Meta kont għadni
ngħix Ruma kont nagħti servizz ġewwa l-parroċċa li kont ngħix fiha. Fost xogħol
ieħor, il-Ħadd filgħodu kont noqgħod inqarar. Darba minnhom ġiet ħdejja waħda mara
imdaħħla fiż-żmien. Din qaltli li kienet ġiet ħdejja mhux għax kellha bżonn
tqerr imma xtaqet tkellimni.
X’ riedet tgħidli?

Ħidma ma’ tfal, żgħażagħ jew adulti
Meta wieħed
ikollu xogħol mat-tfal, maż-żgħażagħ jew mal-adulti aktarx ikun xogħol li
jagħti sodisfazzjon kbir. Min jaħdem f’ dawn l-aqsma irid ikun mimli enerġija
għaliex dawn huma faxex ta’ nies li jew tkun bħalhom jew aktarx li ma tkampax
magħhom. Aktarx li meta taħdem mat-tfal u ż-żgħażagħ issir bħalhom. Xogħol
mal-adulti jirrikjedi aktar preparazzjoni, aktar serjetà għaliex mat-tfal u
ż-żgħażagħ taħdem il-frażi Ngliża, ‘Happy
go lucky’, bix-xejn jivvintaw logħba jew ħarġa jew attività. L-adulti
jkollhom aktar esperjenza tal-ħajja u għalhekk attività magħhom tkun xi ftit
differenti minn tal-faxex l-oħrajn li semmejna. L-adult ma jaċċettax kollox,
l-adult għandu mnejn ma jkunx happy go
lucky, l-adult għandu mnejn joffri opinjoni totalment differenti minn
tiegħek għaliex l-esperjenza tal-ħajja tkun għallmitu mod ieħor minn dak li
tkun qed tgħid jew tissuġġerixxi inti. Hu x’ inhu ma’ dawn it-tipi ta’ pesuni mhux
diffiċli taħdem u timxi ’l quddiem.
Illum hawn min
jieħu fastidju jekk issejjaħlu xiħ. Iridha ta’ anzjan għax bħal dak li qallu
mhux l-istess ħaġa! Intant jien hawnhekk se nsejħilhom xjuħ għax hija l-kelma
Maltija, nispera li ħadd ma jieħu fastidju. Iż-żmien isajjar il-bajtar ngħidu u
tabilħaqq isajjar mhux il-bajtar biss imma jsajjar kollox u lil kulħadd. Kemm
qaltli sew dik is-sinjura ta’ Ruma, il-bniedem jikber u jispiċċa bħall-Appostli
fl-ort tal-Ġetsemani, l-ispirtu jrid imma l-ġisem dgħajjef.
Darba kont qed
nitkellem ma’ tabib ħabib tiegħi u ġibna l-kliem fuq zijuh, saċerdot xiħ. Qalli
li ma għadux joħroġ. Staqsejtu kif kien li ntafa’ ġewwa. It-tabib qalli li meta
xiħ ma joħroġx aktar mhux għax ma jkunx irid imma għax ma jkunx jiflaħ. Kont
naħseb li bniedem jintelaq u ma joħroġx aktar għax jitgħażżen, kont żbaljat.
Dan id-diskors kien sar qabel ma kienet kellmitni dik ix-xiħa ta’ Ruma. Kliem
tad-deheb li jfisser l-istess bħalma qalli t-tabib ħabib tiegħi: l-ispirtu jrid
imma l-ġisem dgħajjef!
Ix-xjuħ huma
l-aktar nies li huma f’ riskju li jispiċċaw waħedhom. Is-solitudni hija arma
qerrieda li ġġiegħel lil dak li jkun iħossu mxebba’ minn ħajtu, iġġiegħel
lill-bniedem jixtieq li jasal tmiemu. Hu għalhekk li hemm bżonn li din il-faxxa
ta’ nies ikollha l-attenzjoni u s-solidarjetà tagħna.
Żmien il-Milied
huwa żmien ta’ ferħ, laqgħat, ħruġ, ċelebrazzjonijiet u elf ħaġa oħra. Huwa
tajjeb li niċċelebraw u huwa tajjeb ukoll li niftakru f’ min jinsab waħdu u
nuru solidarjetà. L-akbar piena tax-xjuħ li jkunu waħedhom hija li ġisimhom ma
jistax jagħmel dak li tgħidilhom qalbhom. Kemm xjuħ ikunu jixtiequ jmorru
l-quddiesa ta’ nofsillejl fil-lejl tal-Milied! Fil-verità ftit li xejn minnhom
ikunu jistgħu jattendu għaliha minħabba għadd ta’ problemi. Sfortunatament anke
l-lejl tal-Milied jista’ jkun lejl ta’ solitudni għal bosta xjuħ!
Padre, tinsewniex lilna
Il-kliem tax-xiħa
Rumana għadu jidwi f’ widnejja u wiċċha għadni qed naraħ quddiem għajnejja.
L-esperejnza ta’ xogħol f’ dar tax-xjuħ kompliet tkabbar fija dan is-sens ta’
solidarjetà max-xjuħ li faċilment jispiċċaw f’ solitudni kbira. Tassew li eħfef
taħdem mat-tfal u ż-żgħażagħ, imma x-xjuħ hemm qegħdin ukoll u xi min daqqiet
ikollhom bżonn ta’ attenzjoni aktar min tifel, tifla, żagħżugħ, żagħżugħa,
adult jew adulta. Ejjew f’ dawn il-jiem inkunu solidali magħhom.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 19 ta' Diċembru 2015
Nessun commento:
Posta un commento