Djamant
Għawdex - djamant |
Waħda mill-aktar kanzunetti Maltin li kienu u għadhom popolari hija dik tal-grupp The Tramps bl-isem “Inti Djamant” – diska li titratta l-ġżira Għawdxija. Min ma jafhiex din id-diska? Minn qatt ma kantaha xi darba jew oħra? U min xi darba jew oħra ma marx sa Għawdex u ra b’ għajnejh dak li titkellem dwaru din id-diska? Tiskanta kemm ix-xiber baħar li jifred iż-żewġ gżejjer prinċipali tal-arċipiergu Malti jagħmel daqstant differenza.
Ġita
Il-Melitaland dieħel il-Marfa |
Fi ċkuniti
ġurnata Għawdex man-nanna jew ma’ ommi kienet tkun l-isbaħ ġita. Dawn kienu
jkunu jiem organizzati jew mill-parroċċa jew minn xi persuna individwali
bl-iskop li dak li jkun jibdel ftit il-monotonija ta’ kuljum u fl-istess waqt
jaqla’ xi sold. Konna nqumu kmieni, kien ikun għadu d-dlam u mmorru nistennew
ix-xarabank mikrija quddiem il-knisja. Mgħobbijin b’ xi ġewlaq jew basket mimli
sa ruħ ommu b’ ikel u xorb, konna nirkbu fil-private u nitilqu lejn il-Marfa,
minn fejn kien jitlaq il-vapur ta’ Għawdex. Il-programm dejjem kien ikun
l-istess – waqfa sar-Rabat biex in-nisa jduru dawra t-tilari tal-monti u jaraw
isibux jixtru xi ħaġa interessanti, wara kulħadd għax-Xlendi u wara għal
Marsalforn sakemm isir il-ħin biex nirkbu lura l-karozza tal-linja mikrija sabiex
naslu lura l-port tal-Imġarr biex naqbdu l-vapur lejn Malta.
Illum lanqas
timmaġinak tmur ġurnata Għawdex f’ dawk il-karozzi tal-linja, bil-ħġieġ
iħabbat, skomdi u jiskussjaw. Lanqas timmaġinak tiela’ fuq vapur milli kienu
jintużaw dak iż-żmien. Illum għandna l-kumdità kemm biex naslu saċ-Ċirkewwa fik
ukoll fil-vapuri li jintużaw għat-traġitt.
Dan l-aħħar kelli
mmur Gaħwdex erba’ darbiet fi żmien qasir. Ikolli ngħid li għamilt vjaġġi komdi,
sibt karozzi tal-linja bl-arja ikkundizzjonata u l-istess il-vapuri. B’ hekk
il-vjaġġ ikun wieħed pjaċevoli u komdu. Illum
il-vapuri saħansitra joffru s-servizz tal-wifi. Kif sirna wkoll hux? Lanqas nissaportu ftit minuti mingħajr
internet!
Għad-dell
Meta konna mmorru
Għawdex mill-Marfa u anke sa ftit snin ilu miċ-Ċirkewwa, kien ikollna noqgħodu
nistennew bil-wieqfa u fix-xemx. L-istess storja kienet tiġri fil-port
tal-Imġarr. Illum għandha żewġ terminals
biex ngħid hekk ‘Sura ta’ nies’. Ħasra
li l-passiġġieri li jitilgħu bil-karozza privata tagħhom ma jistgħux jgħidu
l-istess. Kemm f’ Malta kif ukoll f’ Għawdex, l-istennija biex il-karozzi
jitilgħu fuq il-vapur għadha ssir fix-xemx. Min jaf jekk għadx isir xi ħaġa?
Forsi tinda jew saqaf tal-konkos. Tabilħaqq
l-ispejjeż huma kbar u faċli tgħid imma diffiċli tagħmel, imma meta kont qed nistenna
l-vapur fit-terminal għall-frisk taħt l-arja ikkundizzjonata u ħarist barra u
rajt nies jistennew fil-karozzi tagħhom taħt xemx tiżreġ, tassew tħassarthom.
Bejn San Ġorġ u Santa Marija
Hemm jumejn
partikolari li Għawdex isir kalamita għall-Maltin. Dawn huma l-festi ta’ San
Ġorġ fit-tielet Ħadd ta’ Lulju u dik ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awwissu. Dawn
iż-żewġ festi li jsiru ġewwa r-Rabat jiġbdu lejhom eluf kbar ta’ Maltin
dilettanti tal-festi. Hemm xi festi Għawdxin oħrajn li jmorru għalihom xi
Maltin – bħal San Lawrenz, liema festa jżuruha għadd ta’ nies mill-Birgu peress
li għandhom l-istess qaddis patrun. Imma ż-żewġ festi Rabtin jiżbqu kull festa oħra
u meta tkun hemm f’ xi waħda minn dawn il-festi tiltaqa’ ma’ xiħadd tafu żgur.
Hemm min jikri post minn sena għal oħra biex ikun ċert li f’ dawn il-festi jkun
jista’ jqatta’ tmiem il-ġimgħa hemmhekk igawdi l-festi u l-ambjent Għawdxi.
Il-Professur
Meta kont nistudja
Bologna kelli professur li min dejjem xtaq iżur Għawdex. Spiss kien isemmili
lil Calipso jew lil Gaulos u jgħidli dwar il-kotba li kien qara fuq din
id-daqxejn ta’ gżira. Kien isemmi l-mitoloġija Griega u r-rabta li Għawdex
għandu magħha. Darba staqsejtu kemm-il darba żar Għawdex. Skantajt meta qalli
li qatt ma kien mar. Billi spiss kien ikellimni dwaru, u mill-mod li kien
jitkellem kien donnu jafu bl-amment, kont nemmen li żaru bosta drabi. Stedintu
biex xi darba jiġi u jara b’ għajnejh imma t-tweġiba tiegħu kienet li ma jistax
jiġi għax jibża’ mill-ajruplan. Ħasra!
Gourmet
Ftira Għawdxija |
Dan id-daqxejn
ta’ fliegu li jifridna ibbiddel ikoll xi ikel. Minn sempliċi pastizz li Malta
ssibu tar-rikotta, Għawdex issibu tal-ġbejniet, jew kif isejħulu l-Għawdin - tal-ġobon. L-ikel tipiku Għawdxi huwa
differenti xi ftit jew wisq minn dak ta’ Malta. Kemm-il darba mort Għawdex ma’
sħabi biex nieklu l-ftira Għawdxija. Minkejja li llum Malta hawn min jagħmel
speċi bħala, imma donnha li t-togħma ta’ dik tal-gzira tat-tliet għoljiet hija
itjeb... forsi hija frott l-immaġinazzjoni, kollox fil-moħħ. Hu x’ inhu forsi
l-arja tagħmel din id-differenza.
Nistgħu ngħidu li
minkejja li Għawdex huwa tant qrib ta’ Malta, fih bosta elementi li ma ssibhomx
fil-gżira l-kbira u għalhekk jagħmuh uniku, sewwasew kif tgħid id-diska,
jagħmluh djamant.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 15 ta' Awwissu 2015
Nessun commento:
Posta un commento