venerdì 24 luglio 2015

Meta taqbeż iċ-ċinga

Dahri meta xi ħadd kien jirrabbja xi ftit iż-żejjed konna ngħidu li bniedem tilef ir-raġuni, beda jara d-dlam, ma beda jara xejn quddiemu jew xi ħaġa simili. Illum f’ okkażjonijiet bħal dawn sirna ngħidu “taqbeż iċ-ċinga” jew sempliċiment “Taqbeż”. Issa li s-sħana tas-sajf ikkargat sewwa u nistgħu ngħidu li qegħda fl-aqwa tagħha, iċ-ċinga għandha tendenza aktar minn qatt qabel biex taqbeż!

Fil-kju
Taqbeż iċ-ċinga meta tkun ilek tistenna xi kwarta jew aktar fil-kju u jiġi xiħadd ħelu ħelu u jaqbeż il-kju u jinqeda qablek. Dawn il-każi jiġru spiss fuq il-waqfiet tal-linja. Tassew li aħna l-Maltin ftit li xejn nafu xi jfisser kju, imma ħafna drabi anke nies barranin iġibu ruħhom bħalna u ġieli anke agħar minna. U x’ ma taqbiżx iċ-ċinga mbagħad!

Każ riċenti fejn qabżet iċ-ċinga kien dak ta’ Daboma Jack, li seħħ bejn mara Maltija u raġel ta’ nazzjonalità Ungeriża. Bla ma nidħol fil-merti tal-każ nissogra ngħid li dan kien każ fejn iż-żewġ partijiet qabżitilhom iċ-ċinga u personalment neskludi kull sens ta’ razziżmu – kuntrarjament milli xandet il-media. Bejn is-sħana ta’ Lulju, bejn il-ħin mitluf, bejn ir-rassa, bejn il-ftit jew wisq ‘tiġiġiżmu’ li hawn min jaf jagħmel meta jsib ruħu fil-folla u nsomma, kollox ma’ kollox, qabżet iċ-ċinga.

Tallinja Card
Ħaġa oħra li f’ dal jiem qabbżet iċ-ċinga ta’ bosta kienet l-introduzzjoni tal-karta l-ġdida għat-trasport pubbliku. Supost kellha tkun karta intelliġenti imma milli rajna hija kollox għajr intelliġenti. Jien wieħed minn dawk il-ħafna li imlejt il-karta tiegħi bi €30. Suppost  is-sistema kellha taħdem li hekk kif tonfoq €26 tibqa’ tivjaġġa b’ xejn il-kumplament tax-xahar. Il-karta suppost intlliġenti tiegħi ma ħadmitx hekk imma baqgħet tnaqqas il-flus sakemm spiċċat vojta. Telefonati, diskors ma’ dak u mal-ieħor, uffiċini, e mejls u ma nafx x’ aktar. Kulħadd jibgħatek mingħand Kajfa għal għand Pilatu u ħadd ma jaf x’ jista’ jagħmel. Biex tgħaxxaq lid-dinja mort l-uffiċju ta’ tas-Sliema u nzerta li l-kompjuter ma kienx qiegħed jaħdimlu. Ftakart li jien saċerdot u żammejt iċ-ċinga f’ postha! Bil-qalb it-tajba mort l-uffiċju prinċipali u rranġajt hemmhekk, imma kelli naħli nofstanhar! Għandu mnejn li lil ħaddieħor ħaġa bħal din kienet tqabbiżlu ċ-ċinga.

Wara dan ħsibt bejni u bejn ruħi: Imma possibbli li Malta ma nafu nagħmlu xejn sew? Nibdew sistema ġdida għal kollox bla ma nagħtu żmien ta’ prova? Inħallu persuna waħdeha f’ uffiċju bla ma taf twieġeb għad-diffikultà tal-klijenti? Il-kliem ‘Ċempel il-Head Office’ hija tweġiba tajba għal bosta passiġġieri li sabu ruħhom fl-istess qagħda tiegħi jew f’ qagħdiet problematiċi oħrajn? Tista’ ma taqbiżlekx iċ-ċinga?

STOP li jmiss
Minn meta nbiddlu l-karozzi tal-linja, cioè, inbidlet is-sistema kollha, rotot, trakkijiet, xufiera, proprjetarji u l-bqija, bdejna naraw screen fuq tal-linja li jindikalna l-waqfa li jkun imiss. Barra min dan beda jinstema’ leħen ta’ mara jgħidlek fejn kien imiss tieqaf tal-linja. Qabel ma’ daħlet din is-sistema il-waqfiet ma kellhomx isem u min ma kienx ikun midħla tar-rotta kien ikollu jew jistaqsi jew jinżel f’ xi waqfa ħażina. Intant mill-1 ta’ Lulju li għadda, fuq xi trakkijeit tal-linja,  il-leħen ma smajtux aktar u fuq l-iscreen minflok il-kliem ‘Il-waqfa li jmiss’ bdew jidhru l-kliem ‘ Stop li jmiss’. Meta tkellimt ma’ persuna qaltli li dik saret minħabba t-turisti. Merejtha għax l-ewwel ħaġa jekk turist ma jifhimx il-kelma ‘Waqfa’ li nbidlet ma’ ‘Stop’ lanqas sejjer jifhem il-kliem ‘li jmiss’ li baqgħu ma nbidlux. It-tieni ħaġa, fuq l-iscreen jalterna il-kliem’ Stop li jmiss’ u ‘Next Stop’, mela għat-turisti hemm il-frażi bl-Ingliż. Xorta dil-persuna baqgħet tgħid li hi kellha raġun u allura għalaqt ħalqi għax ma ridtx li taqbiżli ċ-ċinga jew inqabbiżha lilha.

Qabżet iċ-ċinga tal-patri
Qrajt li kien hemm xi patri li sab karozza pparkjata quddiem il-garage tiegħu u għamel xi biċċa ġennata – qabżitlu ċ-ċinga bl-ikrah! Naf li dak li naqraw fuq l-internet ma huwiex Bibbja, imma jekk verament seħħ dan il-każ u dan il-patri tassew għamel dak li kien jgħid l-artiklu, allura dan juri l-umanità tal-patrijiet ukoll li huma wkoll għandhom limiti għall-paċenzja tagħhom u billi jilbsu ċ-ċoqqa ma jfissirx li huma xi ħaġa differenti mill-kumplament tal-bnedmin. Fi ftit kliem anke ċ-ċinga tal-patrijiet għandha mnejn taqbeż kultant! U jekk taqbeż tal-patrijiet taqbeż ukoll tal-qassisin u tas-sorijiet minkejja li bosta jaħsbu bil-kontra.

Il-kuntrarju jdejjaq lil kulħadd – cioè, iqabbiżha lil kulħadd. Tajjeb kieku nippruvaw inżommu l-kalma l-aktar issa f’ din is-sħana u tajjeb ukoll li ma nqabbżuha lil ħadd – nippruvaw imma ma naħsibx li ħija ħaġa ħafifa, għalkem mhux impossibli!


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 25 ta' Lulju 2015







sabato 18 luglio 2015

Sajf

Hawn min jgħidlek jixtiequ s-sena kollha, hawn min jgħidlek li aħjar ma jasal qatt, hawn min jistennih u hawn min jistenna tmiemu. Is-sajf huwa staġun kontroversjali ħafna li jew tkun tħobbu jew le. Donnu li dan l-istaġun ma għandux triq tan-nofs.

Ġurnata itwal
Fi ċkuniti qatt ma kont nista’ nifhem għalfejn in-nies tgħid li fis-sajf il-jum jitwal filwaqt li l-għalliema tal-iskola dejjem jgħidulna li ġurnata fiha 24 siegħa u qatt ma qalulna li hemm xi żmien fis-sena li dawn is-sigħat jiżdiedu. L-esperjenza tal-ħajja għallmitni dak li qatt ma staqsejt: fis-sajf id-dawl tax-xemx idum aktar idawwal lid-dinja u għalhekk ikollna aktar ħin ta’ attività.

Attività
Ladarba qegħdin insemmu l-attività ma nistgħux ma nsemmux lil bosta minna li matul ix-xhur tas-sajf jagħmlu attivitajiet bi skop nobbli bħal ġbir ta’ flus għal għaqdiet filantropiċi. Is-sajf joffri bosta opportunitajiet biex dak li jkun jiżviluppa t-talenti tiegħu u għandu mnejn ikun ukoll żmien fejn wieħed jiskopri xi talent li ma jkunx jaf li għandu moħbi.

Kien hemm żmien li l-akbar attività ta’ volontarjat fis-sajf kienet tkun il-maratona Solidarjetà bl-Isports. Din l-attività twaqqfet madwar 10 snin ilu u tat lok għal bosta maratoni oħrajn li sar ikollna f’ pajjiżna fix-xhur tas-sajf.

Turiżmu
Is-sajf huwa wkoll iż-żmien fejn jiżdied it-turiżmu f’ pajjiżna. Malta saret ċentru turistiku versatili għall-aħħar. Pajjiżna joffri possibilitajiet għal turisti differenti, minn żgħażagħ li jżuru pajjiżna biex jistudjaw l-ilsien Ingliż għal adulti li jiġu jgawdu l-baħar u x-xemx li n-natura żejnet lil Malta, kif ukoll toffri bosta għal dawk li jħobbu l-istorja. B’ dawn l-ingredjenti kollha is-sajf ta’ pajjiżna jista’ jogħġob lil kull min ikun jixtieq jagħmel btala ħelwa, ikunu xi jkunu l-gosti tiegħu.

It-turiżmu fis-sajf joffri wkoll opportunità ta’ xogħol għal bosta studenti li jkunu bil vaganzi tal-iskola. Huwa sewwa li studenti kbar jaħdmu matul is-sajf għax minbarra li jaqilgħu xi ħaġa tal-flus jitgħallmu wkoll il-valur tax-xogħol. Qiegħed ngħid għal studenti kbar li jifilħu jaħdmu. Neskludi minn dan l-argument it-tfal. It-tfal mhux posthom fir-ristoranti jew fuq il-bajjiet jikru l-umbrelel u l-pultruni ta’ ħdejn  il-baħar.

Bosta minn dan l-istudenti-ħaddiema żgħażagħ jaħdmu fi stabilimenti tal-ikel jew f’ lukandi. Hemmhekk ikollhom ukoll l-opportunità jiltaqgħu ma’ bosta turisti u forsi wkoll isiru ħbieb ma’ xi wħud minnhom.  

Konxji mill-ħsara
Meta kont għadni taħt l-20 sena kont nistenna s-sajf b’ ċerta ħerqa. Ta’ kull nhar ta’ Ħadd konna niltaqgħu grupp kbir u mmorru l-baħar.  Ta’ żgħażagħ li konna, il-kumpanija tal-ħbieb konna niekluha mal-ħobż u aktar ma konna nkunu aktar konna nieħdu gost. Ġieli konna nimlew karozza tal-linja sħiħa mill-belt sax-Xemxija. Konna ninżlu ngħumu fil-post magħruf bħala l-Fekruna. Hemm konna nqattgħu l-jum tal-Ħadd, ngħumu, nidħqu u l-kumplament li tistenna minn grupp ta’ madwar 40 ġuvni u tfajla. Konna ngħaddu sigħat taħt ir-raġġi tax-xemx tiżreġ u qatt ma ħsibna fil-ħsara li dawn ir-raġġi jagħmlulna. Ftit snin wara bdejna nisimgħu bit-toqba fis-saff tal-ożonu. Sa dak iż-żmien lanqas konna biss nafu li jeżisti dan is-saff. Illum ir-rapport tat-temp jgħidilna x’ qawwa se jkollhom ir-raġġi UV. Illum għandna prodotti li jibblokkaw lil dawn ir-raġġi milli jippenetraw fuq il-ġilda tagħna u jagħmlulna ħsara kbira. Qabel min kien jindilek kien jagħmel hekk biss biex jismar jew biex ma jinħaraqx bix-xemx jekk jaħsel ikollu karanġġjon bajdani.

Immorru l-baħar
Fis-sajf nistgħu wkoll immorru l-baħar f’ sens metaforiku. Immorru l-baħar meta l-istudenti jagħlqu l-kotba għal kollox u ma jmissuhomx b’ idejhom sakemm jerġa’ joqrob żmien l-iskola. Immorru l-baħar meta mmorru bar b q u ma nġibux ruħna ta’ nies iċċivilizzati, inħallu warajna ħmieġ u mbarazz. Immorru l-baħar meta fil-festi li niċċelebraw fis-sajf minflok niddeveru b’ mod onest u ċivili, ngħajru u noffendu li dawk li mhux mal-każin jew parroċċa tagħna. Immorru l-baħar meta ilbiesna ma jkunx adattat għall-post li nkunu fih. M’ ilux tlabt tfajla toħroġ mill-knisja għax kienet liebsa indiċenti  għall-aħħar. Skantajt kif hawn min lanqas jistħi joħroġ barra imneżża’ b’ dak il-mod aħseb u ara jidħol fil-knisja! U la qed insemmi l-knisja, ngħid ukoll li mmorru l-baħar meta fis-sajf ninsew li l-Ħdud sajfin huma wkoll il-jum tal-Mulej u ma nqaddsuhomx bil-quddiesa. Insomma din l-aħħar probelma ma hijiex biss tas-sajf imma saret problema tas-sena kollha.

Sajf: l-istaġun kontroversjali, l-istaġun li jew tħobbu jew titlob li jgħaddi kemm jista’ jkun malajr. Hu x’ inhu, tħobbu jew tobgħodu is-sajf, trid jew ma tridx,  jiġi ta’ kull sena.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 18 ta' Lulju 2015

 



sabato 11 luglio 2015

Il-Knisja u l-Ambjent

Żgur li ħafna minnkom smajtu bl-enċiklika Laudato Sì li l-Papa Franġisku għadu kif ħareġ. Franġisku jibda din l-enċiklika bil-kliem ta’ Franġisku ieħor – San Franġisk ta’ Assisi: Tkun imfaħħar Mulejja! , kliem meħud mill-kantiku ta’ San Franġisk fejn ifaħħar il-ħolqien. Meta naraw li bejn Franġisku ta’ Assisi u l-Papa Bergoglio hemm 800 sena dlonk nintebħu li l-Knisja minn dejjem kellha għal qalbha l-ambjent u n-natura.

San Franġisk
Fil-knejjes tagħna spiss inkantaw l-innu  li nkiteb fuq il-kliem ta’ San Franġisk. Araw ftit x’ kien kiteb il-fqajjar ta’ Assisi dwar in-natura, dak li lum insejħulu ambjent:

Ħallihom ifaħħruk il-ħlejjaq kollha,
u l-aktar id-dawl sfiq ta’ oħtna x-xemx
li twelled il-jum ġdid, u bl-isfa dija
turi, Mulej, li ogħla minnek m’hemmx.

Mulejja, tkun imfaħħar f’ħuna l-qamar,
fil-kwiekeb sbieħ ġo sema kbir, leqqien;
u f’ħuna r-riħ, fis-sħab, f’taqlib, fi bnazzi
li bihom tgħajjex, b’seħer, il-ħolqien.

Mulejja, ħa tkun imfaħħar f’ħuna l-ilma,
irżin u safi wisq, meħtieġ qatigħ;
u f’ħuna n-nar li jagħti d-dawl fl-iljieli,
sbejjaħ, kollu ħajja, qawwi, sħiħ

Tant kien iħossu qrib tan-natura li Franġisku jsejħilhom ħutu l-elementi tan-natura.

Il-Papa tan-natura
Sejjer insemmi qaddis li lkoll nafuh, sejjer insemmi lil San Ġwanni Pawlu II. L-imħabba u l-passjoni li Carol Wojtyla kellu għan-natura u l-ambjent jirrapreżentaw waħda mit-temi importanti tal-pontifikat tiegħu. Forsi ftit huma dawk li jintebħu kemm dan il-Papa ħallielna tagħlim – ħafna drabi b’mod indirett, dwar l-ekoloġija.

“Ħarsu lejn il-futur mimlijin tama, imxu bil-ħsieb li dan il-millenju nagħmluh żmien ta’ solidarjeta’ u paċi, ta’ mħabba għall-ħajja u ta’rispett lejn il-ħolqien ta’ Alla.” Dan il-kliem ma ntqalx li xi grupp ta’ xjenzjati jew ekoloġisti, imma huwa parti mid-diskors li kien għamel lilna lkoll nhar it-8 ta’ Mejju, 2001, waqt li kien fuq żjara f’ pajjiżna.

Konxju mill-problema ambjentali, fl-enċiklika Redemptor Hominis, fil-bidu tal-ministeru papali tiegħu, fl-1979 jiktbilna: “Il-bniedem tal-lum donnu jinsab mhedded minn dak li jipproduċi huwa stess, biex ngħid hekk mix-xogħol ta’ idejh stess u aktar u aktar mill-ħidma tal-intellet tiegħu. [...] Spiss il-bniedem fl-ambjent naturali ma jarax ħlief dik ix-xi ħaġa li taqdih, dik ix-xi ħaġa li qegħda hemm għall-użu tiegħu u xejn aktar. Imma r-rieda tal-Ħallieq hija li l-bniedem jaħdem id f’ id man-natura bħala s-sid u l-għassies intelliġenti u nobbli tagħha, u mhux bħala dak li jesplojtaha u jeqridha bla ħsieb ta’ xejn. [...] Ma aħna ngħidu xejn ġdid imma qegħdin insemmu l-ewwel messaġġ tal-Ħallieq lill-bniedem meta tah id-dinja biex jaħkimha.”

Papa Franġisku
Il-papa attwali huwa konxu kemm illum il-bniedem jaħseb fih innifsu biss u kważi kważi jiġi jaqa’ u jqum minn dak li jista’ jiġri għada. Araw x’ kiteb fl-enċiklika li għadu kemm ħareġ:

L-antropoċentriżmu modern, paradossalment, spiċċa biex qiegħed ir-raġuni teknika ’l fuq mir-realtà, għax dan il-bniedem m’għadux iħoss lin-natura bħala norma valida, lanqas bħala kenn ħaj.  Iħares lejha mingħajr ipotesi, oġġettivament, bħala spazju u materja li fihom jista’ jwettaq opra li fiha jilgħab kollox, u ma jimpurtax  xi jkun ir-riżultat. Hekk, ikun inaqqas mill-valur intrinsiku tad-dinja.  Imma jekk il-bniedem ma jiskoprix mill-ġdid il-post veru tiegħu, ma jifhimx sew lilu nnifsu u jispiċċa jikkuntradixxi r-realtà tiegħu nnifsu.  Alla mhux biss ta l-art lill-bniedem ħa jużaha bir-rispett kollu għall-iskop li għalih Alla taha lill-bniedem, imma l-bniedem innifsu hu wkoll don ta’ Alla lill-bniedem: għalhekk il-bniedem irid juri rispett għall-istruttura naturali u morali li biha hu mżejjen.

L-Arċisqof Scicluna
iż-Żonqor
Meta l-Arċisqof Scicluna tkellem u wera l-preokkupazzjoni tiegħu fil-kwistjoni tal-bini ta’ Żonqor Point qamu l-irwiefen kollha. Tkażajt b’ kummenti li ċerti nies kitbu fil-medja soċjali. Ċerti nies li tarahom minn ta’ quddiem iċapċpu u jerfgħu l-istatwi tal-madonni u l-qaddisin u mbagħad jiktbu kliem iebes kontra l-Arċisqof għax sempliċiment ma qabilx ma’ deċiżjoni li ħa l-gvern. U jien nistaqsi: Mela l-Arċisqof mhux ċittadin bħali u bħalek li għandu dritt iperreċċ l-opinjoni tiegħu? Kien hemm min qal li l-Knisja kien imissha għalqet ħalqha fuq din il-kwistjoni l-aktar meta għandha żewġ applikazzjonijiet għal bini f’ żoni protetti. Jien ma naqbilx li f’ żona protetta jsir bini, la mill-Knisja u lanqas minn ħadd, imma aħna nafu jekk humiex sejrin jibqgħu mexjin ’il quddiem il-pjani għal bini f’ dawn iż-żoni l-aktar issa wara l-enċiklika tal-Papa Franġisku? Jien nemmen li issa aktar minn qatt qabel il-Knisja sejra toqgħod attenta biex tibża’ għall-ambjent u mhux sejra tkun hi li tirrovina art li tinsab ’il barra minn żona għall-bini (ODZ).

L-ambjent hu għal qalb il-Knisja għax taf li huwa d-dar komuni tagħna u għalhekk irridu nibżgħu għalih u għalhekk titkellem u xi kultant tirfes anke xi kallu jew tweġġa lil xi ħadd. Imma dan huwa dmir tagħha.


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-11 ta' Lulju 2015








sabato 4 luglio 2015

Bla sabar ta’ xejn

Fis-snin li kont ngħix l-Italja kont ninnota li meta kien ikun qiegħed joqrob tmiem is-sajf, mal-ewwel żiffa ħafifa li kienet tinqala’, bosta kienu joħorġu bix-xalla mdawra ma’ għonqhom u jitfgħu ħwejjeġ itqal fuqhom. Issa li qiegħed Malta ninnota li mal-ewwel jum li t-temperatura togħla bi grad, ikun hemm min iqaċċat ħwejġu minn fuqu. Tabilħaqq żewġ estremi. Tassew li fid-dinja donnu ma fadalx mezzutemp u donnhom li l-istaġuni ma għadhomx erbgħa imma saru tnejn, jum inkunu liebsa l-flokkijiet bil-kmiem twal, l-għada nilbsu t-T shirt. Sirna ngħaġġlu żżejjed jew ma sar għandna sabar ta’ xejn? Qegħdin ninsew li kollox għandu ħinu u kollox għandu waqtu? Qagħadt naħseb ftit u ndunajt li mhux biss fl-ilbies ma nistennewx, imma f’ kull ħaġa li sirna nagħmlu.

Kabbarna t-tfal bil-għaġla
Niftakar fi ċkuniti konna nsibu ċans biex imorru l-iskola, immorru l-Museum, nilgħabu barra, u min kien irid kien isib ukoll ħin jistudja. Illum titkellem mal-ġenituri u jgħidulek li uliedhom ma għandhom ħin ta’ xejn. Tipprova tara x’ differenza hemm bejn il-ħajja tal-ulied tal-lum u l-ħajja li konna ngħixu aħna meta konna ta’ mparhom.


Jibdew isemmulek elf impenn li għandhom uliedhom illum, sports, żfin, arti marzjali, kant, scouts, privat, duttrina u ma nafx kemm-il attività oħra. Aħna konna nilgħabu, min kien dilettant kien imur jitrenja l-futbol, konna mmorru l-iscouts, imma konna nagħmlu kollox f’ ħinu f’ waqtu. Ħaġa wara ħaġa mhux kollox  f’ salt. Ma konniex naqbdu mitt tarf imma wieħed biss u nibqgħu fih. Illum le, illum it-tfal għandhom xogħol aktar milli jifilħu. Illum ingorru għax it-tfal ma fadlilhomx ħin ħieles, imma t-tort ta’ min hu, tagħhom jew ta’ min jokkupalhom kull minuta ħielsa li jkollhom? Agħar minn hekk huwa l-każ ta’ meta lill-uliedna ngħabbuhom b’ attività li nkunu għażilna aħna li għandha mnejn ma tkunx togħġob lit-tfal. Bosta drabi dan isir għax it-tifel jew it-tifla tal-ġara tagħmel dik l-attività, jew għax il-kuġin jew kuġina tattendi fit-tali post u nkunu rridu li uliedna jagħmlu bħalhom. Kabbarna t-tfal malajr u biex għamilna hekk kellna nisirqulhom tfulithom.

Ngħalqu l-Museum
Wieħed missier kien qiegħed jitkellem miegħi u qalli li binti ta’ xi 12-il sena dejjem għaddejja, skola, privat, Museum, banda, sports u ma nafx x’ semma’ aktar. Qalli li jkun aħjar kieku ma tmurx aktar il-Museum u t-tagħlim għall-Griżma tal-Isqof li dalwaqt sejra tagħmel, isir waqt il-lezzjoni tar-reliġjon fl-iskola. Mela ħin għall-Museum ma għandiex din it-tifla imma għall-banda kollox sew. Ma kienx ikun aħjar kieku dan il-missier stenna li bintu tagħmel il-Griżma tal-Isqof u wara tibda titgħallem il-banda? Għandi raġun ngħid li ma għandna sabar ta’ xejn? Lil dan il-ħabib staqsejtu x’ nagħmlu bil-Museum allura u weġibni li jekk ikun hemm bżonn jagħlqu! Kont sejjer nistaqsih għaliex għandhom jagħlqu l-oqsma tal-Museum u mhux il-każini tal-Banda, imma għalaqt ħalqi.

Minix kontra l-każini tal-Banda u min jafni jista’ jikkonferma dan, imma li nagħtihom importanza żejda huwa ħażin.  Nemmen li tfal taħt l-14-il sena posthom il-Museum u mhux f’ każin tal-Banda, f’ konkorsi ta’ kant, konkorsi ta’ sbuħija, sfilati ta’ moda.  Ladarba jikbru ftit ieħor ikunu jistgħu jibdew xi waħda minn dawn l-attivitajiet u jkollhom età biżżejjed biex jiddeċiedu huma liema attività jkunu jixtiequ jsegwu.

Dak li għandek tirgħan biegħu
Dan il-qawl antik Malti jrid jgħidilna li dak li għandek tagħmel fittex għamlu, imma ma rridux ninsew qawl ieħor Malti li forsi iktar magħruf: il-qattusa għaġġelija, frieħ għomja tagħmel. Meta nitkellem ma’ żgħażagħ, ma’ koppji li għadhom għarajjes dejjem insemmilhom dan il-qawl tal-qattusa. Ħafna minnhom jifhmuh mill-ewwel. It-tendenza bejn il-koppji saret ukoll bla sabar ta’ xejn, dak li jmissni nagħmel għada, nagħmlu llum bla ma noqgħod nistenna.

Ftakart f’ każ ta’ ħabib tiegħi. Kienet il-Ġimgħa l-Kbira u dan it-tali ltaqa’ ma’ ħabib tiegħu li kien Malta għall-btala. Ħadu grokk għax kienu ilhom snin kbar ma jiltaqgħu, u grokk iġib lill-ieħor  u tistgħu taħsu x’ ġara! Addio l-qdusija ta’ dak il-jum. X ħin rajt lil dan il-ħabib  qalli: “Jien xrobt bil-lest għal Nhar il-Ħadd!”

Kollox f’ ħin u f’ waqtu. L-għaġla żejda, f’ kollox ħażin. Is-sabar jista’ jiskansana milli niżbaljaw, irridu biss inkunu nafu nistennew.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Lulju 2015