lunedì 28 dicembre 2015

Dun Gianello Cilia

Kappillan ta’ Ħal Qormi, Eroj u Martri tal-Assedju l-Kbir


Is-sena 2015 hi s-sena li fiha tfakkar l-450 anniversarju tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Din it-taqbida li saret bejn l-Imperu Ottoman u l-Kavallieri ta’ San Ġwann, flimkien mal-Maltin, seħħet sewwasew fl-1565, żmien li d-dinja bdiet tara tibdil u tiġdid. Ta’ importanza partikolari għalina l-Qormin huwa l-fatt li bosta mill-ġlied seħħ f’ territorju tal-parroċċa ddedikata lil San Ġorġ Martri u l-fatt li din l-istess parroċċa tilfet lill-kappillan tagħha fit-taqbid.

Mappa tal-Assedju l-Kbir
Nhar it-Tlieta, 18 ta' Mejju, 1565 dehret fuq ix-xefaq tal-baħar tagħna, il-flotta Ottomana mmexxija minn Pijali Paxà bħala Ammirall tal-flotta, Mustafà Paxà bħala Ġeneral tat-truppi u Dragut bħala Kmandant. L-Ottomani niżlu l-art b’40,000 suldat u tellgħu t-tined tagħhom fil-kampanja. L-ikbar numru ta’ tined kien fil-wita tal-Marsa u t-tarf ta’ Ħal Qormi. L-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann kien immexxi mill-Gran Mastru Jean Parisot de Valette. De Valette kellu biss madwar 9,000 suldat, li minnhom 592 kienu kavallieri u l-kumplament irġiel Maltin, fosthom għadd ta’ Qriema. [1]

Dan iż-żmien li qegħdin insemmu kien ukoll żmien importanti għall-Knisja Kattolika. Kien għadu kif intemm il-Konċilju ta’ Trentu. Dan kien dam mill-1545 sal-1563. Kien l-itwal konċilju fl-istorja tal-Knisja; mill-ftuħ tiegħu sakemm wasal għat-tmiem kienu għaddew 18-il sena, b’ bosta waqfiet bejn sezzjoni u oħra.[2] Kien konċilju li tratta l-firdiet fil-Knisja ta’ Kristu; bħal dawk tal-akbar riformisti Martin Luteru (1483 – 1546) u Ġwanni Kalvinu (1509 – 1564). Il-konċilju beda l-kontra riforma u aġġorna kemm seta’ l-Knisja. Ordna li jitwaqqfu s-seminarji biex jieħdu ħsieb il-formazzjoni tas-saċerdoti futuri. [3]  Kien il-konċilju li kkonferma liema kienu l-Kotba li jiffurmaw il-Bibbja Kattolika[4]. Matul is-snin ta’ dan il-konċilju l-Knisja kellha ħames Papiet: Pawlu III (1534 – 1549), Ġulju III (1550 – 1555), Marċell II (1555 – 1555, dam biss 21 jum Papa), Pawlu IV (1555 – 1559) u Piju IV (1559 – 1565). Dan il-konċilju ordna wkoll li jibdew jinżammu r-reġistri fil-parroċċi, reġistri ta’ kemm jitwieldu nies, jitgħammdu, jiżżewġu u jmutu, kif ukoll dawk li kienu josservaw il-preċett tat-tqarbin[5]. Dawk il-kotba huma dak li kien u għadu jissejjaħ Status Animarum. Fi tmiem il-Konċilju ta’ Trentu il-parroċċa Qormija kellha lil Dun Gianello Cilia bħala mexxej. Huwa beda jżomm l-informazzjoni dwar il-parruċċani, sewwasew kif talab il-konċilju. Fil-fatt l-ewwel reġistru minn dawn li nsibu fil-arkivju tal-parroċċa Qormija huwa tas-sena 1563. Dun Gianello Cilia beda jmexxi l-parroċċa ta’ Ħal Qormi fl-1560 minkejja li ma laħaqx kappillan. Il-ħatra tiegħu bħala kappillan ta’ San Ġorġ saret nhar it-Tnejn, 29 ta’ Lulju, 1563.[6]

Ħal Qormi, fiż-żmien li qegħdin insemmu kien raħal mifrux sewwa. Bħala parroċċa kienet kbira ħafna. Kienet tmiss ma’ Ħal Luqa iżda dan ir-raħal kien jagħmel parti mill-parroċċa ta’ Bir Miftuħ u sar parroċċa awtonoma fl-1634 meta l-Qormi Dun Wistin Cassia laħaq l-ewwel kappillan ta’ Sant Andrija nhar 15 ta’ Mejju ta’ dik is-sena.[7] Żewġ parroċċi oħra li kienu jmissu mar-raħal ta’ Ħal Qormi kienu Ħaż Żebbuġ u s-Siġġiewi, li t-tnejn li huma mniżżlin fir-Rollo tas-Senatur De Mello tas-sena 1436.[8] Fuq ix-xaqliba l-oħra, Ħal Qormi kellu l-parroċċa ta’ Birkirkara li skont dokument misjub fl-arkivi tal-Vatikan, dan ir-raħal kien diġà parroċċa fl-1402. [9] Il-medda art li hemm bejn dawn l-erba’ parroċċi, sal-Għolja Xeberras, kienet kollha tagħmel parti mill-parroċċa antika ta’ Ħal Qormi. Il-parroċċi li nsibu llum f’ din l-akwata ma kienux jeżistu fi żmien l-Assedju l-Kbir u kienu kollha jaqgħu taħt il-kappillan ta’ Ħal Qormi fejn tidħol kura spiritwali.

F’ dawk is-snin il-mexxejja politiċi ta’ pajjiżna kienu l-Kavallieri ta’ San Ġwann. Bejn il-21 ta’ Awwissu, 1557 u l-21 ta’ Awwissu, 1568, il-Gran Mastru kien il-Franċiż Jean Parisot de Valette. L-Isqof li jmexxi l-Knisja f’ Malta kien Monsinjur Domingo Cubels, appuntat Isqof ta’ Malta fl-10 ta’ Diċembru, 1540 mill-Papa Pawlu III. L-Isqof Cubels miet fit-22 ta’ Novembru, 1566. [10]

Image result for la vallette
la Valette
Billi l-art li tappartjeni l-parroċċa Qormija kienet tmiss mal-port il-kbir, il-kamp tal-assedju kien jaqa’ taħt it-tmexxija spiritwali tal-kappillan tal-Qriema. In-nies ta’ din l-akwata kienu mħeġġin biex iħallu darhom u jinġabru fil-Birgu u l-Isla, bliet imdawrin bis-swar, filwaqt li s-suldati kienu baqgħu f’ darhom biex ikunu qrib il-fortizza ta’ Sant Iermu, li tinsab fil-periferija tal-parroċċa. Dawn is-suldati qalbiena kellhom it-treġġija spiritwali ta’ Dun Gianello Cilia li ħass li postu ma kienx wara s-swar tal-Birgu jew l-Isla imma ġewwa Sant Iermu, sewwasew fuq il-kamp tal-battalja. Fost l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia li rawh bl-ixkubetta jissielet mat-Torok [...] Il-Kappillan ma laqax l-offerta tal-barklor Gregorio Schembri biex jeħilsu minn fejn kien u jieħdu l-Birgu, iżda għażel li jibqa’ fit-taqtigħa jfarraġ lill-erwieħ sal-aħħar.[11] Wara aktar minn xahar ta’ taqbid, nhar l- Erbgħa, 23 ta’ Ġunju, 1565 il-forti Sant Iermu waqa’ f’ idejn it-Torok. Meta t-Torok daħlu f'Sant Iermu, qatlu lil dawk il ftit li kienu għadhom ħajjin,  qabdu l-katavri tal-Kavallieri u l-Maltin, fetħulhom sidirhom forma ta’ salib u wara li rabtuhom mal-injam tefgħuhom fil-port lejn in-naħa tal-Birgu u l-Isla. De Valette b'risposta ta’ dan qata' ras il-priġunieri Torok kollha u ordna li rjushom jiġu sparati lejn Sant Iermu.

Fost l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia. Il-ġisem bla ħajja tal-Kappillan deher taħt is-swar tal-Birgu. Billi l-vittmi kollha kienu tħanxritilhom rashom, ma kienitx ħaġa faċli li l-katavri jingħarfu. Jingħad li Dun Gianello kellu tebgħa f’ siequ u kienet din it-tebgħa li kixfet li dak il-ġisem bla ħajja kien tiegħu. Madanakollu din ma kienitx prova tajba biex ikun iċċertifikat li bniedem miet.[12] Fil-fatt il-kappillan li mexxa lil Ħal Qormi wara Dun Gianello Cilia, kien Dun Marjanu Briffa, li ħa l-pussess f’ Ġunju tas-sena 1569, erba’ snin wara l-mewt ta’ Cilia.

It-Torok qatt ma kienu bassru li din id-daqxejn ta’ gżira tagħna kellha toffri daqstant reżistenza. F’ Settembru l-għejja bdiet tagħmel tagħha u l-ħsieb li x-xitwa kienet qegħda toqrob u għalhekk il-vjaġġi bil-baħar isiru aktar diffiċli  aktar naqqset mill-moral tat-Torok. F’ dawk il-jiem kienet waslet l-għajnuna lill-Kavallieri, bosta xwieni b’ numru kbir ta’ suldati kienu daħlu Malta. Nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Settembru, 1565, it-truppi Torok telqu minn xtutna biex taw ir-rebħa lill-Kavallieri u lill-Maltin. Il-qniepen tal-knejjes kollha, fosthom dawk tal-knisja tagħna, daqqew mota ta’ ferħ. Dak il-jum, il-jum li fih il-Knisja tiċċelebra t-twelid ta’ Marija Santissima, għalina l-Maltin sar ukoll jum il-Vitorja, kif għadna nsejħulu sal-lum. Kienu eluf li ħallew ħajjithom f’ dan l-Assedju, fosthom il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, Dun Gianello Cilia.

Illum fir-raħal ta’ Ħal Qormi insibu triq imsemmija għal Dun Ġwann Cilia, il-kappillan li ħalla ħajtu jassisti lill-parruċċani tiegħu. Qrib insibu wkoll triq oħra imsemmija għall-Eroj tal-Assedju. Kien xieraq li dawn it-toroq jingħataw dawn l-ismijiet biex qatt ma jkunu minsijin dawn l-Eroj, fosthom Dun Gianello jew Dun Ġwann Cilia, eroj u martri tal-Assedju l-Kbir.




Kitba: Fr. Reno Muscat

Pubblikazzjoni: Kumitat Organizattiv Festi 275 Anniversaru tal-Istatwa Titulari ta’ San Ġorġ – Ħal Qormi.

Fuljett imqassam fid-djar tal-parroċċa ta' San Ġorġ Ħal Qormi fl-okkażjoni tal-450 sena mill-Assedju l-Kbir.




[1] A. Cassola, The 1565 Great Siege of Malta and Hipolito Sans's La Maltea,  P E G, Malta, 1999,
[2] G.Bedoulle, Dizionario di Storia della Chiesa, ESD, Bologna, 1997, pp 255-257.
[3] Idem p. 240
[4] G. Martina, Storia della Chiesa,Vol II, Morcelliana, Brescia, 2006, p 67.
[5] H. Tuchle (ed al), Nuova  Storia della Chiesa, Vol III, Marietti, Torino, 1996, pp 236-237.
[6] J. F. Grima (ed), Il-Knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ Ħal Qormi, Malta, 1984, p 133.
[7] K. Zammit, Il-Knejjes Parrokkjali ta’ Malta u l-Festi Tagħhom, Vol II, Pin, 1993, p 52.
[8] M. Mizzi, Il-Knejjes Parrokkjali ta’ Malta u l-Festi Tagħhom, Vol III, Pin, 1994, p 268.
[9] S. u Ph. Xuereb, Birkirkara, Storja, Kolleġġjata, Knejjes Filjali, PEG, Malta, 2005, p 19.
[10] www.catholic-hierarchy.org/bishop/bcubels imniżżel fl-10 ta’ Ottubru 2015.
[11] J.F. Grima, f’ Bejnietna, Il-Kappillan Dun Gianello Cilia, nr. 50, 1990, p. 11.
[12] http://www.timesofmalta.com/articles/view/20150827/local/the-beheaded-qormi-parish-priest-and-other-siege-tales.582160








venerdì 25 dicembre 2015

Solitudni u solidarjetà

Meta kont għadni ngħix Ruma kont nagħti servizz ġewwa l-parroċċa li kont ngħix fiha. Fost xogħol ieħor, il-Ħadd filgħodu kont noqgħod inqarar. Darba minnhom ġiet ħdejja waħda mara imdaħħla fiż-żmien. Din qaltli li kienet ġiet ħdejja mhux għax kellha bżonn tqerr imma xtaqet tkellimni.

X’ riedet tgħidli?
Ngħidilkom id-dritt qabditni l-kurżità u f’ inqas minn sekonda għaddew eluf ta’ ħsibijiet minn ġo moħħi. Din mara lanqas qatt rajtha b’ għajnejja, ladarba ma għandiex bżonn tqerr, xi trid tgħidli? Fl-aħħar bdiet titkellem. “Padre”, qaltli, “nammirakom u nieħu gost narakom taħdmu mat-tfal u ż-żgħażagħ. Naf kemm taħdmu mal-għarajjes u naf kemm hawn attivitajiet għall-koppji miżżewġin. Dan kollu nafu għax jiena għomri kollu għext f’ din il-parroċċa.” F’ qalbi bdejt ngħidilha, “Iva ejja aqlagħha u għidli dak li għandek tgħidli!” Wara nifs twil kompliet tgħid dak li ġiet biex tgħid: “Komplu sejrin hekk imma lilna x-xjuħ tinsewniex. Jien għall-grazzja ta’ Alla niflaħ niġi sal-knisja u niġi kull nhar ta’ Ħadd. M għadnix noqgħod id-dar imma qegħda f’ dar tax-xjuħ fil-parroċċa stess. Hemm ħafna oħrajn li ma joħorġux minn dik id-dar. Kamrithom saret id-dinja tagħhom. Jixtiequ joħorġu imma ma għadhomx jifilħu. Tinsewniex! It-tfal ifittxu tfal oħra u ż-żgħażagħ jafu jorganizzaw lilhom infushom, imma aħna x-xjuħ ma fadlilniex forza, irridu, nixtiequ, imma s-snin iħallu l-efett tagħhom fuqna. Sewwasew kif hemm fl-Evanġelju, Padre, L-ispirtu jrid imma l-ġisem dgħajjef!” Bikkmittni u ma sibtx kliem x’ ngħidilha.

Ħidma ma’ tfal, żgħażagħ jew adulti
Meta wieħed ikollu xogħol mat-tfal, maż-żgħażagħ jew mal-adulti aktarx ikun xogħol li jagħti sodisfazzjon kbir. Min jaħdem f’ dawn l-aqsma irid ikun mimli enerġija għaliex dawn huma faxex ta’ nies li jew tkun bħalhom jew aktarx li ma tkampax magħhom. Aktarx li meta taħdem mat-tfal u ż-żgħażagħ issir bħalhom. Xogħol mal-adulti jirrikjedi aktar preparazzjoni, aktar serjetà għaliex mat-tfal u ż-żgħażagħ taħdem il-frażi Ngliża, ‘Happy go lucky’, bix-xejn jivvintaw logħba jew ħarġa jew attività. L-adulti jkollhom aktar esperjenza tal-ħajja u għalhekk attività magħhom tkun xi ftit differenti minn tal-faxex l-oħrajn li semmejna. L-adult ma jaċċettax kollox, l-adult għandu mnejn ma jkunx happy go lucky, l-adult għandu mnejn joffri opinjoni totalment differenti minn tiegħek għaliex l-esperjenza tal-ħajja tkun għallmitu mod ieħor minn dak li tkun qed tgħid jew tissuġġerixxi inti. Hu x’ inhu ma’ dawn it-tipi ta’ pesuni mhux diffiċli taħdem u timxi ’l quddiem.

Anzjani u xjuħ
Illum hawn min jieħu fastidju jekk issejjaħlu xiħ. Iridha ta’ anzjan għax bħal dak li qallu mhux l-istess ħaġa! Intant jien hawnhekk se nsejħilhom xjuħ għax hija l-kelma Maltija, nispera li ħadd ma jieħu fastidju. Iż-żmien isajjar il-bajtar ngħidu u tabilħaqq isajjar mhux il-bajtar biss imma jsajjar kollox u lil kulħadd. Kemm qaltli sew dik is-sinjura ta’ Ruma, il-bniedem jikber u jispiċċa bħall-Appostli fl-ort tal-Ġetsemani, l-ispirtu jrid imma l-ġisem dgħajjef. 

Darba kont qed nitkellem ma’ tabib ħabib tiegħi u ġibna l-kliem fuq zijuh, saċerdot xiħ. Qalli li ma għadux joħroġ. Staqsejtu kif kien li ntafa’ ġewwa. It-tabib qalli li meta xiħ ma joħroġx aktar mhux għax ma jkunx irid imma għax ma jkunx jiflaħ. Kont naħseb li bniedem jintelaq u ma joħroġx aktar għax jitgħażżen, kont żbaljat. Dan id-diskors kien sar qabel ma kienet kellmitni dik ix-xiħa ta’ Ruma. Kliem tad-deheb li jfisser l-istess bħalma qalli t-tabib ħabib tiegħi: l-ispirtu jrid imma l-ġisem dgħajjef!

Ix-xjuħ huma l-aktar nies li huma f’ riskju li jispiċċaw waħedhom. Is-solitudni hija arma qerrieda li ġġiegħel lil dak li jkun iħossu mxebba’ minn ħajtu, iġġiegħel lill-bniedem jixtieq li jasal tmiemu. Hu għalhekk li hemm bżonn li din il-faxxa ta’ nies ikollha l-attenzjoni u s-solidarjetà tagħna.
Żmien il-Milied huwa żmien ta’ ferħ, laqgħat, ħruġ, ċelebrazzjonijiet u elf ħaġa oħra. Huwa tajjeb li niċċelebraw u huwa tajjeb ukoll li niftakru f’ min jinsab waħdu u nuru solidarjetà. L-akbar piena tax-xjuħ li jkunu waħedhom hija li ġisimhom ma jistax jagħmel dak li tgħidilhom qalbhom. Kemm xjuħ ikunu jixtiequ jmorru l-quddiesa ta’ nofsillejl fil-lejl tal-Milied! Fil-verità ftit li xejn minnhom ikunu jistgħu jattendu għaliha minħabba għadd ta’ problemi. Sfortunatament anke l-lejl tal-Milied jista’ jkun lejl ta’ solitudni għal bosta xjuħ!

Padre, tinsewniex lilna
Il-kliem tax-xiħa Rumana għadu jidwi f’ widnejja u wiċċha għadni qed naraħ quddiem għajnejja. L-esperejnza ta’ xogħol f’ dar tax-xjuħ kompliet tkabbar fija dan is-sens ta’ solidarjetà max-xjuħ li faċilment jispiċċaw f’ solitudni kbira. Tassew li eħfef taħdem mat-tfal u ż-żgħażagħ, imma x-xjuħ hemm qegħdin ukoll u xi min daqqiet ikollhom bżonn ta’ attenzjoni aktar min tifel, tifla, żagħżugħ, żagħżugħa, adult jew adulta. Ejjew f’ dawn il-jiem inkunu solidali magħhom.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 19 ta' Diċembru 2015



venerdì 11 dicembre 2015

Id-dar tar-Reġina

Illum il-ġurnata ftit huma dawk li jersqu lejn Gwardamanġa għaliex minn kemm ilu li l-isptar ġenerali ta’ Malta bidel postu, ma għadx hemm dak in-numru kbir ta’ nies li jmorru f’ dan il-lokal. Illum is-subborg ta’ Gwardamanġa jagħmel parti mill-kunsill lokali tal-Pietà li flimkien jiffurmaw raħal ta’ bejn wieħed u ieħor 4000 ruħ.

Pittura tal-villa mogħtija lir-Reġina Eliżabetta 2015
Fuq ix-xellug tad-daħla prinċipali tal-isptar San Luqa insibu t-triq li ġġib l-isem ta’ It-telgħa ta’ Gwardamanġa. Fiha nsibu numru ta’ djar sbieħ, bil-parapetti. Insibu wkoll il-kulleġġ Santu Wistin imma fuq kollox insibu l-villa li dan l-aħħar kienet fuq fomm bosta minna kif ukoll fuq fomm xi barranin. Qed nirreferi għal Villa Guardamagia, id-dar li fiha għexet ir-Reġina Eliżabetta II qabel telgħet fuq it-tron.

Stat ta’ telqa
Villa Guardamangia llum
Meta x-xahar l-ieħor ir-reġina Eliżabetta żaret Malta għal-laqgħa taċ-CHOGM kienet preżentata b’ pittura ta’ din il-villa. Minkejja li l-Maestà tagħha kellha xewqa li żżur din id-dar, min ġieli għadda mit-triq tal-villa jaf sewwa li llum din ma tinstabx f’ kundizzjoni diċenti li tilqa’ reġina fiha. Din ma hijiex dar tal-gvern Malti imma hija

dar privata u fiha jgħixu xi persuni għalhekk ħadd ma jista’ jitfa’ t-tort fuq il-gvern, la preżenti u lanqas preċedenti, li r-residenza li laqgħet lill-Prinċipessa Eliżabetta u lid-Duka Philip ta’ Edinburgu, bejn l-1949 u l-1951, tinsab fil-veru sens tal-kelma fi stat tal-biki. Jingħad li din hija l-unika dar fid-dinja barra r-Renju Unit li fiha għexu għal xi żmien membri tal-familja rjali Brittanika. Dan ikompli jkabbar il-valur ta’ dan il-post.

Minn Villa Medina għal Villa Guardamangia
Villa Guardamangia snin ilu
Din id-dar inbniet bejn tmiem is-seklu XIX u l-bidu tas-seklu XX u l-isem li ngħatat fil-bidu kien Villa Medina. Fl-1929 din id-dar għaddiet għand Lord Louis Mountbatten. Issa l-isem inbidel ukoll u saret tissejjaħ Villa Guardamangia. Il-Prinċipessa, illum Reġina, Eliżabetta kemm-il darba għaddiet xi żmien ġewwa fiha anke qabel ma żżewġet lid-Duka Philip. Biż-żmien din id-dar għaddiet għand familja privata u donnha tilfet kull rabta mal-familja rjali. Ftit li xejn konna nisimgħu li dik kienet id-dar fejn għal xi żmien għexet l-ogħla persuna tar-Renju Unit. Billi din hija propjetà privata tajjeb ngħidu li mhux kulħadd jista’ jkollu r-riżorsi neċessarji biex iżomm binja bħal dik. Jien lil min joqgħod hemmehkk ma nafux imma qed ngħid biss dak li nobsor wara li rajt b’ għajenjja l-qagħda ta’ din il-villa. Bħalma rajt jien jara kulħadd, żgur li ħadd ma jista’ jgħid li l-kundizzjoni tal-binja hija tajba.

Monument
Din id-dar tista’ titqies bħala monument minħabba l-istorja tagħha. Dan huwa bini skedat bħala monument ta’ Grad 2 mill-MEPA. Imma b’ daqshekk ma jfissirx li qed jiġi preservat. Huwa skedat tassew imma l-elementi tan-natura qegħdin jagħmlu xogħolhom u aktar ma jgħaddi żmien aktar il-ħsara qegħda tikber. Hemm bżonn kuxjenza nazzjonali. Tassew li ż-żona li fiha tinsab din il-villa ma hijiex xi waħda storika, imma dan il-bini huwa storiku u għalhekk hemm bżonn ta’ attenzjoni immedjata.

Anke jekk illum ma narawx wisq turisti jitlajjaw u jduru Gwardamanġa, imma kemm-il darba din id-dar tkun restawrata għandu mnejn jinbet l-interss tat-turist l-aktar dak Brittaniku. Il-ġurnal Ingliż  The Daily Telegraph, f’ Mejju li għadda għamel stħarriġ fost il-qarrejja tiegħu dwar jekk din il-villa, kieku kellha tkun irrestawrata u miftuħa għall-pubbliku, kemm ikunu dawk li jitħajru jżuruha. 85% ta’ dawk li wieġbu qalu li jitħajru jmorru jaraw fejn għexet ir-reġina tagħhom qabel telet fuq it-tron, imma fil-kundizzjoni li hi min se jitħajjar iżurha? Hawnhekk naraw li għandna potenzjal turistiku rieqed.

British Malta
Il-164 sena li l-Ingliżi kienu Malta ħallewlna wkoll it-tifkiriet tagħhom. Il-kaxxi tal-ittri ħomor u l-gabbani tat-telefon pubbliċi huma fost il-ftit wirt viżiv li għadna naraw bħala rikordju tal-era Brittanika f’ pajjiżna. Ovvjament meta nipparagunaw il-bini storiku li ħallew il-Kavallieri ma’ dak li ħallew l-Ingliżi naraw ċertu żbilanċ, imma dan ma jfissirx li ma hawnx xi jfakakrna f’ dawk is-snin ta’ qabel l-indipendenza. Tlifna ħafna, bħal ngħidu aħna id-djar ta’ quddiem il-baħar ta’ Tas-Sliema.

Villa Guardamangia għadha ma ntilfitx, għadha wieqfa minkejja l-kundizzjoni li tinsab fiha. Personalment nemmen li l-gvern għandu jintervjeni bla aktar telf ta’ żmien biex jakwistaha u tkun irrestawrata biex ma tibqax issirilha aktar ħsara. Ladarba din terġa tieħu l-glorja li kienet tgawdi aktar minn nofs seklu ilu, din tista’ tintuża bħala mużew tal-era Brittanika f’ Malta.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 12 ta' Diċembru 2015







sabato 5 dicembre 2015

Rejiet u rġejjen

Il-laqgħa tal-mexxejja tal-Commonwealth, imsejħa CHOGM, li saret f’ pajjiżna ftit tal-jiem ilu, nisslet nostalġija għal dawk il-Maltin ta’ ċerta età. Iż-żjara ta’ membri tal-familja rjali ma hijiex sempliċiment żjara kwalunkwe imma hija waħda li fiha sinifikat kbir għal dawk li jiftakru lil Malta bħala kolonja Brittanika. Aħna li ma niftakrux dak iż-żmien ma tantx nistgħu niddeskrivu xi jħossu dawk ta’ qabilna meta ssir żjara minn dik il-persuna li huma jiftakruha bħala kap ta’ pajjiżna. Dawk li għandhom ħamsin sena jew anqas ftit li xejn nafu dwar il-monarkija. Għalina re jew reġina hija xi persuna li kienet tmexxi xi pajjiż ħafna sin ilu. Biss sal-lum fadal numru ta’ monarkiji madwar id-dinja, għad li bosta minhom huma biss titli u tilfu kull poter li darba kellhom. Dan il-ħsieb ġie f’ moħħi u mort infittex dwar kemm bejn wieħed u ieħor fadal monarkiji fid-dinja. Illum nixtieq naqsam magħkom dak li sirt naf.

Ir-Reġina Eliżabetta II
Ir-Reġina Eliżabetta II
Dik li sat-13 ta’ Diċembru 1974 kienet il-kap tal-istat tagħna, Eliżabetta tal-familja Windsor, aktarx li hija l-aktar reġina popolari u magħrufa llum il-ġurnata. Dan għaliex hija kap ta’ xejn inqas minn sittax-il stat. Madanakollu dan ma jfissirx li tmexxi dawn il-pajjizi kollha imma għandha t-titlu ta’ kap għaliex xi darba dawk il-pajjiżi kienu, jew f’ ċerti każi għadhom, taħt il-kuruna Ngliża. Il-pajjiżi li jagħrfu lil din is-sultana bħala kap tagħhom huma dawn: L-ewwel nett Ir-Renju Unit, Antigua u Barbuda, l-Awstralja, il-Baħamas, Barbados, il-Belize, il-Ġamajka, Grenada, il-Kanada, New Zealand, Papua New Guinea, il-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, il-Gżejjer Solomon u Tuvalu.

Strada Rjali fl-okkażjoni tal-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II.
Ir-Reġina Eliżabetta kienet inkurunata fit-2 ta’ Ġunju 1953. Dak iż-żmien Malta kienet għadha kolonja Brittanika u għalhekk kienet saret ukoll ir-reġina ta’ artna. Kienu saru festi kbar f’ pajjiżna sabiex tkun iċċelebrata din l-okkażjoni. Hekk jgħidulna dawk li jiftakru u hekk insibu miktub fil-ġurnali ta’ dak iż-żmien. Illum din is-sultana hija l-aktar waħda li ilha ssaltan fuq it-tron Brittaniku. Hija qabżet lil bużnannitha, ir-Reġina Vittorja li rrenjat għal 63 sena u 216 jum. 

Monarki Ewropej
Ir-Reġina Margrethe II 
Monarkija oħra li ġieli nisimgħu dwarha hija dik Spanjola. Illum din hija mmexxija mir-Re Filipe VI, iben Juan Carlos li kien fuq it-tron Spanjol sal-2014. Il-Belġju wkoll insibu Re. Dan huwa ir-Re Philippe li wiret it-tron fl-2013. L-2013 rat re ieħor ġdid jiġi inkurunat. Qed ngħidu għar-Re Willem-Alexander tan-Netherlands (għax hekk qed tissejjaħ bil-Malti l-Olanda!!!!). In-Norveġja għandha lil Re Harald V bħala kap ta’ stat. Ir-Renju tal-Iżvezja għandu lir-Re Carl XVI Gustaf bħala kap. Id-Danimarka għandha lir-Reġina Margrethe II fuq it-tron. Hemm pajjiżi oħra li għandhom monarka bħala kap tagħhom li ma humiex  rejiet jew irġejjen. Insibu lill-istat ta’ Monaco immexxi mill-Prinċep Albert II, iben Grace Kelly. Il-Lussemburgu għandu lill-Gran Duka Henri. Żewġ stati żgħar Ewropej li fihom għadna nsibu l-monarkija huma l-Liechtenstein u Andorra. L-ewwel stat għandu lill-Prinċep Hans-Adam II u t-tieni għandu storja interessanti dwar il-monarka tiegħu. Hawnhekk il-monarka huma tnejn, l-Arċisqof tad-djoċesi u l-President tar-Repubblika ta’ Franza. Attwalment il-monarki ta’ Andorra huma l-Arċisqof Joan Enric u l-President François Hollande.

Monarki fid-dinja
Fil-kumplament tad-dinja insibu bosta rejiet jew irġejjen oħrajn li ghadhom sal-lum imexxu jew tal-anqas simbolikament huma kapijiet ta’ għadd ta’ stati. Ir-Renju tal-Bahrain għandu lir-Re Hamad ibn Isa, fir-Renju tal-Bhutan insibu lir-Re Jigme Khesar Namgyel. Il-Brunei huwa mmexxi mis-Sultan Hassanal Bolkiah. Fil-Ġordan għandna lir-Re Abdullah II filwaqt li fil-Kambodja nsibu r-Re Norodom Sihamoni. Il-Kap tal-Ġappun huwa l-Imperatur Akihito. Fir-Renju tal-Lesoto hemm ir-Re  Letsie III u fil-Malasja għandna lir-Re  Abdul Halim. Il-Kuwajt għandu lill- Emir Sabah al-Ahmad u l-Marokk lir-Re Mohammed VI. L-Oman, dak li għandu l-kapitali tiegħu l-istess bħal kunjomi, għandu lis-Sultan Qaboos bin Said. Emir ieħor insibuh ġewwa l-Qatar. Dan jismu Tamim bin Hamad. Salman bin Abdul‘aziz huwa r-re tal-Arabja Sawdija filwaqt li Mswati III huwa dak tas-Swaziland. Bhumibol Adulyadej u Tupou VI huma r-rejiet tat-Tajlandja u tar-Renju ta’ Tonga rispettivament.

Papa Pawlu VI
Biex inkunu għidna kollox, anke l-kap tal-iżgħar stat fid-dinja huwa meqjus bħala monarka, Il-Papa għad li ma għadux iġib it-titlu ta’ re, xorta waħda huwa meqjus mal-lista tal-monarki tad-dinja. Lanqas nista’ nimmaġina lill-Papa Franġisku jiġi nkurunat. Madankollu xejn ma jżomm milli papa jkun inkurunat. Kien Pawlu VI l-aħħar papa li kien inkurunat, madanakollu billi l-papiet ta’ warajh għażlu li jibdew il-pontifikat tagħhom bla ma jkunu inkurunati, ma jfissirx li ma jistax ikun hemm inkorunazzjoni ta’ papa fil-futur.

Kemm ismijiet, kemm pajjiżi, li forsi xi wħud lanqas qatt smajna bihom jew nafu fejn huma. Daqxejn ta’ ħsieb dwar ir-reġina wassalni biex infittex  dwarhom u naqsam magħkom dak li sibt.





Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 5 ta' Diċembru 2015