Malli nisimgħu l-kelma <<Għajn>> nistgħu
nimmaġinaw aktar minn ħaġa waħda għax din hija kelma polivalenti, jew fi kliem
ieħor, kelma b’aktar minn tifsira waħda.
Organu tal-ġisem
L-għajn hija organu li nsibu fil-ġisem tal-annimali
mammiferi u ġieli f’xi annimali oħra wkoll. Din hija l-apparat li jirreaġixxi
għad-dawl u b’hekk inkunu nistgħu naraw. Tiskanta kemm hi komplessa l-għajn u x’funzjoni
għandha, kif taħdem mas-sistema tan-nervituri u kif taħdem b’mod li l-oġġett
ta’ quddiemna ma narawhx bil-maqlub. Mhux l-iskop tiegħi li nidħol fid-dettall
dwar dan l-organu għax m’jiniex kompetenti. Iżda nżid biss li l-għajn li
taħdem sewwa tista’ tipperċepixxi sa għaxar miljun kulur differenti.
Għajn tal-ilma
Għajn Rażul |
Fit-triq li trabbejt fiha ġewwa Ħal Qormi hemm fetħa li
x-xjuħ kienu jsejħulha “Fejn l-għajn”. Dan l-isem jew laqam, li llum għandu
mnejn intilef għal kollox kien ġej mill-fatt li hemmhekk kien hemm għajn
tal-ilma u meta d-djar ma kellhomx il-kumdità tal-vit tal-ilma, kienu jmorru
jimlew l-ilma minn din l-għajn. Ħal Qormi wkoll hemm żona li hija magħrufa
bħala “Fejn l-għajn tal-Bhejjem”. Dan l-isem ingħata għax hemmhekk kien hemm
ħawt li fih kien inixxi ilma li kien iservi biex iż-żwiemel jixorbu minnu.
Illum dan il-ħawt għeb u minflok minn fejn jixorbu ż-żwiemel hemm minn fejn
jixorbu l-karozzi għax saret pompa tal-petrol. Għejjun jew ħwiet bħal dawn kien
hawn ħafna meta l-bhejjem kienu jgħinu lill-bniedem jagħmel ħidmietu.
Bħall-għejjun li semmejt qabel kien hawn ħafna mferrxin ma’
Malta iżda kien hemm xi wħud minnhom magħrufin aktar minn oħrajn. Ir-Rabat kien
hemm l-għajn ta’ San Bastjan quddiem il-kappella tal-istess qaddis, li grazzi
għall-kittieb Kilin saret popolari mal-Maltin kollha minħabba l-ktieb tiegħu “Fuq
l-Għajn ta’ San Bastjan”. L-Imsida hija famuża l-Għajn tal-ħasselin li għadha
wieqfa minkejja li tilfet l-użu tagħha. Tajjeb insemmu li minbarra dik
tal-Imsida għejjun għall-ħasil tal-ħwejjeġ konna nsibu wkoll fl-Imdina,
f’Ħad-Dingli, Marsaxlokk, fil-Fontana u f’Għajnsielem Għawdex. Forsi kien hawn
aktar li jien ma nafx bihom. Għajn oħra li hija wkoll marbuta ma’ tradizzjoni
jew leġġenda hija dik li nsibu fix-Xemxija. Din tissejjnaħ Għajn Rażul. Jingħad
li meta San Pawl ħeles mill-għarqa kien xorob mill-ilma ta’ din l-għajn.
Fil-fatt il-kelma rażul tfisser appostlu.
Irħula
F’pajjiżna nsibu wkoll xi ismijiet ta’ rħula bil-għajn. Wied
il-Għajn huwa raħal għalih filwaqt li Għajn Dwiel jagħmel parti minn Raħal Ġdid
u Għajn Tuffieħa jagħmel parti mir-raħal tal-Manikata. Mal-Mellieħa jagħmel parti
wkoll Għajn Żnuber. F’Għawdex insibu l-Fontana li diġà semmejt qabel li mal-Għawdxin
hi magħrufa bħala Triq tal-Għajn. Hawnhekk għadna naraw żewġ għejjun
tal-ħasselin. F’Għawdex ukoll għandna r-raħal ta’ Għajnsielem.
Imbagħad ma nistgħux ma nsemmux li f’xi rħula nsibu żoni li
jirreferu għalihom bl-isem tal-għajn li xi darab kien hemm fihom, bħalma
semmejt l-Għajn tal-bhejjem f’Ħal Qormi u qed jiġu f’moħħi Għajn Qatet u Għajn
Qamar fir-Rabat Għawdex u Għajn Mhelhel fiż-Żebbuġ Għawdex ukoll. Żgur li
bħalissa qed tiftakar f’xi post ieħor, imma ejja nieqfu hawn.
Għajn oħra
Hawn insemmi dik li ħafna minna jemmnu fiha, l-għajn ħażina.
Hawn min jiġrilu x’jiġrilu jgħid li laqtuh bl-għajn. Dan huwa twemmin antik li
għadu jeżisti fost il-bnedmin tat-tielet millenju. U ara ma taħsbux li dan huwa
twemmin tagħna l-Maltin biss, xejn minn dan, l-għajn jemmnu biha bosta popli.
Il-Knisja ma temminx bl-għajn ħażina imma tammetti li hawn min għandu ċerta
qawwa. Il-Knisja temmen fil-magħmul li mhux sewwasew l-għajn. Ippermettuli
nirrakkuntalkom fatt li ġara lili, imbagħad iġġudikaw intom. Mela kont Bologna
u kont ħiereġ dawra bir-rota ovvajment liebes track suit. Fil-bieb tal-kunvent
kien hemm waħda mara, xebba xiħa, li dejjem tilħaq salib in-nies u qaltli:
"Kien hemm żmien li l-patrijiet ma kienux joħorġu mill-kunvent mingħajr
tonka." Jien, li żaqqi tesa’ furnata ħobż imma kelma tagħmilli d-deni,
weġibtha bla dewmien: "Sinjorina, kien hemm żmien li l-lajċi kienu jilħqu
salibhom biss!" Qattus id-dinja f'nofs ta' triq ma nieħux puncture! Nemmen
li hemm min għandu esperjenzi bħal tiegħi.
L-aħħar għajn
Irrid insemmi għajn oħra, dik li nsibu fl-alfabett Malti.
L-għajn hija dik il-konsonanti li tagħti wisq inkwiet lil min jikteb bil-Malti
u min irid jikteb Malti tajjeb. Ħaġa li ninnuta hi li llum qed isiru ħafna
żbalji fil-kitba. Naraw li hawn min iħalli l-għajn barra meta suppost idaħħalha
u mbagħad idaħħalha fi kliem li mhix suppost tidħol. Veru li ġieli tħawdek
l-għajn imma jekk wieħed irid jikteb Malti tajjeb irid jitgħallem fejn hi
postha din il-konsonanti. Mhux diffiċli wisq jekk tipprova bis-serjetà. Jien
dejjem ngħid li kitba bi żbalji ortografiċi turi nuqqas ta’ serjetà. Ikteb
Malti sewwa u tiġix għala għajnek ħabib!
Illum tajna daqqa ta’ għajn ma' kelma li tintuża ħafna u fiha
tifsiriet differenti.
Fr. Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Ġunju 2020