Iż-żmien itir, iż-żmien ma jistenna ‘l
ħadd, iż-żmien isajjar il-bajtar, iż-żmien itwal miz-zalzett. Konxji mill-valur
taż-żmien, aħna l-maltin għandna għadd ġmielu ta’ qwiel u idjomi li jitrattaw
dan is-suġġett. Jekk niġu mistoqsijin x’ inhu ż-żmien, faċli nirrispondu li
ż-żmien huwa dak li jiġi mkejjel bl-arloġġ. Iżda din ir-risposta għad li fiha
nfisha hija tajba, tiġbor biss parti żgħira mit-tifsira taż-żmien. Santu Wistin
għandu frażi famuża dwar dan is-suġġett. Huwa kien qal: “Jiena naf x’ inhu
ż-żmien sakemm ħadd ma jistaqsini x’ inhu!” U tabilħaqq għandu raġun biex
ibigħ.
Jekk nieħdu ż-żmien psikologiku naraw li
l-bniedem jista’ jgħaddi minn żmien li metaforikament itir u jista’ jkollu
żmien li ma jkun irid jgħaddi b’ xejn. Iż-żmien tal-ferħ, it-tfulija u
ż-żgħożija huma żmien li jgħaddu bħal ħolma, imma mhux l-istess nistgħu ngħidu
għal bniedem li jkun jinsab f’ qiegħ ta’ sodda. Madanakollu il-jum huwa twil 24
siegħa għal kulħadd, izda għal min jgħaddu malajr u għal min ma jkunu jridu jgħaddu
b’xejn.
Għan-negozjant iż-żmien huwa flus. Kull
minuta tgħodd. U l-kapitaliżmu darriena din it-teorija u ħafna drabi tkaxkarna
mal-kurrent tagħha. Għall-filosfu ż-żmien huwa argument mill-aktar diffiċli u
huwa dak li jirreġistra dak kollu li jiġri fl-univers. Għax-xjenzat iż-żmien
huwa id-dawrien tad-dinja madwar ix-xemx. Għall-istoriku ż-żmien huwa l-mutur
li jiġġenera l-ġrajjiet biex tinbena l-istorja. Għal Alla ż-żmien ma jeżisitix.
L-eżistenza ta’ Alla ma hijiex fiż-żmien imma hija fl-eternita, bla bidu u bla
tmiem. Hekk jgħid is-salmista <<Elf sena huma għalik bħal jum
tal-bieraħ li għadda, jew bħal sahra tal-lejl.>> (Salm 90, 4)
Ninsabu fi żmien tas-sajf, u s-sajf Malti jnaqqas
sewwa ir-rutina tal-ħajja. Ninsabu fi żmien il-mistrieħ, iżda l-mistireħ ma
jfissirx għazz. Huwa tajjeb, anżi meħtieġ, iż-żmien tal-vaganzi, imma b’
daqshekk ma jfissirx li fil-vaganzi għandna nitfgħu kollox wara daharna. L-istudent
ma għandux jinsa l-istudju għax ftit jiem u l-iskola terġa tibda. Il-ħaddiem li
jieqaf għal ftit żmien minn xogħolu waqt li għandu jfittex il-mistrieħ tiegħu,
għandu wkoll jagħmel xi xogħol id-dar, liema xogħol ma jkunx jista jsir matul
is-sena. U fuq kollox waqt li nkunu bil-vaganzi ma għandniex insew l-obligi
religjużi tagħna.
Iż-żmien itir u ma jistenna ‘l ħadd.
Il-minuta li għaddiet hija passat u b’ xejn ma tista’ terġa’ tiġi lura. Kull
muvument jista’ jitreġġa lura imma ż-żmien ma jista’ jerġa lura qatt. Eżempju:
jekk nipparkja l-karozza ħażin u meta noħroġ minna ninduna bl-iżball, nista’
nerġa nidħol fiha u nirranġalha postha, imma iż-żmien li għadda ma nistax nerġa
lura fih. Għalhekk wieħed għandu jippjana żmien il-vaganzi sewwa għax dawn jgħaddu
malajr u jsiru parti mill-passat. U l-passat iġorr miegħu ir-riperkussjoni
għall-preżent kif il-preżent iġorr miegħu ir-riperkussjoni għall-futur.
Reno Muscat O.P.
Artiklu li deher f' In-Nazzjon f' Lulju 2006
Nessun commento:
Posta un commento