venerdì 11 dicembre 2015

Id-dar tar-Reġina

Illum il-ġurnata ftit huma dawk li jersqu lejn Gwardamanġa għaliex minn kemm ilu li l-isptar ġenerali ta’ Malta bidel postu, ma għadx hemm dak in-numru kbir ta’ nies li jmorru f’ dan il-lokal. Illum is-subborg ta’ Gwardamanġa jagħmel parti mill-kunsill lokali tal-Pietà li flimkien jiffurmaw raħal ta’ bejn wieħed u ieħor 4000 ruħ.

Pittura tal-villa mogħtija lir-Reġina Eliżabetta 2015
Fuq ix-xellug tad-daħla prinċipali tal-isptar San Luqa insibu t-triq li ġġib l-isem ta’ It-telgħa ta’ Gwardamanġa. Fiha nsibu numru ta’ djar sbieħ, bil-parapetti. Insibu wkoll il-kulleġġ Santu Wistin imma fuq kollox insibu l-villa li dan l-aħħar kienet fuq fomm bosta minna kif ukoll fuq fomm xi barranin. Qed nirreferi għal Villa Guardamagia, id-dar li fiha għexet ir-Reġina Eliżabetta II qabel telgħet fuq it-tron.

Stat ta’ telqa
Villa Guardamangia llum
Meta x-xahar l-ieħor ir-reġina Eliżabetta żaret Malta għal-laqgħa taċ-CHOGM kienet preżentata b’ pittura ta’ din il-villa. Minkejja li l-Maestà tagħha kellha xewqa li żżur din id-dar, min ġieli għadda mit-triq tal-villa jaf sewwa li llum din ma tinstabx f’ kundizzjoni diċenti li tilqa’ reġina fiha. Din ma hijiex dar tal-gvern Malti imma hija

dar privata u fiha jgħixu xi persuni għalhekk ħadd ma jista’ jitfa’ t-tort fuq il-gvern, la preżenti u lanqas preċedenti, li r-residenza li laqgħet lill-Prinċipessa Eliżabetta u lid-Duka Philip ta’ Edinburgu, bejn l-1949 u l-1951, tinsab fil-veru sens tal-kelma fi stat tal-biki. Jingħad li din hija l-unika dar fid-dinja barra r-Renju Unit li fiha għexu għal xi żmien membri tal-familja rjali Brittanika. Dan ikompli jkabbar il-valur ta’ dan il-post.

Minn Villa Medina għal Villa Guardamangia
Villa Guardamangia snin ilu
Din id-dar inbniet bejn tmiem is-seklu XIX u l-bidu tas-seklu XX u l-isem li ngħatat fil-bidu kien Villa Medina. Fl-1929 din id-dar għaddiet għand Lord Louis Mountbatten. Issa l-isem inbidel ukoll u saret tissejjaħ Villa Guardamangia. Il-Prinċipessa, illum Reġina, Eliżabetta kemm-il darba għaddiet xi żmien ġewwa fiha anke qabel ma żżewġet lid-Duka Philip. Biż-żmien din id-dar għaddiet għand familja privata u donnha tilfet kull rabta mal-familja rjali. Ftit li xejn konna nisimgħu li dik kienet id-dar fejn għal xi żmien għexet l-ogħla persuna tar-Renju Unit. Billi din hija propjetà privata tajjeb ngħidu li mhux kulħadd jista’ jkollu r-riżorsi neċessarji biex iżomm binja bħal dik. Jien lil min joqgħod hemmehkk ma nafux imma qed ngħid biss dak li nobsor wara li rajt b’ għajenjja l-qagħda ta’ din il-villa. Bħalma rajt jien jara kulħadd, żgur li ħadd ma jista’ jgħid li l-kundizzjoni tal-binja hija tajba.

Monument
Din id-dar tista’ titqies bħala monument minħabba l-istorja tagħha. Dan huwa bini skedat bħala monument ta’ Grad 2 mill-MEPA. Imma b’ daqshekk ma jfissirx li qed jiġi preservat. Huwa skedat tassew imma l-elementi tan-natura qegħdin jagħmlu xogħolhom u aktar ma jgħaddi żmien aktar il-ħsara qegħda tikber. Hemm bżonn kuxjenza nazzjonali. Tassew li ż-żona li fiha tinsab din il-villa ma hijiex xi waħda storika, imma dan il-bini huwa storiku u għalhekk hemm bżonn ta’ attenzjoni immedjata.

Anke jekk illum ma narawx wisq turisti jitlajjaw u jduru Gwardamanġa, imma kemm-il darba din id-dar tkun restawrata għandu mnejn jinbet l-interss tat-turist l-aktar dak Brittaniku. Il-ġurnal Ingliż  The Daily Telegraph, f’ Mejju li għadda għamel stħarriġ fost il-qarrejja tiegħu dwar jekk din il-villa, kieku kellha tkun irrestawrata u miftuħa għall-pubbliku, kemm ikunu dawk li jitħajru jżuruha. 85% ta’ dawk li wieġbu qalu li jitħajru jmorru jaraw fejn għexet ir-reġina tagħhom qabel telet fuq it-tron, imma fil-kundizzjoni li hi min se jitħajjar iżurha? Hawnhekk naraw li għandna potenzjal turistiku rieqed.

British Malta
Il-164 sena li l-Ingliżi kienu Malta ħallewlna wkoll it-tifkiriet tagħhom. Il-kaxxi tal-ittri ħomor u l-gabbani tat-telefon pubbliċi huma fost il-ftit wirt viżiv li għadna naraw bħala rikordju tal-era Brittanika f’ pajjiżna. Ovvjament meta nipparagunaw il-bini storiku li ħallew il-Kavallieri ma’ dak li ħallew l-Ingliżi naraw ċertu żbilanċ, imma dan ma jfissirx li ma hawnx xi jfakakrna f’ dawk is-snin ta’ qabel l-indipendenza. Tlifna ħafna, bħal ngħidu aħna id-djar ta’ quddiem il-baħar ta’ Tas-Sliema.

Villa Guardamangia għadha ma ntilfitx, għadha wieqfa minkejja l-kundizzjoni li tinsab fiha. Personalment nemmen li l-gvern għandu jintervjeni bla aktar telf ta’ żmien biex jakwistaha u tkun irrestawrata biex ma tibqax issirilha aktar ħsara. Ladarba din terġa tieħu l-glorja li kienet tgawdi aktar minn nofs seklu ilu, din tista’ tintuża bħala mużew tal-era Brittanika f’ Malta.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 12 ta' Diċembru 2015







Nessun commento:

Posta un commento