
Min jaħkimha
Spiss nisimgħu lil min jgħid li l-Innu Malti għandu
jinbidillu l-kliem “ min jaħkimha”. Xi wħud isosstnu li dan għandu jsir “min
imexxiha”. Imma nistgħu naqbdu u nbiddlu dak li rridu aħna? Jekk nazzardaw
nibdlu kelma waħda mill-kliem oriġinali li kiteb Dun Karm Psaila inkunu qisna
qbadna xi statwa jew xi pittura ta’ artist kbir u bl-iskuża tar-restawr, biddilna
kif għoġob lilna għax ngħidu li l-ħtiġijiet jew il-gosti tal-lum huma
differenti minn dawk ta’ meta kienet saret dik l-opra tal-arti. Kieku nagħmlu
hekk inkunu qegħdin nagħmlu bħal dak li kellu ż-żarbun iweġġgħu u minflok xtara
żarbun ieħor, qata’ s-swaba ta’ saqajh barra biex iż-żarbun jibqa’ jiġieh.
Tifsir tal-kelma
![]() |
Mikiel Anton Vassalli |
Il-kelma “ħakem”, li minnha ġejja wkoll il-kelma “ħakkiem”
jew “min jaħkimha” għandna t-tendenza li nassoċċjawha ma’ dik li hija tiranija
jew oppressjoni. Fil-verità it-tifsira tagħha ma hijiex hekk. Fil-Miklem Malti
ta’ Erin Saracino-Inglott il-kelma “Ħākem” ġejja mill-Għarbi u l-istudjuż
Franċiż François-Louis-Marcelin Beaussier jgħid li din il-kelma tfisser “juge, gouverneur, chef de village, espèce de
maire” jiġifieri imħallef, gvernatur, kap ta’ raħal, tip ta’ sindku.
Saracino-Inglott ikompli jgħidilna li t-terminu storiku huwa titlu għoli ta’
kap amministratur tal-gżira ta’ Malta mogħti mir-re fiż-żmien l-antik […].
Jgħidilna wkoll li skont Vassalli, “Ħākem” tfisser “Filosofo, uomo saggio e prudente, giudice, presidente dei giudici, […]
e siccome anticamente il governo e la somma potestà si affidava ai filosofi ad
agli uomini savi, cosi questi deputati a governare venivano chiamati Ħākem”. Ħassieb, raġel għaref u prudenti, imħallef,
president tal-imħallfin. U għax qabel il-gvern u l-poter kollu kien ikun mogħti
f’ idejn il-ħassieba u irġiel għorrief, dawn id-deputati li jigvernaw kienu
jissejħu Ħākem.
Meta niflu sewwa

Dun Karm
Il-kittieb tal-Innu Malti għex bejn l-1871 u l-1961. Nistgħu
ngħidu li bejn wieħed u ieħor kien kontemporanju ta’ Saraċino-Inglott u
għalhekk it-tifsira negattiva tal-kelma “ħakma” nimmaġina li kien jafha. Ma
rridux ninsew lanqas li l-Innu Malti inkiteb fl-1920, jiġifieri 55 sena qabel
ma kien ippubblikat il-Miklem.
![]() |
Dun Karm Psaila |
Imma anke jekk it-tifsira ta’ “ħakkiem” kellha s-sens
negattiv, qatt ma nista’ nimmaġina li Dun Karm kiteb innu forma ta’ talba fejn
jitlob għal min ikun qiegħed jgħakkes jew imexxi b’ mod ħażin lill-gżejjer
tagħna. Jiena nemmen li Psaila, meta kiteb il-kliem “min jaħkimha”, kellu f’
moħħu lil min imexxi, min jikmanda lil Malta, kellu f’ moħħu is-sens ta’
“Ħākem” bħalma kellu Vassalli. Anke jekk naraw it-traduzzjoni ta’ dan l-innu f’
ilsna barranin insibu li din il-kelma bl-Ingliż hija “rules”, bit-Taljan “governa”
u bil-Franċiż “dirigeants”. F’ dawn
l-ilsna bl-ebda mod ma jintuża nom li juri tiranija jew oppressjoni.
Jien u int
Irridu inkunu jien u int li kull meta nisimgħu l-kliem
tal-innu nazzjonali tagħna, fil-kliem “min jaħkimha” ikollna f’ moħħna lil min
imexxiha. Il-mexxejja mhux biss politiċi imma kull tip ta’ mexxej li lkoll
flimkien imexxu lil dinl-art ħelwa, l-omm li tatna isimha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tas-Sibt 27 ta' Settembru 2014