domenica 15 dicembre 2013

Konta xiex ħadha Mandela?

L-Afrika ta’ Isfel huwa il-pajjiż li jinsab fil-ponta tan-nofsinhar tal-kontinent Afrikan. Huwa pajjiż li fih taħlita ta’ bosta kulturi, tradizzjonijiet, ilsna u ġnus. Huwa pajjiż b’ madwar wieħed u ħamsin miljun abitant. Huwa l-pajjiż li malli nisimgħu ismu dlonk niftakru fil-kelma li spiss konna nisimgħu fis-snin tmenin u disgħin “Apartheid”.  Din il-kelma tfisser firda, separazzjoni, diviżjoni, bejn dawk li huma ta’ lewn abjad u dawk li ma humiex ta’ dawn il-lewn.  Huwa l-pajjiż li jfakkarna wkoll fi bniedem li ġġieled kontra d-divizzjoni minħabba l-lewn tal-ġilda. Iva huwa l-pajjiż ta’ Nelson Mandela.

Lejn nofs is-seklu XVII l-Ewropej ħatfu f’ idejhom din il-parti tal-Afrika. Id-djamanti u d-deheb li din l-art toffri kienu ta’ attrazzjoni kbira biex il-bniedem tal-kontinent l-antik iħalli daru u jfittex xortih hemmhekk. L-istorja ta’ dan in-nazzjon hija mimlija konkwisti, taqlib u kolonizazzjoni. L-aħħar ħakkiem ta’ din l-art kien ir-Renju Unit. Matul il-mijiet ta’ snin li l-Ewropej għexu fl-Afrika ta’ Isfel bnew komunità kbira ta’ ‘bojod’ li spiċċaw dejjem jaħkmu fuq ‘is-suwed’ anke wara l-Indipendenza tal-pajjiż, madwar tmenin sena ilu, dawn baqgħu jaħmu għax kellhom dritt billi bħala ċittadinanza kienu Sud Afrikani, twieledu u kibru hemm minkejja li l-antenati tagħhom kienu Ewropej. Sfortuntament ‘il-bojod’ dejjem trattaw lill-parti l-oħra bħala l-parti tat-tieni klassi, il-parti tas-serje B.


Fit-18 ta’ Lulju, 1918 twieled Nelson Mandela, l-akbar kolonna kontra l-Apartheid. Mhux  l-iskop tiegħi li nikteb dwar il-ħajja ta’ dan il-bniedem li għadda 27 sena minn ħajtu fil-ħabs minħabba l-ideal tiegħu. Smajna ħafna matul dawn il-jiem. Imma tajjeb naraw kontra xiex ħadha Mandela. Għalfejn iġġieled, għalfejn issagrifika tant snin minn ħajtu.


Wara l-elezzjoni tal-1928 fl-Afrika ta’ Isfel kienu introdotti l-ewwel elementi ta’ diviżjoni bejn il-poplu imma ħdax il-sena wara din id-diviżjoni spiċċat. Matul it-tieni gwerra dinjija kien hemm grupp li jissimpatizza man-Nażisiti li beda jħeġġeġ il-filosofija tal-Apartheid. Mill-1948 bdew ħerġin liġijiet li poġġew din il-firda bħala l-liġi tal-pajjiż. Imma x’ kienu dawn il-liġijiet? X’ kien dak li jifred abjad minn iswed?

Fost il-liġijiet li jħeġġu l-Apartheid kien hemm dik li ma setax isir żwieġ bejn żewġ persuni ta’ kulur differenti. Liġi oħra kienet tgħid li att sesswali bejn persuni ta’ kulur differenti huwa reat li għandu jkun penalizzat. Ħarġet il-Population Registration Act, liġi li dak li jkun irid jirreġistra lill-uliedu skont ir-razza li minnha jkunu ġejjin il-ġenituri. Liġi oħra kienet tibrojbixxi li persuni ta’ razez mhux bojod milli jidħlu f’ ċerti postijiet urbani u liġi oħra li keinet tibbrojbixxi nies b’ ġilda sewda milli jużaw strutturi pubbliċi bħal swali fejn wieħed jistenna u saħansitra bankini. Liġi oħra kienet tħeġġeġ id-differenza razzjali fuq il-post tax-xogħol u kien aktar diffiċli li raġel mhux abjad isib xogħol. Saret liġi biex in-nies b’ġilda sewda jinġabru f’ getto. Minflok getto dawn il-postijiet kienu jissejħu Bantustan. Biex bniedem joħrog minn din iż-żona kellu bżonn il-passaport. Fuq kollox is-suwed ma setgħux jieħdu sehem fil-politika ta’ pajjiżhom. ( Keppel-Jones, Arthur South Africa: a short history, Hutchinson) Xejn għajr inġustizzja soċjali.

Kif qatt seta’ Mandela jħalli fommu sieket quddiem dan kollu? Kontra dan u iktar iġġieled, u għax ħadha kontra din l-inġustizzja huwa deher ikrah f’għajnejn il-mexxejja ta’ pajjiżu. Riedu jeħilsu minnu mhux minħabba xi reat li wettaq imma minħabba l-ideal tiegħu – il-ħelsien tal-poplu li għandu l-ġilda sewda fl-Afrika ta’ Isfel. Mandela sar sinonimu mal-ġlieda għad-drittijiet l-aktar bażiċi ta’ kull persuna umana. Ma kienux dawk ta’ lewn iswed f’pajjiżu biss li raw fih ħellies. Kien ta’ ispirazzjoni għal bosta gruppi li soffrew l-oppressjoni, l-inġustizzja, it-tbatija. Mandela huwa ikona fit-taqbida kontra r-razziżmu u għar-rikonoxximent tad-drittijiet tal-bniedem.

Mhux ta’ b’xejn li għexieren ta’ mexxejja minn madwar id-dinja kollha inġabru Johannesburg flimkien mal-folol kbar ta’ Sud Afrikani sabiex isellmu għall-aħħar darba lil dan l-istatista kbir, dan il-bniedem li rnexxielu jħalli d-dinja xi ftit aħjar milli sabha.


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Diċembru 2013





Nessun commento:

Posta un commento