sabato 28 novembre 2015

Tmewwiġ

Qatt kontu ħdejn il-baħar u qbadtu xi ftit ċagħaq u bdejtu twaddbuh fil-baħar waħda waħda? Kull ċagħqa li tmiss mal-ilma toħloq ċirku li għall-ewwel ikun ċkejken iżda jibda jikber sakemm jintilef fl-immensità tal-ilma. Dan l-effett li jsir fuq wiċċ l-ilma, bl-Ingliż jissejjaħ ripple effect. Bil-Malti għal ripple effect ġieli smajna min jgħid ‘effett anċillari’, imma jien se nsejjaħlu tmewwiġ għaliex hija kelma ġejja minn mewġ u għalhekk kulħadd jifhimha. Tiskanta kif bosta atti milli jseħħu f’ ħajjitna jkollhom l-effett ta’ tmewwiġ. Anke l-aktar ħwejjeġ bażiċi u li nagħmluhom spiss, jista’ jkollhom effett ta’ tmewwiġ.

Tmewwiġ  tal-kura
Anke fil-kura tal-aktar mard komuni nistgħu nsibu effett ta’ tmewwiġ. Jekk bniedem jieħu daqxejn ta’ riħ hemm ċerti mediċinali li ma jkunx jista’ joħodhom jekk ikollu xi kundizjoni oħra bħal ngħidu aħna pressjoni għolja jew diabete. Minħabba l-kura li dak li jkun  jieħu għal xi marda ma jkunx jista’ jieħu mediċina għall-marda l-oħra. Dan huwa każ komuni ta’ ripple effect.

Tmewwiġ taż-żwieġ
Koppja ħabiba tiegħi bdiet tfissirli kemm tinbidel il-ħajja mill-għada ta’ qamar il-għasel. Il-ġuvni u x-xebba kienu jsibu kollox lest id-dar. Ommu tgħajjatlu filgħodu biex tavżah li sar il-ħin biex iqum u jitlaq għax-xogħol, jinżel fil-kċina u kien isib il-kafè lest fuq il-mejda u l-basket bl-ikel għax-xogħol imħejji biex jieħdu miegħu. Hi kienet tiġi lura mix-xogħol u ssib l-ikel qiegħed isir. Huma marru qamar il-għasel u kienu qishom żewġ prinċpijiet. Kulħadd iservihom, filgħodu kolazzjon fil-kamra, f’ nofsinhar pranzu babaw fir-ristorant tal-lukanda fejn kienu u filgħaxija xi ħaġa ħafifa li wkoll kienu jsibuha lesta. Mal-ewwel jum li daħlu f’ darhom bħala koppja miżżewġa ħajjithom inbidlet u nqalbet ta’ taħt fuq. Hu bedajagħmel l-iżverjalin biex iqum, anzi għal wieħed tnejn għax ma huwiex dilettant tal-qawmien kmieni. Hi x’ ħin bdiet tiġi lura d-dar mix-xogħol bdiet tlesti l-borma għal filgħaxija. Jekk huwa jibqa’ rieqed ser ikollu l-inkwiet fuq ix-xogħol. Jekk hi ma ssajjarx, żaqqha u żaqq żewġha kienu jibqgħu vojta. Mhux għax hu ma jgħatix daqqa t’ id, imma hija s-sultana tal-kċina. Dawn huma effetti jew tmewwiġ li jġib iż-żwieġ. Forsi lanqas naħsbu dwarhom imma hemm qegħdin u min jgħaddi minnhom jgħidlek li mhux dawn biss huma l-effetti post matrimonjali.

Ħaġa li ġġib bosta effetti ta’ tmewwiġ hija s-separazzjoni ta’ koppja. Għall-ewwel iċ-ċirku jkun ċkejken, l-effett bejn hu u hi. Imma ma jdumx ma jikber, jidħlu l-ulied, il-ġenituri tal-koppja, in-nanniet, l-aħwa, il-ħbieb u ftit ftit iċ-ċirku li tkun għamlet iċ-ċagħqa f’ wiċċ l-ilma issir mewġa. In-nanniet jibdew jieħdu post il-ġenituri, meta jkun possibli għaliex illum għandna nanniet li jaħdmu u ma jkunux jistgħu jagħmlu dan u f’ każi bħal dawn jidħlu xi zijiet, aħwa jew ħbieb. Min ftit jew min ħafna kull min jiġi mdaħħal fiċ-ċirku, fit-tmewwiġ li jinħoloq minn din is-sitwazzjoni, ibati.

Tmewwiġ tal-biża’
Il-biża huwa emozzjoni li lkoll kemm aħna xi darba kellna esperjenza tagħha. Hemm biża’ u biża’. Hemm il-biża’ li tbażża’ biss lil xi ħadd, hemm ukoll biża’ li taffettwa lil kulħadd. Illum qegħdin ngħixu f’ biża’ tat-tieni tip li semmejt. L-attakki terroristiċi ta’ Pariġi ma affettwawx biss lill-Pariġini imma ħolqu biża’ madwar id-dinja kollha, anke eluf ta’ kilometri bogħod minn fejn ġraw l-attakki. Il-ħtif tal-lukanda fil-Mali ġimgħa wara l-attakki ta’ Pariġi jaffettwa mhux biss dik il-lukanda jew dik il-belt jew dak il-pajjiż iżda ċ-ċirku huwa wisq akbar. Dawn l-atti għandhom effett ta’ tmewwiġ kbir ħafna li mhux lakemm issib fejn hu l-limiti.

Dawn l-effetti negattivi jistgħu jkunu moħbijin, imma hemm ikunu. Ħabib tiegħi li jgħix Ruma qalli li l-folla għall-Udjenza Ġenerali tal-Papa, nhar l-Erbgħa ta’ wara l-attakki ta’ Pariġi kienet iċken minn dik li tkun is-soltu. Dan huwa wieħed mill-effetti: in-nies tibża’ tmur fejn hemm il-folol għaliex hemmhekk ikun hemm aktar ċans ta’ xi attakk. Din il-ħaġa għandha effett akbar minn dak li jidher. Kemm vjaġġi ma sarux għaliex dak li kien sejjer għall-udjenza biddel ħsiebu? Dan kollu jfisser telf ta’ flus.

L-atti terroristiċi ta’ Pariġi u ta’ Bamako jħallu effett negattiv fuq bosta oqsma. Issa li riesaq iż-żmien tas-safar, bosta jaħsbuha darbtejn jekk iħallux pajjiżhom fi żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Tassew li fejn iridek isisbek, imma wieħed joqgħod attent aktar minn qatt qabel. Dan il-biża’ jwassal biex dak li jkun ma jsifirx bil-konsegwenza li l-linja tal-ajru tnaqqas mill-bejgħ, il-kmamar fil-lukandi jibqa’ minnhom battala, ir-ristoranti jkollhom imwejjed vojta u l-ħwienet l-oħrajn inaqqsu mill-bejgħ li jkollhom is-soltu f’ dak iż-żmein tas-sena. Nuqqas ta’ xogħol jissarraf f’ telf ta’ mpjiegi. Dan huwa kollu ripple effect ta’ dak li ġara fid-dinja dawn l-aħħar jiem, effett li beda minn bliet u nfirex kważi madwar id-dinja kollha. Sewwasew kif jagħmel l-effett taċ-ċagħqa li tintefa’ fil-baħar.


Fr Reno Muscat

Dan l-artilu deher f' In-Nazzjon, 28 ta' Novembru 2015






sabato 21 novembre 2015

Ir-rarità tas-sens komun

Voltaire
L-għaref Franċiż François-Marie Arouet, imlaqqam u magħruf mad-dinja kollha bħala Voltaire, kien filosfu, awtur, li ħallielna kemm ħrejjef kif ukoll rumanzi u poeżiji, enċiklopedista, storiku u nsomma kien bniedem ta’ għerf kbir. Dan il-bniedem li għex bejn l-1694 u l-1778 kien ukoll aforista. Aforista huwa dak il-bniedem li jaf joħloq frażi qasira li fiha jkun hemm miġbur għerf kbir. Fost il-bosta aforismi ta’ Voltaire insibu l-famuża frażi “Le sens commun est fort rare”, jiġifieri is-sens komun huwa daqxejn rari. Spiss nara xi ħwejjeġ jiġru quddiemi u niftakar f’ dan il-kittieb u ngħid kemm għandu raġun! Ħalli nġibu xi ftit eżempji.

Żewġ ħwejjeġ fl-istess waqt
Niftakar ċar lill-bużnanna tiegħi tmur il-knsija u waqt il-quddiesa kienet toħroġ il-kuruna u tgħid ir-rużarju. Hi u dawk kollha li għexu fiż-żmien tagħha kienu mdorrijin jisimgħu l-quddies bil-Latin u ħadd minnhom ma kien jifhem xejn. Allura kienu jgħidu r-rużarju waqt li l-qassis kien iqaddes. Kien mingħalihom li qed jagħmlu opra tajba doppjament. Meta l-quddies beda jsir bil-Malti, dawn xorta baqgħu bid-drawwa li jgħidu r-rużarju waqt il-quddiesa. Kien żmien ieħor.

Il-bniedem hu kapaċi jagħmel aktar minn ħaġa waħda fl-istess ħin. Bniedem kapaċi jisma’ lil xi ħadd jitkellem u fl-istess waqt jikteb dak li jkun qed jisma’. Sa hawn kollox sew, imma jista’ wkoll jagħmel żewġ atti kontemporanjament bil-konsegwenza li tintilef il-konċentrazzjoni fuq xi att minnhom. Per eżempju kull filgħodu nara għexieren ta’ nies isuqu u jitkellmu fuq il-mowbajl. Din il-ħaġa tmur kontra l-liġi u hemm pieni għal min jinqabad jitkellem fuq il-mowbajl waqt is-sewqan. Madankollu bosta u bosta sewwieqa jinjoraw il-liġi u jagħmlu dawn iż-żewġ ħwejjeġ flimkien bil-konsegwenza li jista’ jseħħ xi inċident anke fatali. Iva s-sens komun ma jgħidlekx biex waqt is-sewqan ma tweġibx telefonati? Kemm għandu raġun Voltaire.

Bla passiġġieri
M’ ilux kont ħdejn ir-roundabout tal-Erba’ Qaddisin, Ħal Qormi, viċin il-Park and Ride tal-Marsa għal min ma jafx fejn. Rajt mijiet ta’ karozzi kollha bis-sewwieq, ovvjament għax waħedhom ma jimxux , u bla ebda passiġġier ieħor. Bosta kienu ġejjin mid-direzzjoni ta’ Ħaż Żebbuġ u s-Siġġiewi u oħrajn nassumi kienu ġejjin minn Ħal Luqa. Eluf ta’ postijiet vojta. Karozza li tesa’ erba’ persuni taqdi persuna waħda biss. Possibbli li m’ aħniex kapaċi ningħaqdu fi gruppi u ngħaddu għal xulxin aħna u sejrin għax-xogħol? Kieku kull tlieta jew erba’ kollegi jifthemu bejniethom li jmorru b’ karozza waħda u jalternaw bejniethom, kieku t-toroq ta’ pajjiżna jeħilsu tal-anqas min-nofs it-traffiku li jkun fihom  ta’ kull filgħodu u ta’ kull waranofsinhar. Possibli li ħaġa bħal din ma tistax issir jew qed naraw biċ-ċar li s-sens komun huwa xi ħaġa rari?

La qed insemmu t-toroq!
Ladarba qed insemmu t-toroq bla ma rridu niftakru fil-problema tat-traffiku. Kultant tiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet li jżidu t-traffiku minflok li jnaqqsuh. Ħa nagħti eżempju wieħed u nerġa’ nsemmi Ħal Qormi. Jekk karozza toħroġ minn Triq il-Ħelsien jew minn Triq il-Vitorja lejn Triq l-Imdina u tkun sejra lejn Ħaż Żebbuġ, din trid tinżel mijiet ta’ metri ’l isfel biex iddur u terġa’ titla lura.  L-istess ħaġa ssir jekk karozza tkun għaddejja minn Triq l-Imdina u tkun trid tidħol Ħal Qormi, jkollha ssuq mijiet ta’ metri oħra biex iddawwar. Bi ftit sens komun kienet issir fetħa quddiem Triq il-Vitorja u l-karozzi jduru minn hemm u b’ hekk jitnaqqas it-traffiku. Possibli li s-sens komun huwa rarità anke f’ dawk li jippjanaw it-toroq? Każi bħal dawn hawn ruxmata f’ Malta jekk wieħed joqgħod jagħti ftit każ. Possibli li Voltaire għandu raġun f’ dan ir-rigward ukoll? Jiddispjaċini imma naħseb li iva!

X’ sens?
Mela jekk dan is-sens mhux daqstant komuni, għalfejn jissejjaħ komun? Forsi hawnhekk il-kliem jista’ jiżvijana. Il-kelma Ngliża “Common”li nużaw għall-frażi “Common sense isn't so common” tista’ tfisser xi ħaġa sempliċi, mhux kumplikata kif ukoll xi ħaġa ta’ kulħadd, bħal ngħidu aħna daħla komuni għal għadd ta’ appartamenti. Is-sens komun iktar jappartjeni għat-tieni tifsira milli għall-ewwel waħda. Sens komun huwa dak is-sens li jkun l-istess f’ numru ta’ nies imma ma jfissirsx li hu sens sempliċi, għalkemm bosta drabi naraw li anke s-sens sempliċi jonqos minn xi grupp ta’ nies.
Billi d-dinja hija mmexxija mill-bnedmin, allura bilfors niltaqgħu ma’ nuqqas ta’ sens komun għaliex il-bniedem ma huwiex perfett. Kellu raġun Voltaire jgħid li s-sens komun huwa rarità jew għaġġibha xi ftit? Ma nafx, imma kultant meta nara ċerti ħwejjeġ jiġru quddiemi ngħid li kellu raġun u naqbel miegħu!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 21 ta' Novembru 2015





sabato 14 novembre 2015

Il-ħanut tal-merċa u s-supermarket

Illum il-ġurnata tħossok li ma tkunx qiegħed tgħix f’ dinja jekk ma tkunx imsieħeb ma’ xi media soċjali. Dan għaliex bit-teknoloġija tal-lum u bis-saħħa ta’ dawn il-mezzi nistgħu nibqgħu f’kuntatt mhux biss ma’ sħabna imma mad-dinja kollha. Illum aħbar taslilna immedjatament fuq il-mowbajl u ħadd ma joqgħod jistenna l-aħbarijiet tar-radju jew tat-televiżjoni biex jisma’ jew jara x’ ikun seħħ. Wieħed mill-aktar social media popolari huwa Facebook. Jien ukoll ilni bosta snin fuq Facebook u nista’ ngħid li l-aħbarijiet insir nafhom minn fuq dan il-mezz. Fuq Facebook jintefa’ minn kollox mhux aħbarijiet biss, jintefa’ imbarazz u jintefa’ wkoll kliem bis-sens. Dan l-aħħar, wieħed ħabib tiegħi tefa’ post li kien jgħid hekk “Meta tmur tixtri minn ħanut żgħir ma tkunx qiegħed tgħin lil CEO (chief executive officer) jixtri t-tielet dar tal-vakanzi tiegħu. Tkun qed tgħin tifla ċkejkna tmur il-lezzjonijiet taż-żfin, tifel żgħir jakkwista l-flokk tat-tim tiegħu, omm tpoġġi l-ikel fuq il-mejda, missier iħallas is-self jew student iħallas il-kulleġġ.”  Ikolli nammetti li dan il-kliem qanqalni u ġegħelni naħseb dwaru mhux ftit.

Il-ħwienet tal-merċa
Biex nieħdu eżempju insemmu biss il-ħanut li tant kien popolari mal-Maltin sa ftit snin ilu, il-ħanut tal-merċa. Illum il-ħanut tal-merċa tilef l-għixien tiegħu. Nabbuża ngħid li ż-żgħażagħ tal-lum lanqas jafu xi jkun ħanut tal-merċa. Għal din il-faxxa ta’ nies ngħidulhom li dan ma hu xejn għajr il-ħanut tal-grocer. Illum il-ħanut tal-merċa tilef il-popolarità tiegħu u kważi kważi miet għal kollox. Niftakar fi tfuliti, qrib id-dar tal-ġenituri tiegħi kien hemm tliet ħwienet tal-merċa f’ inqas minn ħamsin metru. Illum l-ebda wieħed minnhom ma għadu miftuħ. Illum ix-xirja saret issir mis-supermarket u ma ssirx kuljum imma ssir darba fil-ġimgħa jew anke darba kull ħmistax. Mill-ħanut tal-merċa jinxtara biss il-ħobż u l-ħalib ta’ kuljum, għalkemm illum insibu ħalib li jista’ jinxtara u jinżamm għal tul ta’ żmien u ħawn min jiffriża l-ħobż; u hawn min il-ħobż qatt ma ssibu mniżżel fil-lista tax-xiri tiegħu għax ma jieklux.

Il-ħanut tal-merċa kellu ċerta intimità mal-klijenti. Niftakar meta kont immur f’ wieħed mill-ħwienet tal-merċa li kien hemm qrib id-dar tagħna, il-mara ta’ wara l-bank kienet tistaqsini għal min kien ikun dak li kont inkun ser nixtri. Ma kontx nifhem għalfejn tistaqsini imma biż-żmien tgħallimt li jekk ix-xirja tkun għal ommi, din kienet tixtri prodotti ta’ ditta u jekk kienet tkun għan-nanna, din kienet tuża prodotti ta’ ditta differenti u għalhekk sid il-ħanut kienet tagħtini skont ma kienu jieħdu s-soltu ommi jew in-nanna. Din il-ħaġa kienet possibbli għax kien hemm dik l-intimità bejn tal-ħanut u l-klijent. Fis-supermarket din l-intimità ma ssibiex, anzi hemmhekk tagħżel int xi trid, titfa’ fil-qoffa u mbagħad tmur tħallas lill-peruna li lanqas biss tkun taf x’ jisimha.Din hija biss waħda mid-differenzi bejn il-ħanut tal-merċa u s-supermarket. Hemm oħrajn, imma ejjew nieqfu hawn.

Tajjeb insemmu li llum bosta familji għandhom ir-raġel u l-mara jaħdmu barra mid-dar it-tnejn li huma u ma għandhom mnejn li jerġgħu lura d-dar mix-xogħol meta l-ħanut tal-merċa jkun ilu li għalaq. Is-supermarket jibqa’ miftuħ ħinijiet itwal sabiex min idum ix-xogħol ikun jista’ jagħmel ix-xirja tiegħu wkoll. Koppji bħal dawn bilforsi li ma jirfsux l-għatba tal-ħanut tal-merċa.

MaKdonaldiżmu
Kemm-il darba smajna bi kliem bħal globalizazzjoni jew il-villaġġ globali. Illum imkien ma għadu bogħod. Illum id-dinja donnha saret raħal wieħed. Illum qegħdin nisimgħu bi kliem bħal Makdonaldiżmu jew kultura tal-Coca Cola. Dawn huma kliem li ġejjin mill-ismijiet ta’ ditti multinazzjonali li l-prodotti tagħhom tista’ ssibhom tmur fejn tmur fid-dinja. Sewwa jekk tkun New York, sew jekk tkun Londra, Pariġi, Ruma, Tas-Sliema jew xi post ieħor, għandek issib xi prodotti li huma l-istess. Mhux qed ngħidu biss għall-ħobża bil-hamburger jew għax-xarba popolari biss, illum tista’ ssib l-istess prodott tkun fejn tkun fid-dinja. Bosta ħwienet huma katina waħda (chain) u ssibhom imxerrdin mad-dinja kollha. B’ din is-sistema il-ħanut tal-merċa ftit li xejn għandu tama li jsalva mill-għarqa. Barra minn hekk ir-reklamar jgħallem. Xogħol ir-reklamar huwa li jġegħlek tħossok fil-bżonn ta’ xi oġġett li fil-verità ma jkollokx bżonnu. U ladarba isir ir-reklamar, dak li jkun jitħajjar u jrid isib min fejn jixtri dak li jkun tħajjar għalih, u bosta drabi dan ikun jista’ jinxtara mis-supermarket.

Nerġa’ niġi għall-post li tefa’ l-ħabib tiegħi fuq Facebook. Naqbel miegħek u nifhmek, imma wisq nibża’ li l-ħajja li qed ngħixu llum ma tantx fadlilha post għan-negozji ż-żgħar. Hija ħasra u jiddispjaċini, imma qed ngħid dak li naħseb u dak li nara b’ għajnejja. Mill-banda l-oħra s-supermarket iħaddem numru kbir ta’ nies li bis-saħħa ta’ xogħolhom ikunu jistgħu jibgħatu lil binthom titgħallem tiżfen, jew lil binhom jixtrulu l-flokk tat-tim tiegħu. Din hija realtà kiefra – realtà li fakkritni fil-frażi Latina, Mors tua vita mea, jiġifieri, il-mewt tiegħek hija l-ħajja tiegħi.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 14 ta' Novembru 2015






sabato 7 novembre 2015

Ix-xahar tal-erwieħ, ta’ San Martin u aktar

Għalina x-xahar ta’ Novembru huwa il-ħdax-il wieħed matul is-sena. Dan għaliex aħna nużaw il-kalendarju Gregorjan. Isem dan ix-xahar ġej mill-kelma Latina Novem li tfisser disgħa għaliex fil-kalendarju Ruman antik, Novembru kien id-disa’ xahar tas-sena. Għal bosta minna dan ix-xahar huwa marbut mal-erwieħ, ċimiterji, qraba u ħbieb mejtin, imma Novembru mhux mejtin biss.

Żjara liċ-ċimiterji
Matul dan ix-xahar jiżdiedu ħafna ż-żjajjar liċ-ċimiterji. Il-Knisja Kattolika tagħti l-indulġenza plenarja lil dawk li f’ xi jum bejn l-1 u t-8 ta’ Novembru jżur xi ċimiterju u jitlob għall-erwieħ. Iż-żjajjar liċ-ċimiterji aktarx isiru bħala rispett lejn dawk li għaddew għall-pass li jmiss qabilna. Iċ-ċimiterju huwa post għażiż ħafna għaliex nafu li hemm jinstabu l-fdalijiet tal-familjari tagħna mejtin, ta’ ħbiebna, tal-għeżież tagħna. Mhux ta’ b’ xejn li ftit ġimgħat ilu bqajna xxukkjati meta smajna b’ xi atti li ġraw fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Bilfors, hemmhekk hemm xi ħadd jiġi minna, hemmhekk kulħadd għandu lil xi qarib.

Ir-rispett lejn dawn il-postijiet ma hijiex biss minn dawk li huma Kattoliċi, imma kull tip ta’ twemmin reliġjuż għandu stima u qima lejn il-post tas-serħan.

Qabel ma beda l-Kristjaneżmu, il-post fejn kien isir id-dfin kien jissejjaħ Nekropoli, kelma li ġejja mill-Grieg, Nekros li tfisser mejjet u Polis, li tfisser belt. Il-post tad-dfin kien jissejjaħ bħala l-Belt tal-mejtin. L-Insara bdew isejħu l-post tad-dfin Ċimiterju,li ġejja mill-kelma Griega koimetérion li tfisser post tal-mistrieħ. L-Insara biddlu anke l-ħsieb tal-mewt, fiċ-ċimiterju l-mejjet jitpoġġa għas-serħan biex jerġa’ jqum. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-qaddisin kollha u l-għada tiċċelebra l-Għid tal-imwiet. Għalhekk ix-xahar ta’ Novembru huwa magħruf minn ħafna bħala x-xahar tel-erwieħ.

Ġewż, lewż, qastan, tin
Fil-11 tax-xahar niċċelebraw il-festa ta’ San Martin ta’ Tours. Fi ċkuniti konna nistennew bil-ħerqa dan il-jum biex nirċievu borża tad-drapp mimlija b’ bosta frott frisk u frott niexef u ħbejża ċkejkna b’ lewża fuqha. Ta’ tfal żgħar konna spiss inkantaw it-taqbila popolari “Ġewż, lewż, qastan, tin; kemm inħobbu ’l San Martin!” F’ dan iż-żmien tas-sena il-frott niexef bħal ġewż, ġellewz, lewż, ġewż tal-indi, tin niexef u tin taċ-ċappa, jibda jerġa’ jidher fis-suq u għalhekk nassoċċjawh ma’ San Martin. Fl-Italja nhar San Martin jibda jinxtorob l-inbid il-ġdid, San Martino vino nuovo jgħidulek. Jgħidu wkoll A San Martino ogni mosto diventa vino jiġifieri li f’ San Martin kull meraq tal-għenba jkun sar inbid, u fil-fatt dakinhar kull familja Taljana tixtri inbid ġdid u sservih mal-ikel ta’ nofsinhar.

Is-sajf ta’ San Martin
Ladarba qed insemmu lil San Martin insemmu wkoll li hemm ftit jiem lejn nofs ix-xahar ta’ Novembru li nsejħulhom is-sajf ta’ San Martin. Illum bilkemm għadna nindunaw bil-bidla għaliex il-klima tbiddlet u kważi kważi sa nofs Novembru nkunu għadna għaddejjin bil-jiem sajfin. Iżda qabel kien mod ieħor, donnha x-xita kienet tibda lejn tmiem Settembru jew il-bidu ta’ Ottubru u meta f’ nofs Novembru kienu jagħmlu xi ftit jiem bnazzi konna ngħidu li wasal is-sajf ta’ San Martin. L-Ispanjoli u t-Taljani jsejħu dan il-fenomenu bħalna filwaqt li l-Franċiżi u l-Ingliżi jsejħulu s-Sajf Indjan. Hu x’ inhu, jismu x’ jismu donnu li kulħadd jifraħ u jgawdi ftit jiem bnazzi wara li jkun beda xi ftit tal-bard. Aħna l-Maltin il-bard ikun għadu bogħod minna u għalhekk aktar nifirħu bil-borża ta’ San Martin milli bis-sajf tiegħu!

Jum ir-Radd ta’ ħajr
Ġewwa l-Istati Uniti, kull raba’ Ħamis tax-xahar ta’ Novembru jiġi ċċelebrat it-Thanksgiving day. Kien il-President Abraham Lincoln li fl-1863 iddikkjara dan il-jum bħala btala pubblika biex fiha jintradd ħajr lil Alla għall-ħsad u għall-frott li jkunu taw l-uċuħ tar-raba. Dakinhar hemm id-drawwa li jittiekel id-dundjan.

Tmiem is-sena
F’ Novembru bosta drabi tintemm is-sena liturġika tal-Knisja u fl-aħħar Ħadd tas-sena Liturġika tkun iċċelebrata l-festa ta’ Kristu Re. Din il-festa twaqqfet mill-Papa Piju XI fl-1925 u kienet tkun iċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru. Wara l-Konċilju Vatikan II din il-festa bdiet tkun iċċelebrata fi tmiem is-sena liturġika. Tmiem is-sena liturġika jfisser ukoll bidu ta’ sena liturġika ġdida. Is-sena liturġika ġdida tibda bl-Avvent li jwassalna sal-Milied.

Ma rridx ninsa ngħid ukoll li f’ Novembru wkoll niċċelebraw Jum ir-Raġel. Jekk fit-8 ta’ Marzu d-dinja tiċċelebra Jum il-Mara, fid-19 ta’ Novembru niċċelebraw Jum ir-Raġel. Mhux jum magħruf wisq, imma tal-inqas hemm jum iddedikat għalina l-irġiel ukoll. Ix-xejn xejn, anke jekk il-jum li taw lilna hu fix-xahar tal-mejtin, imma ejjew ma ngergrux, ix-xejn xejn!


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 7 ta' Novembru 2015.