F’ dan
iż-żmien tas-sena jiżdiedu t-twissijiet biex jekk dak li jkun joħroġ u jkun
ser isuq ma jixrobx xorb alkolħoliku sabiex inaqqas il-periklu għalih u
għall-oħrajn. Dan huwa żmien li fih il-ħruġ jiżdied u mal-ħruġ jiżdied ukoll
il-konsum tal-alkoħol. Dawn il-jiem jgħaddu imma t-twissijiet tajjeb li
nżommuhom tul is-sena kollha.
Periklu fit-toroq
Li tkun fit-triq, issuq, riekeb
ġewwa karozza jew miexi diġa hemm għadd ta’ riskji. Waħda ħabiba tiegħi ftit
jiem ilu rrakkuntatli kif kienet fi triq ġewwa Ruma, fil-karozza mal-familja
tagħha u ħin bla waqt waqgħet siġra u ġiet fuq mutur li kien għaddej minn
l-istess triq. Is-sewwieq tal-mutur tilef ħajtu. Perikli bħal dawn imdawrin
bihom bla ma nintebħu. Fatt ieħor ġara lili ftit xhur ilu ġewwa Ruma wkoll.
Kont għaddej minn triq u bdiet tqattar ix-xita, erġajt lura biex inġib
umbrella. Buffura riħ waqqgħet persjana minn xi ħames sulari għoli u ġiet fuq
mara ftit metri bogħod minni. B’ xorti tajba din id-diżgrazzja ma kienitx
fatali u minkejja li l-mara ttieħdet l-isptar, intbagħtet lura d-dar wara fit
ħin. Bosta perikli oħra jinstabu fit-toroq tagħna u ma nistgħux neliminawhom.
Inżidu l-periklu
Minbarra l-konsum tal-alkoħol u
s-sewqan hemm każi oħra fejn il-periklu, għalina u għall-oħrajn, noħolquh aħna
stess. Kemm-il darba naraw peruni jsuqu l-karozza u fl-istess waqt jitkellmu
fuq il-mowbajl jew agħar minn hekk jibgħatu xi sms? Dawn huma atti illegali li
jiġu ippenalizzati meta dak li jkun jinqabad, imma l-pulizija u l-gwardjani
lokali ma jitgħux ikunu ma’ kull karozza. Fit-toroq tagħna faċli nitilfu
l-konċentrazzjoni meta nkunu qegħdin insuqu, biżżejjed tara riklam jew tilmaħ
peruna. Nistgħu nitilfu l-konċentrazzjoni tagħna u dik il-frazzjoni ta’ sekonda
tista’ tkun fatali għalina jew għal ħaddieħor.
Anke kelma mingħand persuna li tkun riekna magħna għandha mnejn
ittellifna. B’ dan kollu fit-toroq tagħna tajjeb li ma nkunux aħna li nżidu
l-periklu fit-toroq tagħna.
Festi bla xorb
Hawn min jaħseb li jekk ma
jinxtorobx xorb alkoħoliku ma jkunux iċċelebrati sewwa l-festi tal-Milied. Jien
ma nimmaġinax li toħroġ u tixrob biss ilma imma hemm soluzzjoni wkoll għal min
joħroġ u jsuq. Ftit ġimgħat ilu kont mistieden tieġ Malta. F’ bar minnhom kien
hemm għażla ta’ cocktails li bosta
minnhom ma kienx fihom alkoħol. Ħajruni nduq wieħed u jkolli nammetti li ma
ridx nemmen li ma kiex fih alkoħol għax kellu togħma tassew tajba. Jien m’inix
xi wieħed li niffrekwenta l-barijiet imma nemmen li xarbiet bħal dawn issibhom
fil-ħwienet tax-xorb li normalment bosta jfittxu fil-festi. Tkun idea tajba li
min se jsuq jixrob cocktail bla
alkoħol, wieħed, tnejn u anke tlieta jekk ikollu aptit, imma jkun moħħu
mistrieħ li jkun f’qagħda li jsuq u jasal lura d-dar, hu u dawk li jkollu
miegħu, qawwijin u sħaħ.
Mhux diffiċli nnaqqsu l-periklu
minn madwarna. Kieku kulħadd jagħti sehmu ikollna ħafna iktar paġni
fil-gazzetti mimlijin b’ aħbarijiet sbieħ minflok aħbarijiet li jniktuna. Ftit
ta’ rieda tajba kull ma hemm bżonn. Mhux matul il-jiem tal-festi biss imma
matul is-sena kollha għax il-periklu jinsab ma’ saqajna dejjem u kullimkien.
Fr. Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 28 ta' Diċembru 2013