Il-ħatra ta’ Dr.
Marie Louise Coleiro Preca bħala president ta’ Malta hija espressjoni ċara ta’
kemm il-mara mhux biss emanċipat ruħha f’ kull qasam tal-ħajja imma wkoll xhieda
tal-ugwaljanza li llum il-mara tgawdi f’bosta pajjiżi żviluppati bħal dak
tagħna. Illum insibu nisa li għandhom ħatriet għolja fil-kamp politiku,
ġudizjarju u anke kulturali jew sportiv. Hekk jixraq għax wara kollox il-mara
kienet maħluqa daqs ir-raġel. Imma hemm bieb li għadu magħluq għall-mara u
nemmen li se jibqa’ magħluq. Qiegħed nirreferi għas-saċerdozju tan-nisa
fil-Knisja Kattolika.
Saċerdotessi
Fir-reliġjonijiet
antiki il-kult tal-mara ma kienx imwarrab, anzi l-mara kienet meqjusa bħala
simbolu tal-kreazjoni, tal-fertilità. Il-Griegi kellhom allat nisa bħal Afrodite,
Artemis, Demeter u oħrajn. Dawn ir-reliġjonijiet kellhom ukoll mis-saċerdotessi
tagħhom. B’differenza għal dawn, il-fidi Lhudija qatt ma kellha saċerdoti ta’
sess femminili minkejja li hija reliġjon antika ħafna wkoll.
Kristjaneżmu
Minkejja li
Kristu kien Lhudi huwa kiser bosta drawwiet tal-poplu tiegħu. Kellu nisa
jaqduh, kien ikellem lil kulħadd, irġiel u anke nisa li kulħadd kien iqishom
bħala nisa ħżiena, midinba u x’naf jien. Kien ikellem mhux biss lin-nisa Lhud
imma għandna provi li għalih ma kienx hemm differenza bejn Sammaritani, Feniċji
jew Lhud. Imma jkollna nammettu li minkejja li kellu bosta nisa dixxipli li
jimxu warajh u jaqduh, huwa għażel 12-il raġel biex ikunu appostli.
Knejjes oħrajn
Knejjes Kristjani
imma li ma jappartjenux għall-Knisja Latina illum qegħdin jordnaw saċerdoti
nisa. Hawnhekk se nitfgħu l-melħ fuq ferita miftuħa beraħ. Bosta jgħidulna x’
differenza hemm bejn Knisja u oħra, mela Kristu mhux Knisja waħda waqqaf? Iva
tassew li Kristu waqqaf Knisja waħda imma biż-żmien kien hemm qsim u firdiet,
xiżmi u ħolqien ta’ Knejjes jew setet ġodda biex illum qegħdin fil-qagħda li
qegħdin. Inħallu f’ idejn l-Imgħallem biex jiġġudika!
Il-Knisja Latina
Jekk naħsbu li
fil-Knisja Kattolika ma hemmx min hu favur is-saċerdoti nisa nkunu qegħdin
niżbaljaw, imma bħal kull entità oħra il-Knisja għandha r-regoli u l-liġijiet
tagħha. Kontra dawn hemm dawk li jsotnu li fil-mument tal-konsagrazzjoni, meta
s-saċerdot jgħid “dan Hu Ġismi” u “dan huwa Demmi” dak il-ħin ikun Kristu stess, fil-fatt ma jingħadx dan
huwa l-ġisem ta’ Kristu imma “Ġismi”. U billi dak il-ħin is-saċerdot isir
Kristu ieħor u Kristu kien raġel, allura s-saċerdot għandu jkun raġel ukoll. Biex
jonqos id-diżgwid u t-taħwid fl-imħuħ, il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1994 ħareġ
l-ittra appostolika Ordinatio
Sacerdotalis li fiha jgħid bla talqlieq li jista’ jiġi ordnat saċerdot dak
li huwa ta’ sess maskil, adult u jkun mgħammed. Hawn ingħalaq il-bieb għal dawk
ħasbu li se nibdew naraw nisa bħala presbiteri, isqfijiet u min jaf kardinali u
forsi papessi wkoll.
Papa Franġisku
Billi l-Papa
Bergoglio huwa meqjuż bħala papa modern, dan l-aħħar erġajna bdejna nisimgħu li
jista’ jkun li l quddiemm ikollna saċerdoti nisa anke fil-Knisja Kattolika.
Imma lil dawk li bdew jaħsbu hekk, l-Arġentin malajr qatgħalhom l-għatx
bil-perżut għax fl-Eżortazzj
oni Appostolika tiegħu Evangelii Gaudium qal li l-Knisja ma għandiex il-poter li tordna
saċerdoti nisa.
Tassew li dan
jidher daqs li kieku huwa bieb magħluq għas-sess femminili, imma dan ma
jfissirx li l-Knisja ma tistmax lin-nisa. Hija biss prattika, liġi,
tradizzjoni. Mill-banda l-oħra fil-Knisja kien hemm u għad hemm bosta nisa li
għamlu ġid kbir minkejja li qatt ma kienu ordnati.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 12 ta' April 2014
Nessun commento:
Posta un commento