Il-fatti li ġraw dan l-aħħar u li
reġgħu wasslulna ġewwa djarna ismijiet li ftit aħna midħla tagħhom, bħal Ukrajna,
Krimea u Russja ġegħluni niftakar mhux biss f din il-parti tad-dinja imma wkoll
f’ xi avvenimenti oħra. Ftakart fil-gwerra tal-Krimea u f’ xi ħaġa li ġrat
l-ewwel darba f’din il-gwerra u li llum nistennewha li ssir kull meta
sfortunatament tfaqqa xi gwerra.
Gwerra tal-Krimea
Il-gwerra tal-Orjent, jew kif
nafuha aħjar, tal-Krimea bdiet fl-1853 bejn l-Imperu Russu taz-Zar Nikola I u
l-Imperu Ottoman, Franza, ir-Renju Unit u r-Renju ta’ Sardenja. Kollox beda meta Franza u r-Russja ma qablux dwar min
kellu jieħu ħsieb il-postijiet sagri tal-Insara li kienu jinstabu fit-teritorju
tal-Imperu Ottoman, li kien diġa beda riesaq ġmielu lejn it-tmiem. Meta
l-imperu Tork qabel ma’ dak li riedet Franza, ir-Russja attakkat lit-Turkija.
Iz-Zar qatt ma basar li t-Torok kienu sejrin jidħlu fi gwerra minħabba
raġunijiet mhux iżlamiċi, imma l-fatti kienu mod ieħor milli ħaseb iz-Zar. Franza
għenet lit-Torok imma dan ma kienx biżżejjed. Il-Gran Brittanja daħlet f’ din
il-gwerra minħabba l-biża’ li r-Russja tesaq lejn il-Mediterran għalhekk
ingħaqdet ma’ Franza. Aktar tard daħal
fil-gwerra ir-Renju ta’ Sardenja. Il-gwerra intemmet fl-1856.
It-Times
ta’ Londra
l-aktar gazzetta influwenti fl-Ingilterra bla dubju ta’ xejn minn dejjem
kienet it-Times. Din bdiet toħroġ
fl-1785 bl-isem ta’ The Daily Universal
Register imma tliet snin wara biddlet isimha għal TheTimes. Il-livell tal-gazzetta minn dejjem kien wieħed għoli u
l-importanza ewlenija kienet l-informazzjoni malajr lill-qarrejja. Fil-gwerra
tal-Krimea li qegħdin isemmu din il-gazzetta kisbet id-dritt li ħaddiem minn
tagħha jmur mas-suldati Ingliżi fuq il-kamp tal-battalja biex ikun jista’
jirraporta dak li jkun qiegħed iseħħ. Illum ma naraw xejn stramb f’ din
l-affari imma sal-1853 l-ebda ġurnalist ieħor, la Inġliż u lanqas mhux, qatt ma
kien mar jirrapporta x’ kien qiegħed jiġri fit-taqbid tal-eserċti tal-pajjiż.
William Russel
l-Irlandiż William Howard Russell beda jaħdem mat-Times ta’ Londra fl-1844,
meta kellu 24 sena. Kien żagħżugħ ħafif u mimli enerġija. Kien jiġri madwar
il-belt ta’ Londra sabiex jiġbor l-aħbarijiet interessanti li jkunu seħħew.
Id-diriġenti tal-gazzetta intebħu bil-ħila ta’ dan Russell u meta ġiet ix-xoqqa
f’moxtha bagħtuh mas-suldati fil-Krimea.
Bħalma kienet minn dejjem il-politika ta’ dan il-ġurnal Ingliż,
l-imparzjalità u l-indipendenza jiġu l-ewwel. Minkejja li Russell kien mar
il-Krimea mal-eżerċitu Brittaniku qatt ma ħasibha darbtejn biex jikkritika
lill-Ġenerali xjuħ li kienu jmexxu l-gwerra mingħajr ma kellhom tagħrif sewwa
fuq it-teknika tal-gwerra għal dak iż-żmien modern. L-għan tiegħu ma kienx li
juri kemm hu b saħħtu l-Imperu Ingliż imma li jwassal eżatt x’ qed jiġri. L-artikli tiegħu ma tantx ġibdu simpatija
tas-suldati Ingliżi u spiss kien isib ruħu maqlugħ il barra mill-gruppi
tagħhom. Kien ikollu jiekol waħdu għax ħadd ma kien ikun iridu ħdejh bil-biża
li dan il-ġurnalist joħodlu xi tagħrif minn moħħu u jġibu fl-inkwiet. Ħadd ma
kien iridu fit-tinda miegħu u għalhekk kellu jagħmel kwazi sentejn jorqod u
jgħix f’ tinda għalih waħdu.
Minkejja kollox Russel jibqa’ msemmi bħala l-ewwel korrispondent
tal-gwerra. Illum lanqas biss noħolmu li ġurnalist fil-gwerra jrid jgħix
mas-suldati.
Kienu l-fatti li seħħew dan l-aħħar li fakkruniu f’ dan il-bniedem li forsi
mhux magħruf wisq ma min mhux midħla tal-istorja tal-ġurnaliżmu, imma inti li
qiegħed taqra, bil-ġurnal f’idejk xieraq li tkun taf b’dan il-bniedem li ta’
sehmu għall-progress tal-ġurnaliżmu fid-dinja.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento