Għandi waħda qariba tiegħi li toqgħod Marsilja. Hija toqgħod
ġo flat fir-raba’ sular. Dejjem hemm kienet toqgħod u ma tridx tibdel darha u
tinżel fis-sular ta’ isfel. Xjaħet u baqgħet titla’ u tinżel erba’ sulari taraġ
għax fil-flats tagħha ma hemmx lift. Tgħidlek li aħjar tigranfa mal-ħadid
tat-taraġ u titla’ dak it-taraġ kollu milli jkollha n-nies fuqha. Imbagħad hemm
oħrajn li lanqas joħolmu li darhom ma tkunx fis-sular ta’ isfel. Sewwa jgħid
il-qawl Malti li Il-baqra tinbiegħ kollha, u mnalla huwa hekk għax nifrankaw ħafna nkwiet. Mhux qiegħed
ngħid fejn hu l-aħjar. Biex tkun taf fejn l-aħjar staqsi lil xi kappillan li
jkun qieħged ibierek xi housing estate.
Malajr jgħidlek kemm kien ikun aħjar li kieku d-djar kollha kellhom ikunu fis-sular
ta’ isfel.
Min jikmanda
Fid-dinja ta’ madwarna, fin-natura, wkoll insibu lil min hu fuq u lil min hu fuq
in-naħa ta’ isfel. L-iljun jikmanda l-ġungla imma l-bniedem kapaċi jrażżnu. U
l-bniedem ukoll jista’ jkun fuq u jista’ jkun isfel. Hemm min jikmanda u hemm
min ikun kmandat. Hemm l-imgħallem u hemm il-lavrant. Hemm ir-re u hemm
is-sudditu, hemm il-gvern u hemm iċ-ċittadin. B’hekk tkun tista’ tirrenja
l-armonija fid-dinja. Jinqala’ l-inkwiet meta min hu isfel jipprova jitla’ fuq
bla ma jkun jistħoqqlu jew meta ta’ fuq ma jkunx irid jċedi postu għal
ħaddieħor meta jkun il-waqt. Sfortunatament fid-dinja tal-bnedmin smajna u
għadna nisimgħu b’ bosta każi ta’ konflitti bejn ta’ fuq u ta’ isfel. Fid-dinja
tal-annimali li ma jirraġunawx din il-ħaġa qatt ma smajna biha.
Jien fuq u l-oħrajn
isfel
Dan il-ħsieb ta’ fuq u ta’ isfel ġie f’ moħħi waqt li kont
qiegħed niċċelebra il-quddiesa solenni tal-festa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi fi
tmiem Ġunju li għadda. Waqt din il-quddiesa il-bieb prinċipali tal-knisja kien
imbexxaq u b’hekk minn fuq l-altar stajt nara x’ kien qiegħed iseħħ barra, taħt
iz-zuntier. F’ ħin minnhom bdejt nara għadd ta’ armar tal-marċ għaddej.
Umbrella kbira, bnadar u nsomma apparat ieħor tal-briju flimkien mal-bandisti u
l-istrumenti tagħhom. U bejni u bejn ruħi għidt: “ Jien qiegħed hawn fuq
l-altar u dawn iż-zgħażagħ qegħdin hemm isfel taħt iz-zuntier. Fuq u taħt. Jekk
hemm wieħed jew waħda biss minn dawn iż-żgħażagħ li ma semax quddiesa biex
iqaddes jew tqaddes dan il-jum ta’ festa, ikollhom raġun dawk li joħduha kontra
l-festi meta jgħidu li l-festi tagħna saru festivals
ta’ paganeżmu. X’sens fiha li tiċċelebra festa bla ma tersaq lejn il-knisja
biex tipparteċipa fil-liturġija?
M’iniex nistenna li
kulħadd jattendi għall-quddiesa solenni li ssir f’ nhar il-festa filgħodu, imma
nafu li din ma tkunx l-unika quddiesa dakinahr. Qabilha jew warajha jkun hemm
quddies ieħor. Min ma jismax quddies u jmur jiċċelebra fil-marċ tal-festa jkun
mhux biss baqa’ isfel imma jkun niżel taħt il-livell normali. Għax il-festi
wara kollox huma festi reliġjużi, jekk neliminaw l-ambjent reliġjuż minnhom ma
jibqgħux verament festi imma jsiru festivals.
Jien isfel u l-oħrajn
fuq
Fit-3 ta’ Lulju mort il-konkatidral ta’ San Ġwann għall-ordinazzjoni
saċerdotali ta’ 9 żgħażagħ. Inzerta wkoll l-anniversarju tal-ordinazzjoni
saċerdotali tiegħi. Din id-darba jien kont isfel fil-korsija ma’ bosta
saċerdoti oħra u dawk li kienu sejrin ikunu ordnati kienu fuq l-altar. Tlieta
minnhom ilni nafhom snin twal, wieħed minnhom niftakru tifel isegwi l-kors
tat-teologija l-INSERM ir-Rabat. Fil-pawsa konna niġru ġirja biex nieħdu te u
żewġ pastizzi minn ħdejn il-villa Rumana, wara konna nkomplu l-lectures.
Imbgħad ma’ dawn it-tlieta kien hemm ieħor li sirt nafu kemm ilni ngħix Ruma. Tista’
tgħid konna ġirien, hu jgħix fuq naħa u jien fuq oħra tal-kolonnat ta’ Pjazza
San Pietru. Il-ħamsa l-oħra kien hemm min kont nafu minn wiċċu u kien hemm minn
ma kontx nafu. Dakinhar kienu kollha fuq l-altar biex jissieħbu fl-ordni
tal-presbiterat. Minn hawn insellem lil Glen, Stephen, Bernard, Leonard,
Charlon, Josef, Terance, Christopher u Ruben u nawguralhom ħafna ħidma hawn
isfel b’ risq Dak ta’ hemm fuq.
U ħsibt kemm Alla li jinsab hemm fuq ma jinsiex lill-Knisja
tiegħu li tinsab hawn isfel. Ftakart meta kont jien fil-post li kienu dawn
iż-żgħażagħ. Ftakart ukoll li mill-grupp li konna ġejna ordnati, il-Mulej kien
sejjaħ għal għandu wieħed minna. Wieħed minna ma baqgħax iktar hawn isfel imma
mar jiltaqa’ mal-Ħallieq hemm fuq.
Skont ir-riħ
U la bdejt b’ fuq u isfel ma nistax ma nsemmix li din
is-sena ma tantx nistgħu ngorru bir-riħ isfel. Sal-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju kien
riħ fuq u anke fil-bidu ta’ Lulju ma tantx qtajna nifisna bis-sħana li
normalment tagħmel f’ dan iż-żmien tas-sena. Madanakollu qrajt li Ġunju ta’
din is-sena kien iktar sħun mis-soltu. Forsi veru imma jiddependi mir-riħ, riħ
fuq itaffi l-qilla tas-sħana. Għax iIr-riħ ukoll daqqa jkun fuq u daqqa jkun
isfel, daqqa sħana li tħallik bla nifs u daqqa tkun ftit żiffa li thennik.
Donnu kollox għandu ’l fuq u ’l isfel tiegħu minbarra
qaribti li ma ttihiex miljun ewro u tibdel darha mis-sular ta’ fuq nett ma’ dar
fis-sular ta’ isfel!
Fr Reno Muscat OP