L-istorja l-kbira kompliet meta Pilatu
staqsihom: “Imma x’ għamel ħażin?” Huma
aktar bdew jgħajtu u jgħidu: “Sallbu!” Meta ra li kollox kien għalxejn ... telqilhom
lil Barabba u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh. Din kienet is-sentenza ta’ Ġesù, din kienet
xortih – Mewt! U x’mewt! Mewt ta’ kriminal, mewt fuq is-salib. Salib skandlu
għal-Lhud u blugħa għall-pagani. Iva hekk ried li li tkun tafu d-dinja. Ried li
jiftaħ dirgħajh beraħ fuq salib biex b’dirgħajh miftuħa jilqa’ l-umanità
kollha. Din hija x-xbieha tal-aktar bniedem magħruf. Bniedem imdendel ma’ zokk
ta’ siġra, imma iva, dan huwa l-Bniedem Alla.
Bla telf ta’ żmien sabu għuda,
middewha fuq spallejn Ġesù u qabbduh it-triq lejn il-qorriegħa. Iva fuq spaltu stess
Ġesù rafa’ salibu. Kien hu stess li qabel kien qal : “Jekk xi ħadd irid jiġi
warajja għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja”. U
l-folla daret miegħu. U l-folla daħqet bih. U l-folla maqdritu. U l-folla
għatxana għad-demm imxiet miegħu biex tara t-tmiem traġiku ta’ dan id-dramm
reali. U jien nimxi mal-folla għax jien ukoll irrid nara kif se jkun it-tmiem.
Iva naf li se jkun tmiem imdemmi, tmiem fuq salib, imma jien ukoll irrid inkun
parti mill-folla. Jien ukoll irrid nidħaq, nibki, nolfoq. Jien ukoll nagħmel
parti mill-folla. Jien ukoll irrid nimxi bis-salib fuq spalti.
Kull mixja, twila kemm hi twila,
tibda bl-ewwel pass. Pass tqil kien dak ta’ Kristu lejn il-Golgota. Mgħobbi
s-salib, wara tant swat, pass wara pass beda riesaq sabiex iwettaq dak li
għalih kien twieled. . . . "jiena
ma ġejtx biex naħkem imma ġejt biex inkun nista' naqdi". Dan kien kliem
tiegħu stess u issa sejjer joffri s-sagrifiċċju. Sagrifiċċju u vittma. U aħna
qegħdin hemm, mitlufin fil-folla, fost id-daħq, fost it-tgħajjir, fost il-biki,
fost dawk li għexu miegħu, fost dawk li semgħu kliemu, fost dawk li rawh b’
għajnejhom jagħti d-dawl lill-għomja, il-kliem lill-imbikkma, is-smiegħ
lit-torox u l-ħajja lill-mejtin. Hemm qegħdin aħna wkoll naraw lil Kristu
riesaq lejn it-tron tiegħu, lejn l-altar tas-sagrifiċċju. Se joffri lilu
nnifsu.
Il-ħajja ta’ Kristu hija minsuġa
ħaġa waħda mal-ħajja ta’ ommu Marija. Mit-tnissil għat-twelid, għall-ħajja pubblika
u issa fi triqtu lejn l-esekuzzjoni tiegħu Marija kienet dejjem hemm. Liema
fomm jista’ qatt isib kliem biex ifisser dak li ħassew il-qlub ta’ Kristu u ta’
ommu x’ ħin kienu f’ din il-qagħda. Liema kliem jista’ qatt jinkiteb biex
jispjega xi tħoss omm quddiem binha waħdieni sejjer għall-mewt. Liema pittura
qatt tista’ turi dak il-qsim ta’ qalb? Iva qsim ta’ qalb li kien imlissen sa
mill-ewwel jiem tat-twelid ta’ Ġesù. Hekk kien ħabbar Xmun fit-tempju: “se jkun
sinjal li jmeruh, - u int ukoll sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet
moħbija fil-qlub ta’ ħafna”. Is-sejf
issa kien dieħed fil-qalb tarija tal-Omm. Is-sejf issa kien qiegħed tabilħaqq
jinfed ir-ruħ ta’ dik li tatu l-ħajja. Is-sejf issa kien qiegħed iwettaq
l-aħħar parti ta’ ħidmietu.
It-triq tas-salib hija bħat-triq
tal-ħajja tagħna: Kultant insibu l-lixx, kultant l-imħarbat, kultant inkunu
nifilħu nimxuha u kultant inħossu li l-piż tas-salib li nkunu qegħdin inġorru
jkun tqil wisq għalina. Inħossuna deħlin fl-art bit-toqol li jkollna fuq
spallejna. Ċirinew irid ikun biex jgħinna. Iva Ċirinew li jidħol taħt salibi
biex jgħinni nkompli miexi pass wara pass jien ukoll lejn il-post imħejji
għalija. Ċirinew li mhux jerfali salibi meta jaqbel lilu imma meta nkun tassew
neħtieġu. Ġesù kien mgħejjun miċ-Ċirinew fit-triq tal-Kalvarju imma kultant
ikun hu wkoll Ċirinew għalija, għalik, għal dak u għal dik. Ċirinew li jerfa’
s-salib tagħna hu. Ċirinew li jaf x’jiġifieri t-toqol, jaf x’ inhi t-tbatija,
jaf x’inhu s-swat, jaf x’inhu l-mard. Għalhekk jerfalna salibna!
U waslu fil-post fejn kollhom
jaslu, Kristu għajjien, imbenġel,. . .
imsawwat, . . . . bla saħħa. Is-suldati ħadu l-ilbies ta’ Ġesù u qasmuh
f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika: din kienet
libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u
qalu: “Ma nqattagħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha”.
Ġesù kien imneżża mhux biss minn ħwejġu imma mid-dinjità tiegħu, mill-unur
tiegħu ta’ bniedem uman. Ġesù imċaħħad minn dak kollu li kellu tiegħu, ilbiesu!
Il-folla issa kienet infirxet. Kien hemm minn beża’ u mar issakkar f’daru. Kien
hemm min sogħob bih għax ċaħdu. Kien hemm min bkieh għax kien jaf li ma kienx
jistħoqqlu hekk. Kien hemm min induna li żbalja meta tradih għal ftit muniti.
Kien hemm min emmen. Imma madanakollu kważi kulħadd telqu u ħallih waħdu,
għeri, mneżża, bla ħwejjeġ, mitluq, agunija.
A misa n cruci. Meta waslu fil-post igħidulu l-Qorriegħa,
sallbuhom hemm, lilu u lil ħatja, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq
ix-xellug... Il-poplu kollu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew
jiddieħku b’Ġesù ...Is-suldati wkoll bdew igħadduh biż-żmien; u resqu lejh, u
newlulu nbid qares...Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa
s-sultan tal-Lhud”. Dan huwa il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li offra ħajtu
għan-ngħaġ tiegħu. U aħna mbegħda, lkoll
inħarsu lejn is-salib, miblugħin, lanqas irridu nemmnu dak li qiegħed jiġri
quddiema. Irridu ngħajtu; imma l-ebda
karba ma għandha ħerqa toħroġ minn ġo fommna. Irridu niġru biex ma nħossuniex
parti minn dan id-dramm traġiku li qiegħed jinħdem quddiemna; imma saqajna donnhom imsammra mal-art sabiex
naraw lil Kristu fuq is-salib. A misa n cruci. Kollox mitmum. Iva issa kollox huwa mitmum.
Għall-ħabta ta’ nofsinhar waqgħet
dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sat-tlieta, għax ix-xemx iddalmet. Il-velu
tas-santwarju ċċarat minn nofs. Imbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal;
“Missier f’idejk jien nerħi ruħi”. U kif qal hekk, ħarġet ruħu. . . . Kristu bla ħajja fuq is-salib jinsab
quddiemna. Iva rridu nagħlqu għajnejna biex ma narawhx, imma d-deħra ta’ Alla
mdendel mal-għuda ma tistax tmur minn quddiem għajnejna. Irridu nsoddu widnejna
biex ma nisimgħux lil min jikkundannana talli konna aħna wkoll imseħbin
mal-qattiela tiegħu. Irridu nneħħu s-sinjal tas-salib. Iva ma rridux naraw
aktar slaleb la fit-toroq la fid-djar la fl-iskejjel, IMKIEN.. . . . . Ma
rridux aktar slaleb! Imma kemm nistgħu tabilħaqq ineħħu s-salib li ta’ kuljum? Irridu
jew ma rridux aħna wkoll ikollna ngorru
salibna tul it-triq tal-ħajja? A misa n cruci. Salib int li kont saħta,
Salib, int li kont blugħa. Salib int li kont mistkerraħ minn kulħadd u issa
sirt it-tron tas-Salvatur. A misa n cruci.
Salib inti sirt fidwa.
Fr. Reno Muscat OP
Dawn il-ħsibijiet akkumpanjaw il-programm ta' marċi Funerbi bl-isem A Misa n Cruci imtella' mill-Banda Anici
Ħal Qormi 8 ta' April 2014
Nessun commento:
Posta un commento