
Frak ta’ storja
Għandna mnejn nistaqsu
kif bdiet dil-ħaġa li tintgħażel belt, jew aktar biex għal tnax-il xahar
tissejjaħ Kapitali Ewropea tal-Kultura? Nibdew biex ngħidu li din hija
formalità fi ħdan l-Unjoni Ewripeja u għalhekk belt kapitali Ewropea trid tkun
belt ta’ stat membru tal-Unjoni.
Il-ħsieb ta’ dan kollu
kien ta’ Melina Mercouri, ministru
tal-kultura tal-Greċja. Hija sabet l-appoġġ tal-politiku Franċiż Jack Lang li
flimkien ħolmu b’din l-idea u emmnu li l-kultura tista’ tqarreb lill-Ewropej
aktar lejn xulxin. Fl-1985 il-belt ta’ Ateni fil-Greċja kienet iddikkjarata
bħala l-belt Ewropea tal-kultura. Matul
il-presidenza Ġermaniża tal-Unjoni Ewropea, fl-1999, l-isem ma baqax belt kulturali
Ewropea imma sar Kapitali tal-Kultura Ewropea. Dan ta aktar qawwa lil din
is-sena.
Kurżitajiet
Hemm bosta kurżitajiet
dwar dan l-avveniment. Ħalli naraw xi ftit minnhom. Fl-1988 il-belt kulturali Ewropea
kienet Berlin. Issa rridu niftakru li sa dak iż-żmien Berlin kienet tagħmel
parti minn żewġ stati; il-Ġermanja tal-Lvant u l-Ġermanja tal-Punent. Minkejja
li kien hemm il-ħajt li jifred din il-belt, xorta waħda l-Unjoni Ewropea
għażlet lil Berlin sħiħa bħala belt kulturali. Din kienet l-unika darba fejn
il-belt kulturali Ewropea kienet tagħmel parti minn żewġ stati differenti.

Kurżità oħra hija
fl-2023 kellha tkun belt fir-Renju Unit li jkollu waħda mill-kapitali kulturali
Ewropea iżda billi fl-2019, jiġi fis-seħħ il-Brexit, dan il-post issa jittieħed
minn xi pajjiż ieħor. Il-bliet
Ingliżi kandidati għall-dan it-titlu kienu: Dundee, Leeds, Milton Keynes u
Nottingham. Magħhom kienu qed jiġu kkunsidrati l-ibliet Irlandiżi ta’ Belfast,
Derry u Strabane.
Is-sena
d-dieħla il-Belt Valletta sejra ġġorr dan it-tilu presiġjuż, imma hemm belt
oħra li se tkun ukoll kapitali bħalha. Din sejra tkun Leeuwarden Fryslân
ġewwa n-Netherlands. Kurżità oħra hija li Malta hija wkoll mistennija li jerġa’
jkollha kapitali kulturali Ewropoeja oħra fis-sena 2031. Fadal hux? Imma jasal
ukoll. Min jaf liema post f’Malta, jew Għawdex ser ikollu dan it-titlu dik
is-sena?
Tafu
liema bliet kienu kapitali kulturali din is-sena? Kienu Aarhus fid-Danimarka u Paphos
f’Ċipru.
Valletta
Dalwaqt
il-belt kapitali tagħna sejra, biex ngħid hekk, tiġi msellfa għal sena
lill-Ewropa kollha. Beltna sejra tkun il-vetrina tal-kultura tagħna, sejra turi
dak li aħna tassew, dak li jferrħana, dak li kapaċi nagħmlu, dak li għandna
x’noffru. Dan jingħaqad ma’ bosta
attivitajiet kulturali oħrajn minn artisti barranin.
Attività unika li
qatt ma rajna bħalha u niddubita jekk qattx għad naraw bħalha hija dik li
l-erba’ festi Beltin, jiġifieri San Duminku, San Pawl, Santu Wistin u l-Madonna
tal-Karmnu sejrin jingħaqdu flimkien f’festa waħda. Dan dlonk ifakkarna kemm il-kultura tagħna hija
unika, marbuta mal-Knisja u mat-twemmin. Dan jiftħilna għajnejna biex nibżgħu
għal dak li għandna għax huwa uniku u ħaddieħor ma għandux bħalu, ħaddieħor
jiġi f’pajjiżna biex jarah. Din hija attività, waħda mill-ħafna li hemm
programmati, imma forsi waħda mill-aktar li sejra tattira nies. Madanakollu
xorta tajjeb li napprofittaw irwieħna minn din is-sena biex ingawdu l-kultura
tagħna kif ukoll kulturi oħrajn. Sejrin
ikollna opportunitajiet biex ingawduhom, ejjew ma nibqgħux indiffetenti, ejjew
nikbru fil-kultura grazzi għal din is-sena, din l-opportunità li qed iżżur lil
pajjiżna.
Fr Reno Muscat