il-vapuri saħansitra joffru s-servizz tal-wifi. Kif sirna wkoll hux? Lanqas nissaportu ftit minuti mingħajr internet!

Għad-dell
Meta konna mmorru Għawdex mill-Marfa u anke sa ftit snin ilu miċ-Ċirkewwa, kien ikollna noqgħodu nistennew bil-wieqfa u fix-xemx. L-istess storja kienet tiġri fil-port tal-Imġarr. Illum għandha żewġ terminals biex ngħid hekk ‘Sura ta’ nies’.  Ħasra li l-passiġġieri li jitilgħu bil-karozza privata tagħhom ma jistgħux jgħidu l-istess. Kemm f’ Malta kif ukoll f’ Għawdex, l-istennija biex il-karozzi jitilgħu fuq il-vapur għadha ssir fix-xemx. Min jaf jekk għadx isir xi ħaġa? Forsi tinda jew saqaf  tal-konkos. Tabilħaqq l-ispejjeż huma kbar u faċli tgħid imma diffiċli tagħmel, imma meta kont qed nistenna l-vapur fit-terminal għall-frisk taħt l-arja ikkundizzjonata u ħarist barra u rajt nies jistennew fil-karozzi tagħhom taħt xemx tiżreġ, tassew tħassarthom.

Bejn San Ġorġ u Santa Marija
Hemm jumejn partikolari li Għawdex isir kalamita għall-Maltin. Dawn huma l-festi ta’ San Ġorġ fit-tielet Ħadd ta’ Lulju u dik ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awwissu. Dawn iż-żewġ festi li jsiru ġewwa r-Rabat jiġbdu lejhom eluf kbar ta’ Maltin dilettanti tal-festi. Hemm xi festi Għawdxin oħrajn li jmorru għalihom xi Maltin – bħal San Lawrenz, liema festa jżuruha għadd ta’ nies mill-Birgu peress li għandhom l-istess qaddis patrun. Imma ż-żewġ festi Rabtin jiżbqu kull festa oħra u meta tkun hemm f’ xi waħda minn dawn il-festi tiltaqa’ ma’ xiħadd tafu żgur. Hemm min jikri post minn sena għal oħra biex ikun ċert li f’ dawn il-festi jkun jista’ jqatta’ tmiem il-ġimgħa hemmhekk igawdi l-festi u l-ambjent Għawdxi.

Il-Professur
Meta kont nistudja Bologna kelli professur li min dejjem xtaq iżur Għawdex. Spiss kien isemmili lil Calipso jew lil Gaulos u jgħidli dwar il-kotba li kien qara fuq din id-daqxejn ta’ gżira. Kien isemmi l-mitoloġija Griega u r-rabta li Għawdex għandu magħha. Darba staqsejtu kemm-il darba żar Għawdex. Skantajt meta qalli li qatt ma kien mar. Billi spiss kien ikellimni dwaru, u mill-mod li kien jitkellem kien donnu jafu bl-amment, kont nemmen li żaru bosta drabi. Stedintu biex xi darba jiġi u jara b’ għajnejh imma t-tweġiba tiegħu kienet li ma jistax jiġi għax jibża’ mill-ajruplan. Ħasra!

Gourmet
Ftira Għawdxija
Dan id-daqxejn ta’ fliegu li jifridna ibbiddel ikoll xi ikel. Minn sempliċi pastizz li Malta ssibu tar-rikotta, Għawdex issibu tal-ġbejniet, jew kif isejħulu l-Għawdin -  tal-ġobon. L-ikel tipiku Għawdxi huwa differenti xi ftit jew wisq minn dak ta’ Malta. Kemm-il darba mort Għawdex ma’ sħabi biex nieklu l-ftira Għawdxija. Minkejja li llum Malta hawn min jagħmel speċi bħala, imma donnha li t-togħma ta’ dik tal-gzira tat-tliet għoljiet hija itjeb... forsi hija frott l-immaġinazzjoni, kollox fil-moħħ. Hu x’ inhu forsi l-arja tagħmel din id-differenza.

Nistgħu ngħidu li minkejja li Għawdex huwa tant qrib ta’ Malta, fih bosta elementi li ma ssibhomx fil-gżira l-kbira u għalhekk jagħmuh uniku, sewwasew kif tgħid id-diska, jagħmluh djamant.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 15 ta' Awwissu 2015





sabato 8 agosto 2015

Ġbir, ġbir u aktar ġbir

Niftakar li meta kont żgħir u kienet tkun riesqa xi festa kbira, bħall-Milied, l-Għid il-Kbir jew il-festa tar-raħal, ommi kienet tbiddel id-dehra tad-dar: iddendel il-purtieri tal-festa, tagħmel it-tapiti u toħroġ dak li matul is-sena kien ikun merfugħ. Din kienet ħaġa normali u kulħadd hekk kien jagħmel, id-dar tinbidel f’palazz biex inħossu li ġejjin xi jiem speċjali, jiem differenti mill-bqija tal-jiem l-oħrajn ta’ matul is-sena. Id-dar kienet qisha l-knisja, meta tersaq festa hemm xi ħaġa x’ jintrama jew x’ jiżżanżan. Fost l-apparat tal-festa, fid-dar ta’ ommi kien hemm cushion, jew imħadda ċkejkna li fil-festi kienet issib ruħha fin-nofs tas-sufan. Dan il-cushion kellu qattus sufi rrakkmat fuq satin iswed. Dejjem kont nisma’ lil ommi tgħid li kienet rebħitu mingħand is-sorijiet fejn kont immur skola jien qabel il-primarja.

Meta kont żgħir ma kontx nifhem x’ jiġifieri tirbaħ xi ħaġa, illum differenti, illum nifhem li s-sorijiet kienu jagħmlu xi lotterija biex jgħinu l-iskola li kont nattendi fiha jiena. Dawn is-sorijiet kienu jaħdmu xi ħaġa b’ idejhom, xi ħaġa li mhux sejjer tmur f’ ħanut u ssibha - sewwasew kif qatt ma rajt cushion ieħor bil-qattus sufi rrakkmat, bħal dak ta’ ommi, jagħmluha lotterija biex jaqilgħu xi ħaġa. Illum ix-xogħol tal-idejn sirna ngħidulu crafts u l-lotterija, jew primestratt, kif kienu jsejħulu ommi u l-ommijiet ta’ sħabi tal-iskola tan-nuna, sirna nsejħulu fund raising.

Ġbir
Il-ġbir huwa l-għajn ewlenija tal-attivitajiet kulturali u folkloristiċi li jsiru f’ pajjiżna. Il-gvern ċentrali u l-gvernijiet lokali jorganizzaw attivitajiet kulturali, artistiċi jew letterari, imma dejjem irid ikun hemm dik in-naqra għajnuna barranija – u la bdejna nsemmu x’ insejħu dawn il-ħwejjeġ issa, ngħidu li llum ngħidu li għandna bżonn ta’ sponsors.

Ninsabu fis-sajf, żmien il-festi. Araw ftit il-kotba bil-programm tal-festa! Kien hemm żmien meta l-knisja kient toħroġ programm tal-festa stampat fuq folja waħda. Illum differenti – illum flimkien mal-programm insibu artiklu ta’ intetress ġenerali. Il-ktieb baqa’ jissejjaħ programm imma sar ikun fih tagħrif varjat. Barra min hekk mhux biss il-knisja toħroġ il-programm tal-festa, imma anke tal-banda, tan-nar u tal-armar ukoll. U biex toħroġ ktieb bħal dawn trid il-flus u l-flus jiġu mir-reklami. Għalhekk mal-kitbiet ta’ tagħrif, mal-programm ta’ liema banda sejra ddoqq, u minn liema toroq sejjer jgħaddi l-marċ f’ dak it-tali jum, sirna nsibu għadd bla qies ta’ reklami. Dan huwa mod fejn jinfdew l-ispejjes tal-istampar tal-ktieb u bosta drabi jħalli wkoll xi ftit tal-qliegħ.

Lotterija
Forsi l-lotterija tal-cushion bil-qattus irrakkamt li kienet rebħet ommi kienet tiswa six pence-il biljett. Dak iż-żmien konna għadna bis-soldi għax id-deċimali bdew meta bdejt il-primarja. Illum il-lotteriji li jsiru b’ għan ta’ ġbir ikollhom biljetti li jiswew ħafna aktar. Tassew li l-premju jkun jikkorrispondi mal-prezz tal-biljett. Il-lotterija hija l-aktar mod popolari ta’ ġbir, jew intenni  l-kliem li nsejħulu llum: fund raising.

Jiġi żmien fis-sena meta tmur fejn tmur issib min jipprova jbiegħlek xi biljett għal-lotterija. Jekk jersaq il-Milied u tmur iżżur il-presepji issib min ikun qed jagħmel xi lotterija ta’ bambin kważi  f’ kull post li żżur Jekk tmur tara xi wirjiet fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira l-istess: minflok issib bambin f’ maxtura ssib lill-istess persuna mdendel mas-salib. Billi l-ispejjeż huma kbar, lotterija tista’ tgħin biex dawn jittaffew.

Is-sena kollha
Kien hemm żmien meta f’ Awwissu kien isir ballu biex jgħin lill-Malta Comunity Chest Fund. Il-Ballu tal-qamar ta’ Awwissu għadu jsir imma ma għadux l-attività l-aktar popolari biex jgħin lill-M.C.C.F. Maż-żmien bdiet issir il-ġabra tal-Istrina imma l-ħidma ta’ din l-entità tant hija kbira u tant teħtieġ fondi li lanqas dawn ma huma biżżejjed. Min kemm ilha president is-Sinjura Coleiro Preca l-attivitajiet b’ riżq dan il-fond Ħadu xejra oħra u qegħdin ikunu mifruxin matul is-sena kollha. Bilfors li kellu jsir hekk għax it-talba għall-fondi kibret u bilfors kellhom jinstabu toroq oħrajn biex ikabbru anke l-karus.

Dawn l-attivitajiet minbarra li jħallu xi sold qegħdin ikunu wkoll okkażjoni biex il-poplu Malti jżur ċerti postijiet li normalment ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali. B’ hekk wieħed jista’ jara dak li s-soltu jarawh biss ftit persuni u fl-istess waqt ikun qiegħed jgħin kawża ġusta u nobbli.
Semmejt biss il-M.C.C.F. imma f’ pajjiżma għandna bosta organizazzjonijeit oħrajn li jaħdmu bil-għan li jiġbru fondi sabiex jitqassmu lil min ikollu bżonn – bħal pereżempju Puttinu Cares. Illum attivitajiet ta’ fund raising saru jsiru matul is-sena kollha għaliex it-talbiet huma kbar.

Ġbir, ġbir u aktar ġbir. Lanqas temmen li fuq din id-daqxejn ta’ blata fejn hawn jgħammru inqas min-nofs miljun ruħ, isir dal-ġbir kollu. U Alla jbierek il-poplu jagħti min qalbu. Naħseb li l-Maltin jafu sewwa kliem missierna San Pawl li jgħid “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7), jalla l-qalb Maltija tibqa’ daqstant ġeneruża.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 8 ta' Awwissu 2015