sabato 8 agosto 2015

Ġbir, ġbir u aktar ġbir

Niftakar li meta kont żgħir u kienet tkun riesqa xi festa kbira, bħall-Milied, l-Għid il-Kbir jew il-festa tar-raħal, ommi kienet tbiddel id-dehra tad-dar: iddendel il-purtieri tal-festa, tagħmel it-tapiti u toħroġ dak li matul is-sena kien ikun merfugħ. Din kienet ħaġa normali u kulħadd hekk kien jagħmel, id-dar tinbidel f’palazz biex inħossu li ġejjin xi jiem speċjali, jiem differenti mill-bqija tal-jiem l-oħrajn ta’ matul is-sena. Id-dar kienet qisha l-knisja, meta tersaq festa hemm xi ħaġa x’ jintrama jew x’ jiżżanżan. Fost l-apparat tal-festa, fid-dar ta’ ommi kien hemm cushion, jew imħadda ċkejkna li fil-festi kienet issib ruħha fin-nofs tas-sufan. Dan il-cushion kellu qattus sufi rrakkmat fuq satin iswed. Dejjem kont nisma’ lil ommi tgħid li kienet rebħitu mingħand is-sorijiet fejn kont immur skola jien qabel il-primarja.

Meta kont żgħir ma kontx nifhem x’ jiġifieri tirbaħ xi ħaġa, illum differenti, illum nifhem li s-sorijiet kienu jagħmlu xi lotterija biex jgħinu l-iskola li kont nattendi fiha jiena. Dawn is-sorijiet kienu jaħdmu xi ħaġa b’ idejhom, xi ħaġa li mhux sejjer tmur f’ ħanut u ssibha - sewwasew kif qatt ma rajt cushion ieħor bil-qattus sufi rrakkmat, bħal dak ta’ ommi, jagħmluha lotterija biex jaqilgħu xi ħaġa. Illum ix-xogħol tal-idejn sirna ngħidulu crafts u l-lotterija, jew primestratt, kif kienu jsejħulu ommi u l-ommijiet ta’ sħabi tal-iskola tan-nuna, sirna nsejħulu fund raising.

Ġbir
Il-ġbir huwa l-għajn ewlenija tal-attivitajiet kulturali u folkloristiċi li jsiru f’ pajjiżna. Il-gvern ċentrali u l-gvernijiet lokali jorganizzaw attivitajiet kulturali, artistiċi jew letterari, imma dejjem irid ikun hemm dik in-naqra għajnuna barranija – u la bdejna nsemmu x’ insejħu dawn il-ħwejjeġ issa, ngħidu li llum ngħidu li għandna bżonn ta’ sponsors.

Ninsabu fis-sajf, żmien il-festi. Araw ftit il-kotba bil-programm tal-festa! Kien hemm żmien meta l-knisja kient toħroġ programm tal-festa stampat fuq folja waħda. Illum differenti – illum flimkien mal-programm insibu artiklu ta’ intetress ġenerali. Il-ktieb baqa’ jissejjaħ programm imma sar ikun fih tagħrif varjat. Barra min hekk mhux biss il-knisja toħroġ il-programm tal-festa, imma anke tal-banda, tan-nar u tal-armar ukoll. U biex toħroġ ktieb bħal dawn trid il-flus u l-flus jiġu mir-reklami. Għalhekk mal-kitbiet ta’ tagħrif, mal-programm ta’ liema banda sejra ddoqq, u minn liema toroq sejjer jgħaddi l-marċ f’ dak it-tali jum, sirna nsibu għadd bla qies ta’ reklami. Dan huwa mod fejn jinfdew l-ispejjes tal-istampar tal-ktieb u bosta drabi jħalli wkoll xi ftit tal-qliegħ.

Lotterija
Forsi l-lotterija tal-cushion bil-qattus irrakkamt li kienet rebħet ommi kienet tiswa six pence-il biljett. Dak iż-żmien konna għadna bis-soldi għax id-deċimali bdew meta bdejt il-primarja. Illum il-lotteriji li jsiru b’ għan ta’ ġbir ikollhom biljetti li jiswew ħafna aktar. Tassew li l-premju jkun jikkorrispondi mal-prezz tal-biljett. Il-lotterija hija l-aktar mod popolari ta’ ġbir, jew intenni  l-kliem li nsejħulu llum: fund raising.

Jiġi żmien fis-sena meta tmur fejn tmur issib min jipprova jbiegħlek xi biljett għal-lotterija. Jekk jersaq il-Milied u tmur iżżur il-presepji issib min ikun qed jagħmel xi lotterija ta’ bambin kważi  f’ kull post li żżur Jekk tmur tara xi wirjiet fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira l-istess: minflok issib bambin f’ maxtura ssib lill-istess persuna mdendel mas-salib. Billi l-ispejjeż huma kbar, lotterija tista’ tgħin biex dawn jittaffew.

Is-sena kollha
Kien hemm żmien meta f’ Awwissu kien isir ballu biex jgħin lill-Malta Comunity Chest Fund. Il-Ballu tal-qamar ta’ Awwissu għadu jsir imma ma għadux l-attività l-aktar popolari biex jgħin lill-M.C.C.F. Maż-żmien bdiet issir il-ġabra tal-Istrina imma l-ħidma ta’ din l-entità tant hija kbira u tant teħtieġ fondi li lanqas dawn ma huma biżżejjed. Min kemm ilha president is-Sinjura Coleiro Preca l-attivitajiet b’ riżq dan il-fond Ħadu xejra oħra u qegħdin ikunu mifruxin matul is-sena kollha. Bilfors li kellu jsir hekk għax it-talba għall-fondi kibret u bilfors kellhom jinstabu toroq oħrajn biex ikabbru anke l-karus.

Dawn l-attivitajiet minbarra li jħallu xi sold qegħdin ikunu wkoll okkażjoni biex il-poplu Malti jżur ċerti postijiet li normalment ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali. B’ hekk wieħed jista’ jara dak li s-soltu jarawh biss ftit persuni u fl-istess waqt ikun qiegħed jgħin kawża ġusta u nobbli.
Semmejt biss il-M.C.C.F. imma f’ pajjiżma għandna bosta organizazzjonijeit oħrajn li jaħdmu bil-għan li jiġbru fondi sabiex jitqassmu lil min ikollu bżonn – bħal pereżempju Puttinu Cares. Illum attivitajiet ta’ fund raising saru jsiru matul is-sena kollha għaliex it-talbiet huma kbar.

Ġbir, ġbir u aktar ġbir. Lanqas temmen li fuq din id-daqxejn ta’ blata fejn hawn jgħammru inqas min-nofs miljun ruħ, isir dal-ġbir kollu. U Alla jbierek il-poplu jagħti min qalbu. Naħseb li l-Maltin jafu sewwa kliem missierna San Pawl li jgħid “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7), jalla l-qalb Maltija tibqa’ daqstant ġeneruża.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 8 ta' Awwissu 2015




Nessun commento:

Posta un commento