sabato 4 aprile 2026

L-Għid il-kbir fil-Knisja Kattolika u dik Ortodossa

Il-Kristjani Kattoliċi u Ortodossi aktarx jiċċelebraw l-Għid f'dati differenti minħabba l-użu ta' kalendarji differenti. Il-Knisja Kattolika tuża l-kalendarju msejjaħ Gregorjan filwaqt li l-Knisja Ortodossa tuża dak imsejjaħ Ġuljan. Biss ġieli jiġri li kemm il-Kattoliċi kif ukoll l-Ortodossi jiċċelebraw l-Għid il-Kbir fl-istess jum. Il-Għid Kattoliku jiġi ċċelebrat bejn it-22 ta' Marzu u l-25 ta' April, filwaqt li l-Għid Ortotoss iseħħ aktar tard, bejn l-4 ta' April u l-8 ta' Mejju. Għalhekk jekk l-Għid jiġi bejn l-4 u l-25 ta’ April jista’ jiġri li ż-żewġ Knejjes jiċċelebraw l-akbar festa tagħhom fl-istess jum. Hekk pereżempju ġara s-sena l-oħra, l-2025, meta l-Kristjani kollha ċċelebraw il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet nhar il-Ħadd 20 ta’ April. Din il-ħaġa sejra terġa’ sseħħ fis-sena 2034.

Għaliex dak iż-żmien

Bosta jistaqsu għaliex Ħadd il-Għid jibdel id-data tiegħu minn sena għal oħra, mhux bħal festi oħra, ngħidu aħna l-Milied, il-Kunċizzjoni, Is-Salvatur, Santa Marija u oħrajn. Il-Jum tal-Għid, il-festa prinċipali Kristjana li tiċċelebra r-riżurrezzjoni ta' Ġesù, tiġi ċċelebrata kull l-ewwel Ħadd wara l-ewwel qamar sħiħ tar-rebbiegħa. Din ir-regola kienet stabbilita mill-Konċilju ta' Nikea li sar fis-sena 325 wara Kristu. Għalhekk din ir-regola tagħmel l-Għid festa li ma għandhiex data fissa.

Issa bħalma għidt diġà, il-Knisja Ortodossa tuża kalendarju differenti minn dak li tuża l-Knisja Kattolika u għalhekk l-ewwel Ħadd wara l-ewwel qamar sħiħ tar-rebbiegħa spiss jiġi wara dak li fih ikun iċċelebrat l-Għid fil-Knisja hekk imsejħa Latina.

Il-Papa Ljun XIV esprima x-xewqa li tkun stabbilita data komuni għall-Għid bejn il-Kattoliċi u l-Ortodossi, biex ikunu megħlubin id-differenzi fil-kalendarji differenti użati  miż-żewġ Knejjes. L-għan prinċipali wara dan il-ħsieb hu li nibdew niċċelebraw il-qawmien mill-mewt ta’ Kristu flimkien biex insaħħu x-xhieda tal-Evanġelju u nsolvu xi problemi pastorali.

Kattoliċi u Ortodossi

Hawn bla ma rridu nistaqsu: Kristu mhux Knisja waħda waqqaf, mela liema waħda hi, dik Kattolika jew dik Ortodossa? Tassew li Kristu waqqaf Knisja waħda biss, imma kienu l-bnedmin li ħolqu dawn il-firdiet. Il-firdiet jeżistu fit-tmexxija tal-Knejjes u mhux fit-tagħlim għax it-twemmin Kattoiliku u dak Orrtososs huwa l-istess.

Il-Knejjes Kattolika u Ortodossa kienu Knisja waħda imma nfirdu minħabba x-xiżma tal-1054. It-tagħlim u t-twemmin taż-żewġ Knejjes huwa l-istess fejn għandhom x’jaqsmu s-sagramenti, il-fidi fi Kristu u l-Bibbja, iżda jvarjaw b'mod sinifikanti fejn tidħol l-awtorità tat-tmexxija. Il-Kattoliċi jirrikonoxxu lill-Papa bħala kap universali, filwaqt li l-Ortodossi huma awtonomi (jissejħu awtoċefali) taħt diversi patrijarki. Differenzi żgħar fit-teoloġija jeżistu wkoll, pereżempju filwaqt li l-Kattoliċi jemmnu li l-Ispirtu s-Santu ġej mill-Missier u mill-Iben, l-Ortodossi jemmnu li dan ġej biss mill-Missier. Hemm differenzi kbar fil-liturġija u kif din tiġi ċċelebrata. Il-ħobż li jużaw l-Ortodossi għall-Ewkaristija huwa ħobż bil-ħmira filwaqt li l-Kattoliċi jużaw ħobż bla ħmira. Fir-radd tas-salib, il-Kattoliċi l-ewwel imissu l-ispalla x-xellugija filwaqt li l-Ortodossi jmissu dik leminija. Insomma dettalji żgħar li ma jibdlu xejn fis-sustanza tal-fidi.

Ix-xiżma

Mela rajna li il-firda bejn dawn il-knejjes ma kinitx minn dejjem imma seħħet permezz ta’ xiżma.  Ix-xiżma tal-1054, magħrufa wkoll bħala x-Xiżma l-Kbira tal-Lvant, timmarka s-separazzjoni definittiva bejn il-Knisja Kristjana tal-Punent, imsejħa Kattolika u l-Knisja tal-Lvant imsejħa Ortodossa. Din il-firda ma kinitx frott ta’ xi avveniment isolat, iżda kienet il-qofol ta' sekli ta' tensjonijiet politiċi, kulturali u teoloġiċi.  Ruma kienet tiddikjara l-awtorità suprema tal-Papa fuq il-Kristjaneżmu kollu, filwaqt li Kostantinopli kienet tqisu biss bħala primus inter pares (l-ewwel fost l-ugwali) fost il-patrijarki. Ir-rivalità bejn l-Imperu Biżantin u s-Sagru Imperu Ruman, kif ukoll il-barrieri lingwistiċi, tal-Latin kontra l-Grieg, kienu elementi importanti li wasslu għal din ix-xiżma.

Fit-16 ta' Lulju 1054, il-Kardinal Umberto di Silva Candida, mibgħut mill-Papa Ljun IX, poġġa bolla ta' skomunikazzjoni kontra l-Patrijarka Michael Cerularius fuq l-altar tal-Bażilika ta’ Santa Sofija f'Kostantinopli, illum Istanbul fit-Turkija. Cerularius dlonk wieġeb billi skomunika lil-legati mibgħutin mill-Papa. U hekk bdiet il-firda li għadha sejra sal-lum. Kien biss fl-1965 li l-Papa Pawlu VI u l-Patrijarka Athenagoras formalment neħħew l-iskomuniki tagħhom lil xulxin, għalkemm iż-żewġ Knejjes baqgħu separati.

Tradizzjoni

Minkejja kollox, il-qofol ta’ din il-festa huwa dejjem l-istess: il qawmien ta’ Kristu mill-mewt. It-tradizzjoni tal-Bajd tal-Għid insibuha fiż-żewġ Knejjes. Fl-antik kien jitqassam bajd iebsa dekorat; il-verżjoni tal-ċikkulata bdiet fis-seklu tmintax, aktarx minn Turin. Il-bajda tal-Għid hija simbolu tradizzjonali tat-twelid u r-riżurrezzjoni, li nsibuha mifruxa kemm fil-Knisja Kattolika kif ukoll f’dik Ortodossa għax kif għidt, it-twemmin tagħhom it-tnejn huwa l-istess.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 4 ta' April 2026