sabato 27 aprile 2013

Anici 2013



Xejn aqwa minnek
Xejn isbaħ ma nsib,
Il-Belt ta’ Pinto
ma’ qalbi qrib.

L-ewwel dawl tiegħi
Jiena rajt fik
Lest nagħti ħajti,
Nissielet għalik.

Minn dejjem kienu ewlenin il-Qriema biex f’ kull qasam ikabbru isem belthom u fuq kollox jagħtu ġieh bil-kbir lill-għaxqa ta’ qalbhom – San Ġorġ Martri. X’ ma jagħmlux il-Qriema għalih? Armar? Tiżjin? Festi? Kollox jagħmlu. Issa ilna kwart ta’ seklu nkantaw:

“Fil-Belt Pinto, tal-Istilla. Saħħret lilna il-Qormin!”

23 ta’ April, 1988. It-twaqqif uffiċjali ta’ din l-Għaqda Soċjali u Mużikali. Issemmiet Anici għall-ġens tal-qaddis Ġorġi. Hekk jixraq għax għalih twaqqfet. Għalih taħdem. Għalih tgħix. Tiegħu hi!

Sa mill-bidu bdiet din l-għaqda tagħti sehmha fil-parroċċa, fir-raħal tagħna. Matul il-jiem tal-festa li ta’ kull sena nagħmlu lill-Padrun tagħna, bdiet tagħti sehmha xejn inqas minn ħames darbiet. Mhux hekk biss! Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tkabbret bis-sehem ta’ din il-Banda. Dakinhar il-Banda ssemma l-leħen kiebi tal-marċi funebi L-istess ħaġa ngħidu għall-purċissjoni tal-Għid il-Kbir fejn il-Banda Anici tferraħna bil-valzi tagħha. Il-Purċissjoni ta’ Corpus ukoll tara s-sehem ta’ din il-banda. Mhux biss Ħal Qormi jduq mill-benna mużikali tal-Banda Anici; nistgħu ngħidu li kienet mistiedna f’ kull parti ta’ Malta u anke Għawdex sabiex tagħti s-servizz tagħha.

Kull meta biex tifraħ il-ġemgħa
Tinġabar, tingħaqad flimkien
Issemma’ in-noti minn tagħha
l-Anici issib fuq quddiem!

U meta fin-niket tbikkimna,
Xarrabna ħuxbejna, bla kliem
Kont inti li b’ dak leħnek ħlejju
Fittixt li ġġibilna is-sliem.

Mhux hekk biss. Il-Banda Anici ħalliet xtut din art twelidna. Żaret il-Libja fl-1988 u l-Kanada u l –Istati Uniti fl-1996. Dawn il-pajjiżi wkoll tpaxxew bin-noti ħelwin tal-banda tagħna.

Bħal kull familja, l-Għaqda Mużikali u Soċjali Anici ħasbet biex ikollha d-dar tagħha. Dar li tixraq. Din l-għaqda bniet il-każin tagħha stess u żejnitu b’ bosta opri artisitċi. U mhux biss, imma meta ġie l-waqt opportun, kabbritu. Illum il-każin tal-Għaqda Anici jista’ jiftaħar b’ bosta xogħolijiet artisitċi maħdumin mill-aqwa nies tal-mistier. Għamara, pittura, skultura. Kull fejn taqa’ l-ħarsa ta’ għajnejk tara l-ġmiel!

Palazz Cappadocia; din darek
Għal Ġorġi, hekk jixraq, hekk sew
B’ dak kollu li jżejjen dil-ġawhra
Le tixba. Titpaxxa hemm ġew!

Din l-għaqda hija waħda attiva matul is-sena kollha. Il-bosta kummissjonijiet tagħha – zgħazagħ, nisa, sport, jikkumplimentaw lill-banda sabiex matul is-sena kollha il-membri isibu attività bla waqfien.

25 sajf u xitwa għaddew minn fuqek – kwart ta’ seklu. 25 rebbiegħa rajt, imma inti donnok bqjat f’ rebbiegħa eterna. Inti bħall-Padrun tiegħek, sabiħa u żagħżugħa. Għalhekk iġġib isem ġensu – Anici qatt mirbuħa!

Abjad: Iswed: l-ilwien tagħna
Bħal ma kien ta’ Ġorġi l-ġens
Bir-raġun għax aħna wliedu
U fih biss insibu l-wens.

Lejk induru Ġorġi Mqaddes
U ngħidulek bl-oħla lsien
Banda Anici għalik twieldet
Żommha f’ tiegħek il-ħarsien.


Fr. Reno Muscat OP

Feature fl-akkademja Muzika Letterarja 26 ta' April 2013

giovedì 18 aprile 2013

Vantaġġi u zvantaġġi tal-ħajja


Meta kelli xi 12-il sena kelli t shirt li fuqu kien hemm stampa ta’ raġel li fuq rasu kellu lembut. Fil-lembut kien hemm għadd ta’ lumi. Minn taħt geddum ir-ragel kien hemm vit li minnu kienet toħroġ il-luminata. Imbagħad kien hemm kitba li tgħid “When life gives you lemons, make lemonade!”

Iż-żona li ngħix fiha jiena meta nkun Ruma hija waħda ċentrali. Li tkun tgħix f’ ċentru ta’ belt kbira fiha ħafna vantaġġi. Jekk irrid immur xi mkien, żewġ minuti mixi u ninżel fl-istazzjon tal-metrò, jew naqbad karozza tal-linja jew inkella t-tram. Jekk irrid taxi nsib kemm irrid għax ngħix f’ żona turisitika. Ħwienet hawn kemm trid u ssib tixtri minn kollox. Ma jistaqx jonqos li n-naħa tagħna hija mimlija bi ħwienet tal-ikel li jservu lill-miljun ta’ turisti li jżuru l-Kapitali Taljana ta’ kull sena. Qrib ukoll hawn bosta mużewijiet u siti storiċi u fuq kollox hawn l-ikbar knisja fid-dinja – il-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan – liema knisja jżuruha turisti mill-erba’ rjieħ tad-dinja. Vantaġġ ieħor għalija huwa li l-università li niffrekwenta hija wkoll qrib. Dan kollu li semmejt insibu f’ħames minuti mixi bogħad mid-dar tiegħi.

Imma fid-dinja mhux kollox ward u zahar. Il-vantaġġi li semmejt iġibu magħhom għadd ta’ problemi li jistgħu jkunu wkoll żvantaġġi. Għall-bidu li bdejt noqgħod fid-dar fejn ngħix bħalissa ma stajtx nidra l-ħoss tat-tankijiet tal-iskart li jitbattlu matul il-lejl. Bil-kwantità ta’ nies li jgħaddu minn dawn l-inħawi bilfors li jinħoloq ħafna u ħafna skart. Fortunatament l-iskart jiġi sseparat. Meta jitbattlu t-tankijiet tal-karta u l-plastika lanqas biss tinduna, imma x’ħin jitbattlu t-tankijiet tal-ħġieġ tinduna bilfors. Fix-xaqliba tagħna xogħol bħal dan huwa mpossibli li jsir matul il-jum. Lanqas timmaġina trakk tal-iskart jagħlaq triq biex ibattal it-tankijiet b’ serbut ta’ karozzi warajh jistennewh waqt li jdoqqu l-ħornijiet tagħhom u jgħajtu biex iħaffef. Ħaġa bħal din ma tistax issir, allura t-tankijiet jitbattlu bil-lejl. Bejn wieħed u ieħor ikunu l-erbgħa ta’ filgħodu x’ħin isir dan ix-xogħol. Dak il-ħin it-toroq ikunu battala u għalhekk ma jtellfu lil ħadd, imma bil-ħoss li jagħmlu iqajmu lill-ġirien. It-tankijiet tal-karti, kartun u plastik fik ukoll dawk ta’ skart imħallat jitbattlu kuljum  imma t-tankijiet tal-ħġieġ jitbattlu darbtejn f’ ġimgħa meta jiġi t-trakk li jiġbor il-ħġieġ biss. tinduna meta jkun hemm dan it-trakk għax tisma’ ħoss kbir li jqabbżek mis-sodda. Meta ma jiġix it-trakk li jiġbor il-ħġieġ nibqgħu ftit ieħor reqdin, imma mhux wisq! Ta’ kuljum fil-5.20 ta’ filgħodu jgħaddi l-ewwel tramm li fil-ħemda tal-lejl il-ħoss li jagħmel jinstema d-doppju.
Għafejn qiegħed ngħid dan kollu? Kull ħaġa fil-ħajja fija l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha. Kull triq li fiha nkunu noqgħodu nsibu xi ħaġa li togħġobna u xi ħaġa li ddejjaqna. Mhux fit-triq anagrafika biss, f’ kull triq tal-ħajja nsibu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi. Jekk tkun ġuvni jkollok il-vantaġġ li ma tismax it-tgergir tal-mara u jekk inti xebba għandek il-vantaġġ li ma tismax l-inħir tar-raġel matul il-lejl. Imma kemm ix-xebba kif ukoll il-ġuvni għandhom l-iżvantaġġ li jistgħu jsibu ruħom f’ ħajja solitarja. Jekk tkun twil għandek il-vantaġġ li għal ċertu xogħol ma titlax fuq sellum, imma jekk tkun fuq ajruplan, b’ irkupptejk imkaħħlin mal-pultruna ta’ quddiemek dlonk tinduna kemm għandhom vantaġġi l-qosra.

Kull ħaġa fiha l-vantaġġ u l-iżvantaġġ tagħha u għalhekk tajjeb wieħed jirrassenja ruħu għal dak li jkun jinsab fih. Il-Malti jgħid li ma hemm l-ebda warda bla xewka. Tabilħaqq l-ebda ħajja, l-ebda triq ma fiha żvantaġġi biss. Nerġa lura lejn għidt qabel. Kieku t-trakk li  jiġbor l-iskart ma jiġix fit-triq tiegħi kieku nkun nista’ nibqa’ rieqed ftit iktar. Għandi mnejn minflok nistembaħ fl-4.15 nibqa’ rieqed sakemm jgħaddi l-ewwel tramm. Imma jekk jibqa’ ma jiġix tal-iskart it-triq tintela bil-ħmieġ. Vantaġġ u żvantaġġ. Kieku minflok fil-qalba tal-Belt Eterna immur noqgħd fil-periferija ikolli inqas problemi ta’ storbju, imma mbagħad ma nkunx nista’ mmur l-università bil-mixi, ma nasalx aktar f’ħames minuti. Tabilħaqq li l-ħajja tal-bniedem, tkun xi tkun il-qagħda tiegħu, hija bħal dak is-sejf misnun miż-żewġ naħat li tmiss fejn tmiss issib xafra taqta.

Tajjeb li minflokk noqgħodu ngorru u nfittxu x-xagħra fl-għaġina, nieħdu dak li nistgħu mis-sitwazzjonijiet kollha tal-ħajja. Issa kieku jien dalgħodu ma qajjimnix it-trakk tal-iskart li ġie jbattal it-tank tal-ħġieġ mormi li jinsab qrib il-kunvent tiegħi kont nibqa’ rieqed ftit ieħor, tal-inqas sakemm jgħaddi l-ewwel tramm. Imma kieku bqajt rieqed ma kontx nikteb dan l-artiklu. Meta l-ħajja ttik il-lumi, agħmel il-luminata!

Fr. Reno Muscat OP

In-Nazzjon 18 ta' April 2013


giovedì 11 aprile 2013

Rivoluzzjoni Teknoloġika


L-akbar bidla wara r-rivoluzjoni industriajli

Immaġina li minflok qegħdin ngħixu fl-2013 qegħdin ngħixu fl-1963, ħamsin sena ilu, jew anke fl-1973, erbgħin sena ilu. Min qatt kien jobsor li ħajjitna kellha tinbidel daqstant. Min qatt kien jimmaġina li minflok imur jixtri l-gazzetta filgħodu u joqgħod jaqraha bil-kwiet waqt ħin il-mistrieħ, jew fuq tal-linja hu u sejjer ix-xogħol, illum permezz tal-mobile jista’ jaqra l-gazzetta bla ma jmiss karta b’idu, illum jista jsegwi programm televiżiv mingħajr ma jkollu televiżjoni, illum jista’ jikteb u jibgħat messaġġ bla ma jaqbad karta u lapes b’ idejh. Minn qatt kien jobsor? U min qatt kien jimmaġina li biex filgħodu tgħid “Bonġu” lil xi ħadd bogħod minnek ma taqbadx it-telefon imma tidħol f’ wieħed mis-social networks u ssellem lil dak li jkun?

Ikollna nammettu li llum qegħdin ngħixu f’ dinja li għaddejja minn bidla kbira, bidla bħalma wettqed ir-rivoluzzjoni industrijali. Bidla kbira daqs ir-rivoluzzjoni industrijali. Bidla li qed iġibu is-social networks. Forsi nistaqsu għalfejn u kif qegħda ssir din il-bidla. Illum aktar min-nofs il-popolazzjoni tad-dinja għandha inqas minn 30 sena. L-għodda ta’ din il-generazzjoni hija l-internet u l-kompjuter. 96% ta’ dawn iż-żgħażagħ jinstabu fuq xi tip ta’ social network. Ġewwa l-Amerika għal kull persuna li tidħol fuq Google, hemm tlieta li jidħlu f’ Facebook. Sa ftit snin ilu l-aktar siti nfittxijin fuq l-internet kienu dawk pornografiċi. Illum mhux aktar hekk, illum l-akbar attività fuq il-W.W.W hija s-social media. Nibqgħu l-Amerika u ngħidu li koppja minn kull tmienja li jiżżewġu saru jafu lil xulxin permezz ta’ xi social network.

Nistgħu nqabblu dan il-mezz ġdid ta’ telekomunikazzjoni ma’oħrajn li ġew qablu u naraw b’ għajnejna stess kemm tabilħaqq qegħdin ngħixu rivoluzzjoni tekonoloġika. Ir-radju dam 38 sena biex kellu 50 miljun semmiegħ. It-televiżjoni ħa 13-il sena biex laħaq il-50 miljun telespettatur. L-internet ħa 4 snin biex kellu 50 miljun persuna li tużah. L-iPod laħaq il-50 miljun wara 3 snin u Facebook żied 200 miljun persuna li juzawh f’ sena waħda biss. F’ 9 xhur isiru biljun download tal-iPod. Ma nistgħux ma naqblux mas-soċjologu Amerikan Erik Qualman li jgħid li llum  l-għażla tagħna ma hijiex jekk nużawx is-social media jew le imma l-għażla hija kif għandna nuzawha u kemm nużawha sewwa.

Naraw ftit statistika. Kieku Facebook  minflok social network kien pajjiż kien ikun it-tielet l-aktar pajjiż popolat fid-dinja, wara ċ-Ċina u lndja. Kieku l-pajjiż ta’ warajh kien ikun l-Istati Uniti tal-Amerika. Forsi kien hemm min ħaseb li Facebook ma jdumx ma jispiċċa, imma llum in-numru ta’ users kiber u qieghed ikompli jikber speċjalmenet fost nisa ta’ bejn il-55 u 65 sena. Dan juri li din mhix rivoluzzjoni taż-żgħażagħ imma hemm kulħadd imdaħħal fiha.  80% tal-kumpanija ma għadhomx jirreklamaw meta jkollhom ħtieġa ta’ ħaddiema ġodda imma jużaw is-social networks. 95% mill-avviżi għax-xogħol jidhru fuq LinkedIn.
Il-kantanta Britney Spears għandhan seġwaċi fuq Twitter aktar mill-popolazzjoni tal-Isvezja, ta’ Iżrael, tal-Iżvizzera, tal-Irlanda, tal-Panama u tan-Norveġja lkoll flimkien. 50% tat-traffiku tal-internet mill-mowbajl isir għal fuq Facebook. Dan il-fatt jorbot idejn il-kumpaniji li jipprovdu s-servizz tat-telefonija ċellulari. Servizz mhux eċċellenti ifisser bdil fil-kumpanija. Illum l-e-mails naqsu u ħafna jinqdew b’ messaġġi fuq is-social networks minflok jibgġħatu e-mail. Bosta universitajiet ma għadhomx ifornu account tal-e-mail lill-istudenti tagħhom għax sabu li l-maġġoranza tagħhom lanqas qatt jifthu l-account. Ilum l-universitajiet jinstabu wkoll fuq Facebook. Ħasra li ftit ġimgħat ilu f’ pajjiżna il-kwistjoni tat-tablets spiċċat ballun politiku. Bosta universitajiet qegħdin iqassmu e-book readers, ipads u tablets lill-istudenti tagħhom. Tajjeb ngħidu wkoll li fl-Amerika n-numru ta’ tablets mibjugħin fil-Milied li għadda qabes sewwa l-għadd ta’ kotba li nbiegħu.

YouTube sar it-tieni l-akbar search engine fid-dinja.  Sakemm ilek taqra dan l-artiklu kienu uploadjati  madwar mitt siegħa ta’ filmati fuq YouTube. Illum ċerti aħbarijiet jaslulna fuq YouTube qabel ma jwassluhom agenziji tal-aħbarijiet u dan minħabba li llum min jinzerta f’ post li fih iseħħ xi ħaġa jkun jista’ jxandar dak li seħħ dak il-ħin stess. Wiki bl-ilsien tal-Hawai tfisser “malajr”. Wikipedia għandha aktar minn 15-il miljun argument u artiklu. Illum din l-enciklopedija online, fejn jidħlu ċerti argumenti, saret affidabbli daqs l-Enċiklopedija Brittanika minħabba li miljuni ta’ nies iżuruha ta’ kuljum u għalhekk jekk ikun hemm żball dlonk jiġi kkoreġut. Kieku kull artiklu li jitpoġġa fuq Wikipedia kellu jitħallas €1, kieku kienet tiġi tiswa €1,700 fis-siegħa.

U nistgħu nibqgħu sejrin. Blogs, searche engines, telefonija, films online. Irridu jew ma rridux din hija r-realtà, dawn huma l-fatti. Tajjeb li nadattaw ruħna għalihom għax inkella nispiċċaw barra mis-sistema dinjija. Dan ma huwiex biss fatt li jinvolvi biss lill-gvernijiet u lill-politiċi, huwa fatt li jinkludi lil kull wieħed u waħda minna. Aħna lkoll protagonisti f’ din ir-rivoluzzjoni.

Fr Reno Muscat OP

In-Nazzjon 11 ta' April 2013


giovedì 4 aprile 2013

San Tumas iwaqqa’ l-kolonni


Il-kwistjoni tal-jum nazzjonali ta’ Malta


Dan l-aħħar f’ pajjiżna reġa’ instema’ d-diskors dwar jum Nazzjonali wieħed. L-ebda nazzjon ieħor fid-dinja ma għandu ħames jiem nazzjonali. Aħna biss. Hemm xi pajjiżi li għandhom aktar minn jum wieħed imma mhux ħamsa!

Ejjew napplikaw il-loġika ta’ San Tumas ta’ Akwinu fuq il-festi nazzjonali tagħna. Kieku l-Kavallieri ma rebħux lit-Torok fl-assedju l-kbir, kieku l-istorja ta’ Malta hija differenti minn dik li hi. Allura l-ewwel kolonna hija it-8 ta’ Settembru, il-Vitorja. U kieku l-istorja ma kienitx dik li hi ma kienx ikun hemm l-Assemblea Nazzjonali li tiltaqa’ biex tfassal kostituzzjoni u titlob lill-Gvern Ingliż japprovaha, u ma kienx ikun hemm il-ġrajja tas-7 ta’ Ġunju, 1919. It- tieni kolonna wasslet biex tmiss ukoll lit-tielet waħda li nistgħu ngħidu hija t-twaqqif tan-Nazzjon Malti fil-21 ta’ Settembru, 1964. Il-kolonna li kien imiss taqa’ kienet it-twaqqif ta’ stat mhux iktar b’ kap barrani imma b’ kap Malti. It-twaqqif tar-Repubblika ta’ Malta fit-13 ta’ Diċembru, 1974. L-aħħar kolonna hija it-tluq tas-servizzi Ingliżi minn artna, fil-31 ta’ Marzu, 1979.

Huma kollha dati importanti fl-istorja ta’ pajjiżna u jkun għajb jekk nitilfu jew ninsew xi waħda minnhom għax huma lkoll tappi importanti fin-nisġa tal-ġens Malti. Imma hemm bżonn jissejħu kollha “Jum Nazzjonali”? Għalfejn Jum l-Indipendenza ma nsejħulux biss Jum l-Indipendenza? Għalfejn jum ir-Repubblika ma nsejħulux biss Jum ir-Repubblika? Għalfejn jum il-Ħelsien ma nsjeħulux biss Jum il-Ħelsien? Bilfors iridu jkunu msejħa jiem nazzjonali? X’ ibiddel mis-sustanza tal-istorja jekk il-21 ta’ Settembru jkun biss Jum l-Indipendenza ta’ Malta u t-13 ta’ Diċembru jkun biss Jum ir-Repubblika ta’ Malta mingħajr ma nirreferu għalihom jew għall-jiem l-oħra bħala jiem nazzjonali? L-istess jgħodd għall-jiem nazzjonali l-oħra. Dan ma jfissirx li ma għandhomx jibqgħu jiġu ċċelebrati bl-istess mod li jkunu iċċelebrati sa issa, li qiegħed ngħid jien huwa biss li jkollna jum wieħed biss li jissejjaħ nazzjonali. Fl-aħħar mill-aħħar jekk dawn il-granet jitnaqqsilhom il-kliem “Jum Nazzjonali” mhux sejjer jitnaqqsilhom xejn mill-ġieħ u l-valur tagħhom għax il-valur tagħhom ma huwiex fl-isem imma fl-akwisti li ġabu għall-pajjiż. U propju għalhekk għandhom jibqgħu jiġu ċċelebrati bil-mod li jkunu ċċelebrati sa issa.


U liema għandu jkun dan il-jum wieħed biss? Naħseb li għandu jkun it-8 ta’ Settembru. Mhux għax jien minn xi belt jew raħal li jiċċelebra l-festa tal-Bambina, le xejn minn dan, imma fiha nara l-bidu tat-triq storika. Kieku ma kienx hemm dik ir-rebħa fl-1565 l-istorja ta’ pajjiżna għandha mnejn kienet tkun ferm differenti minn dik li hi llum. Għandu mnejn ma kienx ikollna Sette Giugno u lanqas Indipendenza u la Repubblika u lanqas Ħelsien. Naf li se jkun hemm min ma jaqbilx ma’ dan li għidt, imma ħabib, ipprova aħseb fuq l-ewwel triq ta’ San Tumas ta’ Akwinu. Jekk ma jkunx hemm l-ewwel ċaqlieqa jibqa’ kollox f’ postu u ma jitħarrek xejn. Minn dawn il-ħames kolonni, liema kienet l-ewwel li tħarrket?

San Tumas iwaqqa' l-kolonni 

Wieħed mill-akbar ħassieba tal-Knisja Kattolika huwa San Tumas ta’ Akwinu. Huwa magħruf għall-bosta kitbiet filosofiċi u teoloġiċi tiegħu, imma ma’ bosta huwa magħruf għall-ħames toroq li jagħtina biex naslu nifhmu li Alla jeżisti. Dawn ma humiex provi tal-eżistenza ta’ Alla imma huma toroq li jwassluk biex b’ mod razzjonali tasal taċċetta l-esistenza ta’ qawwa sopranaturali, dak li aħna nsejħulha Alla. L-ewwel triq li jagħtina dan il-qaddis fi ftit kliem tgħid: Kull ħaġa li titħarrek tagħmel hekk għax tkun tħarrekt minn xi ħaġa oħra u l-ewwel ċaqlieqa ssir minn mutur li ma jiċċaqlaqx imma jċaqlaq, dak li aħna nsejħulu Alla. B’dan il-kliem żgur li fejn konna bqajna, allura huwa jipprova jfisser din it-triq bi kliem eħfef. Jgħidilna li jekk ikun hemm ringiela kolonni waħda ħdejn l-oħra, ilkoll imbegħdin bl-istess distanza, u xi ħadd jinbotta l-ewwel kolonna, din taqa’ fuq it-tieni waħda u twaqqa’ lil din ukoll, kif taqa’ t-tieni waħda tmiss mat-tielet waħda u din taqa’ fuq ir-raba’ waħda u hekk kolonna wara kolonna jaqgħu kollha. Imma kieku ma kienx hemm dak ix-xi ħadd li ta l-ewwel imbottatura lill-ewwel kolonna, kieku kien jibqa’ kollox f’ postu u ma jitħarrek xejn. Eżempju iktar prattiku u li għandu mnejn anke intom ġieli għamiltu huwa meta jkollok sett tal-logħba dominos, tpoġġihom weqfin ħdejn xulxin bi spazju l-istess bejn biċċa u oħra. Meta tlestihom kollha twaqqa l-ewwel blokka u waħda wara l-oħra jispiccaw kollha mwaqqgħin. Din hija l-ewwel triq tal-qaddis Dumnikan.

Spiss jiġru ħwejjeġ f’ ħajjitna li nistħajjilhom isegwu din l-ewwel triq li semmejna. Tassew li l-għan ta’ San Tumas kien li jwassal lil dak li jkun għall-għarfien ta’ Alla, imma l-argument jista’ jiġi adattat għal sitwazzjonijiet oħra. Eżempju tixtri kompjuter u wara tinduna li jkun aħjar jekk tixtri mejda għalih u mal-mejda titħajjar tixtri wkoll siġġu bir-roti biex taħdem komdu fuqu. U meta jkollok dan kollu tara li jonqsok lampa sabiħa għal ħdejh. Kif ngħidu aħna l-Maltin: ħaġa taqla’ ’l-oħra.


Fr. Reno Muscat OP
In-Nazzjon 4 ta' April 2013